VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-PANAMA FL-OKKAŻJONI TAL-

XXXIV JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

(23-28 TA’ JANNAR 2019)

 

LITURĠIJA PENITENZJALI MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ IMĊAĦĦDA MIL-LIBERTÀ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Centro de Cumplimiento de Menores Las Garzas de Pacora (Panama)

Il-Ġimgħa 25 ta’ Jannar 2019

 

“Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom” (Lq 15:2), għadna kemm smajna fil-Vanġelu. U dak li kienu qed igemgmu fuqu xi Fariżej, kittieba, mgħallma tal-liġi, pjuttost skandalizzati, pjuttost bil-fastidju għall-mod kif kien qed iġib ruħu Ġesù.

 

B’din l-espressjoni ppruvaw jiżvalutawh, jiskreditawh quddiem kulħadd, imma ma seħħilhomx ħlief jikxfu iżjed wieħed mill-iżjed atteġġjamenti komuni u sbieħ li minnhom jingħaraf Ġesù: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom”. U lkoll aħna midinba, ilkoll, u għalhekk Ġesù jilqagħna bi mħabba, lilna lkoll li qegħdin hawn; u jekk xi ħadd ma jħossux midneb, fostna lkoll li qegħdin hawn, ħa jkun jaf li Ġesù mhux ħa jilqgħu, u jitlef l-aħjar biċċa.

 

Ġesù ma jibżax joqrob lejn dawk li, għal elf raġuni, kienu qed iġorru l-piż tal-mibegħda soċjali, bħal fil-każ tal-pubblikani – niftakru li l-pubblikani kienu jistagħnew biex jisirqu lill-istess poplu tagħhom; huma kienu l-mira ta’ ħafna stmerrija –, jew kienu jiġbdu lejhom il-mibegħda soċjali għax kienu għamlu xi żbalji f’ħajjithom, żbalji, xi ħtija, u għal dan kienu jsejħulhom midinba. Ġesù jagħmel dan għax jaf li fis-Sema ssir festa ikbar għal imqar wieħed minn dawk li żbaljaw, midinbin ikkonvertiti, milli għal disgħa u disgħin ġust li jibqgħu fit-triq it-tajba (ara Lq 15:7).

 

U waqt li dawn il-persuni llimitaw ruħhom għat-tgemgim jew biex jitkażaw, għax Ġesù kien qed jiltaqa’ mal-persuni li kienu jġorru fuqhom il-marka ta’ xi żball soċjali, ta’ xi dnub, u riedu jagħlqulhom il-bibien tal-konverżjoni, tad-djalogu ma’ Ġesù, Ġesù jersaq lejhom u jċappas idejh, Ġesù jirriskja l-fama tiegħu u jistedinna dejjem biex inħarsu lejn xefaq li kapaċi jġedded il-ħajja, li jġedded l-istorja. Ilkoll, ilkoll għandna xefaq quddiemna. Ilkoll. Hemm min forsi jgħid: “Jien m’għandix”. Iftaħ it-tieqa, u ssibu. Iftaħ it-tieqa ta’ qalbek, iftaħ it-tieqa tal-imħabba li hu Ġesù, u ssibu. Ilkoll għandna xefaq. Huma żewġ ħarsiet differenti minn xulxin u kontra xulxin: dik ta’ Ġesù u dik ta’ dawn l-għorrief tal-liġi. Ħarsa sterili u mhux għammiela – dik tat-tgemgim u tat-tpaċpiċ fil-vojt, ta’ min dejjem issibu jitkellem ħażin fuq l-oħrajn u jħossu ġust –, u oħra – li hi dik tal-Mulej – li ssejjaħ għall-bidla u għall-konverżjoni, għal ħajja ġdida, kif għidt int ftit ilu [idur lejn iż-żagħżugħ li ta x-xhieda tiegħu].

 

Il-ħarsa tat-tgemgim u tas-seksik

U dan ma jgħoddx biss għal dawk iż-żminijiet, jgħodd ukoll għal-lum! Ħafna ma tantx jissapportjaw u jħobbu din l-għażla ta’ Ġesù, anzi, l-ewwel minn taħt l-ilsien u mbagħad fl-aħħar b’leħen għoli juru d-diżappunt tagħhom billi jfittxu li jiskreditaw din l-imġiba ta’ Ġesù u ta’ dawk kollha li huma miegħu. Ma jaċċettawx, jirrifjutaw din l-għażla li jersaq qrib u li joffri opportunitajiet ġodda. Dawn jikkundannaw darba għal dejjem, jiskreditaw darba għal dejjem u jinsew li f’għajnejn Alla huma stess huma skreditati u għandhom bżonn tal-ħlewwa, għandhom bżonn tal-imħabba u tal-komprensjoni, imma ma jridux jaċċettawha din. Ma jaċċettawhiex. Fil-ħajja tan-nies donnu iżjed faċli nagħtu titli u tikketti li jiffriżaw u jistigmatizzaw mhux biss il-passat imma anki l-preżent u l-futur tal-persuni. Inwaħħlu t-tikketti fuq il-persuni: dan hekk, dak għamel hekk u issa dik hi u jkollu jġorr dan it-toqol għall-bqija ta’ ħajtu kollha. Hekk jagħmel min igemgem, ipaċpaċ fuq l-oħrajn, hekk ikunu dawn in-nies. Tikketti li, fl-aħħar mill-aħħar, mhux ħlief jifirdu: it-tajbin hawn, il-ħżiena hemm; il-ġusti hawn, il-midinbin hemm. U dan Ġesù ma jaċċettahx. Din hi l-kultura tal-aġġettiv: nieħdu wisq gost “naġġettivaw” in-nies, nieħdu wisq pjaċir. “Int, x’jismek?” – “Jisimni ‘tajjeb’” – “Le, dan mhux aġġettiv. X’jismek?”. Immorru għall-isem tal-persuna: min int, x’tagħmel, x’ħolmiet għandek, xi tħoss f’qalbek… Lil min iħobb ipaċpaċ fuq l-oħrajn dan ma jinteressahx; dritt ifittex tikketta biex biha jwarrab il-persuna għall-ġenb. Il-kultura tal-aġġettiv li tiskredita l-persuna. Aħbsu ftit, biex ma naqgħux f’dan [l-atteġġjament] li faċli ħafna li jiġi offrut lilna fis-soċjetà.

 

Dan l-atteġġjament iniġġes kollox għax itella’ ħajt inviżibbli li jġagħalna naħsbu li jekk nemarġinaw, nisseparaw u niżolaw, inkunu qed insolvu b’xi mod maġiku l-problemi kollha. U meta soċjetà jew komunità tippermetti li jiġri dan, u ma tagħmilx ħlief tpespes ġol-widnejn, isseksek u tgemgem, tidħol f’ċirku vizzjuż ta’ firdiet, ċanfir u kundanni. Interessanti: dawn il-persuni li ma jilqgħux lil Ġesù u dak li hu jgħallimna, huma persuna li jillatikaw dejjem bejniethom, jikkundannaw lil xulxin, fost dawk li jsejħu lilhom infushom ġusti. U barra minn hekk, hu atteġġjament ta’ emarġinazzjoni u ta’ esklużjoni, ta’ oppożizzjoni li bħal Kajfa tgħid b’mod irresponsabbli: “Jaqblilkom jekk imut bniedem wieħed għall-poplu u mhux jinqered il-ġens kollu” (Ġw 11:50). Aħjar inżommuhom miġburin kollha hemm, biex ma jiġux idejquna, aħna rridu ngħixu fil-kwiet. Iebsa din, u dan kellu jaffronta Ġesù, u dan hu li qed naffrontaw aħna wkoll illum. Normalment il-qasba titkisser fl-aktar parti dgħajfa: dik tal-foqra u ta’ min m’għandux min jiddefendih. U huma dawk li jbatu l-iżjed minn dawn il-kundanni soċjali, li ma jħalluhomx jerġgħu jqumu fuq riġlejhom.

 

X’uġigħ il-qalb tara soċjetà li tikkonċentra l-enerġiji tagħha fuq it-tgemgim u li titkaża, pjuttost milli tħabrek, tħabrek biex toħloq opportunitajiet u bidla!

 

Il-ħarsa tal-konverżjoni: il-ħarsa l-oħra

Min-naħa l-oħra, il-Vanġelu hu mmarkat minn din il-ħarsa l-oħra li ġejja minn xejn inqas mill-qalb ta’ Alla. Alla ma jitilqek qatt waħdek. Alla ma jitlaq qatt lil ħadd. Alla jgħidlek: “Ejja”. Alla jistenniek u jħaddnek miegħu, u jekk it-triq ma tafhiex, jiġi hu jfittxek, kif għamel ir-ragħaj man-nagħaġ. Min-naħa l-oħra, il-ħarsa l-oħra tirrifjuta. Il-Mulej irid jagħmel festa meta jara lil uliedu ġejjin lura d-dar (ara Lq 15:11-32). Hekk ta xhieda Ġesù billi wera l-imħabba ħanina tal-Missier sal-iktar punt estrem tagħha. Aħna għandna Missier. Għidtu int dan: għoġbitni din l-istqarrija tiegħek: għandna Missier. Jien għandi Missier li jħobbni. Kemm hi ħaġa sabiħa! Imħabba, dik ta’ Ġesù, li m’għandhiex ħin biex toqgħod tgemgem, imma dejjem tfittex kif ħa tkisser iċ-ċirku tal-kritika bla siwi u indifferenti, newtrali u impersonali. “Grazzi, Mulej”, kien jgħid dak l-imgħallem tal-liġi, “għax jien m’iniex bħal dak”. M’iniex bħal dak. Dawn li jaħsbu li għandhom ruħhom safja għaxar darbiet iżjed f’illużjoni ta’ ħajja sterili li ma tiswa għal xejn. Darba smajt bidwi jgħid xi ħaġa li laqtitni: “L-ilma nadif liema hu? Iva, l-ilma distillat”, qal. “Int taf, Dun, li meta nixorbu, m’għandu togħma ta’ xejn”. Hekk il-ħajja ta’ dawk li jikkritikaw u jzekzku u jżommu bogħod mill-oħrajn: iħossuhom daqshekk nodfa, daqshekk impersonali li ma għandhomx togħma, ma jafux jistiednu lil xi ħadd, jgħixu jieħdu ħsieb tagħhom infushom, biex jagħmlu l-kirurġija estetika fir-ruħ u ma jkunux kapaċi jnewlu idhom lill-oħrajn u jgħinuhom jikbru. Li hu dak li jagħmel Ġesù, li jaċċetta l-kumplessità tal-ħajja u ta’ kull sitwazzjoni; l-imħabba ta’ Ġesù, l-imħabba ta’ Alla, l-imħabba ta’ Alla l-Missier – kif għidt int – hi mħabba li tniedi dimanika li kapaċi toħloq toroq, toffri opportunitajiet ta’ integrazzjoni u trasformazzjoni, opportunitajiet ta’ fejqan, ta’ maħfra, ta’ salvazzjoni. U meta jiekol mal-pubblikani u l-midinbin, Ġesù jfarrak il-loġika li tifred, li teskludi, li tiżola, li tifred b’mod falz bejn “tajbin u ħżiena”. U dan ma jagħmlux b’digriet jew biss bl-intenzjonijiet tajba, lanqas b’xi folosofija tar-rieda jew sentimentalista. Kif jagħmlu Ġesù? Billi joħloq rabtiet, rabtiet li jistgħu jippermettu proċessi ġodda; jirriskja u jiffesteġġja ma’ kull pass possibbli. Għalhekk Ġesù, meta Mattew jikkonverti – din issibuha fil-Vanġelu – ma jgħidlux: “Tajjeb mela, prosit, ejja miegħi”. Le, jgħidlu: “Ejja ħa mmorru niffesteġġjaw id-dar tiegħek”, u jistieden lil ħbiebu kollha, li kienu, bħal Mattew, ikkundannati mis-soċjetà, biex jagħmlu festa. Is-seksiek, dak li jħobb jifred, ma jafx jagħmel festa għax għandu qalbu morra.

 

Joħloq rabtiet, jagħmel festa, dan hu li jagħmel Ġesù. U b’dan il-mod ikisser tgemgima oħra li mhix faċli biex niskopruha u li xxejjen il-ħolm għax tirrepeti bħal tpespisa kontinwa: “M’intix ħa tasal, mhux ħa jirnexxielek”. Kemm drabi smajtuha din: “M’initx ħa tasal”. Attenti, attenti: dan qisu d-dudu li jieklok ftit ftit minn ġewwa. Meta tisma’ min jgħidlek “m’intix ħa tasal”, agħti daqqa ta’ ħarta lilek innifsek: “Iva, se nasal, u għad nurik”. Dik tkun it-tgemgima interjuri, is-seksieka interjuri, li toħroġ f’min, wara li jkun beka l-passat tiegħu, u konxju mill-iżball tiegħu, jibża’ li mhux ħa jkun kapaċi jinbidel. U dan jiġri meta nkunu kovinti żżejjed li min twieled “pubblikan” għandu jmut “pubblikan”; u dan mhuwiex minnu. Il-Vanġelu jgħidilna bil-kontra. Ħdax mit-tnax-il Appostlu kienu midinbin gravi, għax għamlu l-agħar dnub: telqu lill-Imgħallem tagħhom, oħrajn ċaħduh, oħrajn ħarbu. Ittradewh, l-Appostli, u Ġesù mar ifittixhom wieħed wieħed, u huma dawk li bidlu d-dinja. Ħadd minnhom ma qal lilu nnifsu: “M’initx ħa tasal”, għax meta raw l-imħabba ta’ Ġesù wara t-tradiment, [qalu]: “Se nasal, għax Int se tagħtini l-qawwa”. Attenti għad-dudu tal-“m’intix ħa tasal”! Irridu nkunu attenti ħafna.

 

Ħbieb, kull wieħed minna hu ħafna iżjed mit-“tikketti” li jwaħħlulu; hu ħafna iżjed mill-aġġettivi li jridu jagħtuna, hu ħafna iżjed mill-kundanna li imponewlna fuqna. Hekk Ġesù jgħallimna u jsejħilna biex nemmnu. Il-ħarsa ta’ Ġesù tipprovokana biex nitolbu u nfittxu l-għajnuna biex nimxu fit-toroq li jgħinuna negħlbu d-diffikultajiet. Xi drabi t-tgemgim donnu jkun ħa jirbaħ, imma temmnuhx, tisimgħux minnu. Fittxu u isimgħu l-ilħna li jriduna nħarsu ’l quddiem u mhux dawk li jridu jiġbdukom ’l isfel. Isimgħu l-ilħna li jiftħulkom it-tieqa u jurukom ix-xefaq. “Imma jidher imbiegħed!” – “Iva, imma se tasal”. Żomm ħarstek fissa fuqu u jirnexxielek! Kull darba li jiġi d-dudu b’dak il-“mhux sa tasal”, weġbuh minn ġewwa: “Se nasal”, u ħarsu lejn ix-xefaq.

 

Il-ferħ u t-tama tan-Nisrani – tagħna lkoll, u anki tal-Papa – ġejjin għax daq xi darba din il-ħarsa ta’ Alla li jgħidilna: “Int parti mill-familja tiegħi u ma nistax nitilqek għal riħek”. Dan hu dak li Alla jgħid lil kull wieħed minna, għax Alla hu Missier – int għidtha. “Int parti mill-familja tiegħi u m’iniex se nitilqek titkaxkar mill-maltemp, mhux se nitilqek fl-art fit-triq, le, ma nistax nitilfek mat-triq” – jgħidilna Alla, lil kull wieħed minna, b’isimna u kunjomna – “jien ninsab hawn miegħek”. Hawn? Iva, hawn. Dan ifisser li tħoss, kif għidtilna int, Luis, li f’dawk il-mumenti fejn kollox deher qisu spiċċa, xi ħaġa tgħidlek: Le! Ma spiċċax kollox, għax int għandek skop ikbar, u għalhekk tista’ tifhem li Alla kien u hu magħna lkoll u jagħtina persuni li magħhom nistgħu nimxu u jgħinuna nilħqu destinazzjonijiet ġodda.

 

U hekk Ġesù jibdel it-tgemgim f’festa u jgħidilna: “Ifraħ miegħi! (ara Lq 15:6), ejja mmorru niffesteġġjaw”. Fil-parabbola tal-iben il-ħali darba ħadt gost li sibt traduzzjoni li kienet tgħid li l-missier, meta lemaħ lil ibnu ġej lura d-dar, qallu: “Ejja mmorru niffesteġġjaw”, u hemm bdiet il-festa. U traduzzjoni oħra tgħid: “U hemm beda l-ballu”. Il-ferħ, il-ferħ li bih Alla jilqagħna bit-tħaddina tal-Missier: “Beda l-ballu”.

 

Ħuti, intom tagħmlu parti mill-familja, intom għandkom ħafna x’tagħtu. Għinuna nagħrfu liema hu l-aħjar mod biex ngħixu u nsieħbu l-proċess ta’ trasformazzjoni li, bħala familja, ilkoll għandna bżonnu. Ilkoll!

 

Soċjetà timrad meta mhix kapaċi tagħmel festa xħin tara lil uliedha jinbidlu; komunità timrad meta tgħix it-tgemgim li jxejjen u jikkundanna, bla sensibbiltà, is-seksik. Soċjetà hi għammiela meta taf tnissel dimanika li kapaċi tinkludi u tintegra, titgħabba u tissielet biex toħloq opportunitajiet u alternattivi li jagħtu possibbiltajiet ġodda lil uliedha, meta tħabrek biex toħloq futur b’komunità, edukazzjoni u xogħol. Din il-komunità tkun b’saħħitha. U anki jekk idduq in-nuqqas ta’ saħħa għax ma tafx kif ħa tagħmel, hi ma ċċedix u terġa’ tagħmel tentattiv ġdid. U lkoll irridu ngħinu lil xulxin biex nitgħallmu, fil-komunità, insibu dawn it-toroq, biex nittentaw u nerġgħu nittentaw mill-ġdid. Huwa patt li jrid ikollna l-kuraġġ li nagħmlu: intom, żgħażagħ, intom ir-responsabbli mill-għassa u l-awtoritajiet taċ-Ċentru u tal-Ministeru, ilkoll, u l-familji tagħkom, kif ukoll l-operaturi pastorali. Ilkoll, tqabdu, tqabdu – imma mhux bejnietkom, nitlobkom! –, għalxiex? Biex tfittxu u ssibu toroq ta’ inseriment u ta’ bidla. U dan il-Mulej se jbierku. Dan il-Mulej se jwieżnu u dan il-Mulej se jsieħbu.

 

Ftit ieħor u nibdew biċ-ċelebrazzjoni penitenzjali, fejn ilkoll nistgħu nduqu l-ħarsa tal-Mulej, li ma jarax aġġettiv, qatt: jara isem, iħares fl-għajnejn, jara l-qalb. Ma jarax tikketta u lanqas kundanna, imma jara wlied. Il-ħarsa ta’ Alla li jwarrab l-iskwalifiki u jagħtina l-qawwa biex noħolqu dawk il-pattijiet meħtieġa biex jgħinuna lkoll inwarrbu t-tgemgim, dawk il-pattijiet bejn l-aħwa li jagħtuna li f’ħajjitna nkunu dejjem stedina għall-ferħ tas-salvazzjoni, għall-ferħ li jkollna xefaq quddiemna, għall-ferħ tal-festa tal-iben. Ejjew nimxu f’din it-triq. Grazzi.

 

 miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard