VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QT FRANĠISKU

FIL-PANAMA FL-OKKAŻJONI TAL-XXXIV JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

(23-28 TA’ JANNAR 2019)

 

QUDDIESA BID-DEDIKAZZJONI TAL-ALTAR

TAL-KATIDRAL BAŻILIKA TA’ SANTA MARIA LA ANTIGUA FLIMKIEN MAS-SAĊERDOTI, L-IKKONSAGRATI U L-MOVIMENTI LAJKALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 Katidral ta’ S. Maria la Antigua (Panama)

Is-Sibt 26 ta’ Jannar 2019

 

Qabelxejn nixtieq nifraħ lill-Arċisqof, li għall-ewwel darba, wara kważi seba’ snin, seta’ jiltaqa’ mal-mara tiegħu, din il-knisja, armla proviżorja għal dan iż-żmien kollu. U nifraħ ukoll lill-armla, li llum mhix ħa tibqa’ iżjed armla, għax qed tiltaqa’ ma’ żewġha. Irrid nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li dan għamluh possibbli, l-awtoritajiet u l-poplu kollu ta’ Alla, għal dak kollu li għamlu biex l-Arċisqof seta’ jiltaqa’ mal-poplu tiegħu, mhux f’dar mislufa, imma fid-dar tiegħu. Grazzi!

 

Fil-programm kien hemm imniżżel li din iċ-ċerimonja, minħabba fil-ħin limitat, se jkollha żewġ tifsiriet: il-konsagrazzjoni tal-altar u l-laqgħa mas-saċerdorti, ir-reliġjużi u l-lajċi kkonsagrati. Għalhekk, dak li se ngħid se jkun xi ftit jew wisq f’din il-linja, bi ħsieb għas-saċerdoti, għar-reliġjużi u għal-lajċi kkonsagrati, fuq kollox għal dawk li jaħdmu f’din il-Knisja partikulari.

 

“Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. ‘Agħtini nixrob’, qalilha Ġesù” (Ġw 4:6-7).

 

Il-vanġelu li għadna kemm smajna ma jżommx lura milli jippreżentalna lil Ġesù għajjien mill-mixi. F’nofsinhar, meta x-xemx iġġagħlek tħoss il-qilla u l-qawwa kollha tagħha, insibuh ħdejn il-bir. Kellu bżonn jistrieħ u jaqta’ l-għatx, jiffriska ftit, jirkupra saħħtu biex seta’ jkompli bil-missjoni tiegħu.

 

Id-dixxipli setgħu jaraw b’għajnejhom id-dedikazzjoni u d-disponibbiltà tal-Mulej biex iwassal il-Bxara t-tajba lill-foqra, idewwi l-qlub maqsuma, ixandar il-ħelsien lill-ħabsin u l-imjassrin, ifarraġ lil min kien imnikket, u jxandar is-sena tal-grazzja lil kulħadd (ara Iż 61:1-3). Huma kollha sitwazzjonijiet li jeħdulek ħajtek, jixorbulek saħħtek; u ma baqgħux lura milli jirregalawlna tant mumenti importanti fil-ħajja tal-Imgħallem, fejn anki l-umanità tagħna tista’ tiltaqa’ ma’ kelma li tagħti l-Ħajja.

 

Għajjien mill-vjaġġ

Hu relattivament faċli għall-immaġinazzjoni tagħna, ossessjonata kif inhi bl-effiċjenza, li tikkontempla u tidħol f’komunjoni mal-ħidma tal-Mulej, imma mhux dejjem nafu jew nistgħu nikkontemplaw u nsieħbu l-“għeja tal-Mulej”, bħallikieku din ma kinitx ukoll ħaġa ta’ Alla. Il-Mulej għeja, u f’din l-għeja ssib postha tant għeja tal-popli u tan-nies tagħna, tal-komunitajiet tagħna u ta’ dawk kollha li jinsabu mħabbtin u mtaqqlin (ara Mt 11:28).

 

Il-kawżi u r-raġunijiet li jistgħu jipprovokaw l-għeja tal-mixja fina s-saċerdoti, l-ikkonsagrati, il-membri tal-movimenti lajkali, huma ħafna: mis-sigħat twal ta’ xogħol li ftit iħallulna ħin nieklu, nistrieħu, nitolbu u noqogħdu mal-familjari, sal-kundizzjonijiet “tossiċi” tax-xogħol u affettivi li jwassluna biex inħossuna sfiniti u jifnu l-qalb; mid-dedikazzjoni sempliċi u ta’ kuljum sal-piż tar-rutina ta’ min ma jsibx il-gost, ir-rikonoxximent u l-għajnuna biex jista’ jaffaċċja l-bżonnijiet ta’ kuljum; mis-sitwazzjonijiet ikkumplikati komuni u prevedibbli sas-sigħat stressanti u peżanti ta’ tensjoni. Firxa sħiħa ta’ piżijiet li jkollna nissaportu.

 

Impossibbli nfittxu li nħaddnu dawn is-sitwazzjonijiet kollha li jherru l-ħajja tal-ikkonsagrati, imma f’kollha kemm huma nħossu l-ħtieġa urġenti li nsibu bir li jista’ jtaffi u jaqta’ l-għatx u l-għeja tal-mixja. Kulħadd jittallab, bħal f’karba siekta, għal bir li minnu jista’ jerġa’ jibda l-mixja.

 

Issa ilna ftit sew inħossu hawnhekk li mhumiex ftit id-drabi li fihom donnha qed tidher fil-komunitajiet tagħna speċi sottili ta’ għeja, li m’għandha xejn x’taqsam ma’ dik tal-Mulej. U li rridu noqogħdu attenti minnha. Din hi t-tentezzjoni li nistgħu nsejħulha l-għeja tat-tama. Dik l-għeja li tinbet meta – bħal fil-Vanġelu – ir-raġġi tax-xemx jinżlu bis-saħħa u jagħmlu mis-sigħat ta’ ħajjitna xi ħaġa insopportabbli, u dan jagħmluh b’intensità hekk kbira li ma tħalliniex nimxu jew inħarsu ’l quddiem. Bħallikieku kollox jibda jidher imħawwad. Hawn m’iniex nirriferi għall-“għeja partikulari tal-qalb” (San Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Redemptoris Mater, 17; ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 287) ta’ min, “imfarrak” bix-xogħol, fl-aħħar tal-ġurnata jirnexxielu juri tbissima serena u grata; imma għal dik l-għeja l-oħra, dik li tinbet quddiem il-futur meta r-realtà “ssawwatna” u tpoġġi fid-dubju s-saħħa, ir-riżorsi u l-prattikabbiltà tal-missjoni f’din id-dinja li kapaċi ġġib bidliet importanti u tisfida r-realtà kif inhi.

 

Hi għeja li twaħħalna. Tiġi fuqna meta nħarsu ’l quddiem u ma nafux kif nirreaġixxu quddiem l-intensità u l-inċertezza tal-bidliet li bħala soċjetà għaddejjin minnhom. Dawn il-bidliet donnhom jidhru mhux biss qed ipoġġu fid-dubju l-modi ta’ kif nesprimu ruħna u nimpenjaw ruħna, id-drawwiet u l-atteġġjamenti tagħna quddiem ir-realtà, imma jpoġġu fid-dubju wkoll, f’ħafna każi, l-istess prattikabbiltà tal-ħajja reliġjuża fid-dinja tal-lum. U anki l-ħeffa ta’ dawn il-bidliet tista’ twassal biex jistaġnaw kull għażla u opinjoni, u dak li seta’ kien sinifikattiv u importanti fi żminijiet oħra, donnu jidher li m’għadx fadal wisa’ għalih.

 

Ħuti, l-għeja tat-tama tiġi fuqna meta naraw Knisja miġruħa mid-dnub tagħha u li ħafna drabi ma għarfitx tisma’ tant karbiet li taħthom kien hemm moħbija l-għajta tal-Imgħallem: “Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27:46).

 

U hekk nistgħu nidraw ngħixu b’tama għajjiena quddiem il-futur inċert u mistur, u dan iwassal biex isib postu pragmatiżmu griż fil-qalba tal-komunitajiet tagħna. Kollox donnu jidher miexi normali, imma fir-realtà l-fidi tinxtorob, tiġi fix-xejn. Jekk insiru komunitajiet u presbiteri b’qalbna maqtugħa quddiem realtà li ma nifhmux jew li fiha nemmnu li m’għadx hemm wisa’ għall-proposta tagħna, nistgħu nagħtu “ċittadinanza” lil waħda mill-agħar ereżiji possibbli fl-epoka tagħna: li naħsbu li l-Mulej u l-komunitajiet tagħna m’għad fadlilhom xejn iżjed x’jgħidu jew jagħtu f’din id-dinja ġdida li qed tiżviluppa (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 83). U allura jiġri li dak li darba twieled biex isir melħ u dawl tad-dinja, jispiċċa biex joffri l-agħar verżjoni tiegħu nnifsu.

 

Agħtini nixrob

L-għeja tal-vjaġġ tasal u nħossuha. Irrid jew ma rridx, hemm hi, u tajjeb li jkolli l-istess wiċċ li kellu l-Imgħallem biex ngħid: “Agħtini nixrob”. Kif ġralaha s-Samaritana u jista’ jiġri lil kull wieħed u waħda minna, ma rridux naqtgħu l-għatx b’ilma kien li kien, imma b’dak l-“għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 4:14). Nafu, kif kienet taf tajjeb is-Samaritana li kienet ilha s-snin iġġorr il-ġarar battala ta’ mħabbiet falluti, li mhux kull kelma tista’ tgħinna niksbu lura saħħitna u l-profezija fil-missjoni. Mhux kull ħaġa ġdida, tidher kemm tidher attraenti, tista’ ttaffi l-għatx. Nafu, kif kienet taf tajjeb hi, li lanqas l-għarfien reliġjuż, il-ġustifikazzjoni ta’ għażliet determinati u tradizzjonijiet imgħoddija jew il-ġdid ta’ bħalissa, ma jistgħu jagħmlu minna dawk li, dejjem għammiela u mħeġġa, “jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità” (Ġw 4:23).

 

“Agħtini nixrob” hu dak li jitlob il-Mulej, u hu dak li jitlobna ngħidu. Meta ngħiduha, inkunu niftħu l-bieb tat-tama għajjiena tagħna biex bla biża’ nerġgħu lura lejn il-bir li kien il-fundament tal-ewwel imħabba tagħna, meta Ġesù għadda mit-triq tagħna, ħares lejna bil-ħniena, għażilna u sejħilna nimxu warajh; meta ngħiduha, nerġgħu niksbu l-memorja ta’ dak il-mument li fih ħarstu ltaqgħet ma’ tagħna, il-mument li fih uriena li jħobbna, li jħobbni, u mhux biss b’mod personali, imma anki bħala komunità (ara Omelija fil-Velja tal-Għid, 19 ta’ April 2014). Li nagħrfu ngħidu “agħtini nixrob” ifisser nerġgħu lura bil-passi tagħna u, fil-fedeltà kreattiva, nisimgħu kif l-Ispirtu ma ħalaqx opra partikulari, pjan pastorali jew struttura ta’ organizzazzjoni, imma li, permezz ta’ ħafna “qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna” – fosthom missirijiet u ommijiet fundaturi ta’ isituti sekulari, isqfijiet, kappillani li għarfu jagħtu pedament sod lill-komunitajiet tagħhom –, permezz ta’ dawn il-qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna, hu ta l-ħajja u n-nifs lil kuntest storiku partikulari li deher qed jifga u jkeċċi kull tama u dinjità.

 

“Agħtini nixrob” ifisser ikollna l-kuraġġ li nħallu lil Alla jsaffina, li nerġgħu niksbu lura l-parti l-iżjed awtentika tal-kariżmi oriġinarji tagħna – li ma jillimitawx ruħhom biss għall-ħajja reliġjuża, imma għall-Knisja kollha – u naraw b’liema modi jistgħu jesprimu ruħhom illum. Ma jfissirx biss li nħarsu bi gratitudni lejn l-imgħoddi, imma li nfittxu l-għeruq tat-tnebbiħ tiegħu u nħalluhom jidwu mill-ġdid bil-qawwa kollha fostna (ara l-Papa Franġisku – Fernando Prado, La forza della vocazione, Bologna 2018, 42-43).

 

“Agħtini nixrob” ifisser nagħrfu li għandna bżonn lill-Ispirtu biex jibdilna f’nisa u rġiel b’memorja ta’ laqgħa u ta’ passaġġ, il-passaġġ salvifiku ta’ Alla. U fiduċjużi li, kif għamel ilbieraħ, hekk se jkompli jagħmel għada: “Li mmorru lejn l-għeruq bla dubju ta’ xejn se jgħinna ngħixu b’mod xieraq il-preżent, u ngħixuh bla biża’. Hemm bżonn ngħixu bla biża’ billi nwieġbu għall-ħajja bil-passjoni ta’ min hu impenjat fl-istorja, mgħaddsa fl-affarijiet. Hi passjoni ta’ namrat” (ibid., 44).

 

It-tama għajjiena tista’ tfiq u tgawdi minn dik “l-għeja partikulari tal-qalb” meta ma tibqax tibża’ terġa’ lura lejn il-post tal-ewwel imħabba u jirnexxielha tiltaqa’, fil-periferiji u fl-isfidi li llum jippreżentaw ruħhom, mal-istess għanja, mal-istess ħarsa li qanqlet l-għanja u l-ħarsa ta’ missirijietna. Hekk nevitaw ir-riskju li nitilqu minna nfusna u li toqgħod tiġina ħasra minna nfusna, ħaġa li iktar tgħajjina, biex nistgħu niltaqgħu mal-għajnejn li bihom Kristu llum ikompli jfittixna, ikompli jħares lejna, ikompli jsejħilna u jistedinna għall-missjoni, kif għamel f’dik l-ewwel laqgħa, il-laqgħa tal-ewwel imħabba.

 

*  *  *

 

U ma jidhirlix li hi ħaġa żgħira li dan il-Katidral qed jerġa’ jiftaħ bibienu wara żmien twil ta’ restawr. Daq il-medda tas-snin, bħal xhud fidil tal-istorja ta’ dan il-poplu, u bl-għajnuna u l-ħidma ta’ ħafna ried jirregalalna mill-ġdid il-ġmiel tiegħu. Iktar milli rikostruzzjoni formali, li dejjem ħa tipprova tmur lejn passat oriġinali, huwa fittex li jirkupra l-ġmiel tas-snin billi jinfetaħ biex jilqa’ l-ġdid kollu li l-preżent seta’ jagħtih. B’hekk, Katidral Spanjol, Indjan u Afroamerikan isir Katidral Panamiż, ta’ dawk tal-bieraħ, imma anki ta’ dawk tal-lum li għamlu dan kollu possibbli. M’għadux biss ħaġa tal-passat, imma hu ġmiel tal-preżent.

 

U llum mill-ġdid hu ġuf li jistimula biex iġedded u jqawwi t-tama, biex niskopru kif il-ġmiel tal-bieraħ isir pedament biex fuqu nibnu l-ġmiel ta’ għada.

 

Hekk jaħdem il-Mulej. Ebda għeja tat-tama; iva għall-għeja partikulari tal-qalb ta’ min imexxi ’l quddiem ta’ kuljum dak li ġie fdat lilu fil-ħarsa tal-ewwel imħabba.

 

Ħuti, ejjew ma nħallux lil min jisirqilna t-tama li writna, il-ġmiel li writna minn missirijietna! Dawn huma l-għeruq ħajjin, l-għeruq għammiela li jgħinuna nkomplu nagħmlu sabiħa u profetika l-istorja tas-salvazzjoni f’dawn l-artijiet.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard