Il-Kelma ta’ Alla ta’ din il-liturġija fiha żewġ kelmiet ċentrali: għeluq / ftuħ. Ma’ din ix-xbieha nistgħu nżidu wkoll is-simbolu ta’ l-imfietaħ, li Ġesù jafda f’idejn Xmun Pietru biex jista’ jiftaħ il-bieb tas-Saltna tas-Smewwiet, u mhux biex jagħlqu f’wiċċ in-nies, kif kienu jagħmlu ċerti kittieba u Fariżej ta’ wiċċ b’ieħor li Ġesù jċanfar (ara Mt 23:13).

 

Il-qari mill-Atti ta’ l-Appostli (12:1-11) jippreżentalna tliet xorta ta’ għeluq: dak ta’ Pietru fil-ħabs; dak tal-komunità miġbura fit-talb; u – fil-kuntest l-iktar qrib li fih hi ambjentata s-silta tagħna – dak tad-dar ta’ Marija, omm Ġwanni msejjaħ Marku, fejn Pietru jmur iħabbat wara li ġie meħlus.

 

Dwar l-għeluq, it-talb jidher bħala t-triq ewlenija li minnha wieħed għandu jgħaddi biex joħroġ: triq għall-komunità, li tirriskja li tingħalaq fiha nfisha minħabba fil-persekuzzjoni u l-biża’; triq għal Pietru, li fil-bidu tal-missjoni li fdalu l-Mulej jiġi mixħut il-ħabs minn Erodi u jirriskja l-kundanna u l-mewt. U waqt li Pietru kien maqful il-ħabs, “il-Knisja kienet qiegħda titlob lil Alla għalih bil-ħerqa” (Atti 12:5). U l-Mulej iwieġeb għat-talb u jibgħat l-anġlu tiegħu biex jeħilsu, jaħtfu minn taħt idejn Erodi (ara v. 11). It-talb, bħala fiduċja umli f’Alla u fir-rieda tiegħu, dejjem hu t-triq li toħroġna mill-għeluq personali u komunitarju tagħna. Hu l-aqwa triq li tista’ toħroġna mill-għeluq.

 

Anki Pawlu, meta jikteb lil Timotju, jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu ta’ ħelsien, ta’ ħruġ mill-periklu li anki hu jispiċċa kkundannat għall-mewt; imma l-Mulej kien qrib tiegħu u tah il-qawwa biex iwettaq sa l-aħħar l-opra tiegħu ta’ evanġelizzazzjoni tal-ġnus (ara 2 Tim 4:17). Imma Pawlu jitkellem fuq “ftuħ” wisq ikbar, lejn xefaq wisq infinitament usa’: dak tal-ħajja ta’ dejjem, li hemm tistennieh wara li jtemm il-“ġirja” tiegħu fuq din l-art. Sabiħ allura tara l-ħajja ta’ l-Appostlu kollha “fi ħruġ” grazzi għall-Vanġelu: kollha tħares ’il quddiem, l-ewwel biex iwassal lil Kristu lil dawk kollha li ma jafuhx, u mbagħad biex jintefa’, biex ngħidu hekk, f’dirgħajh, biex minnu jiġi mwassal salv “fis-saltna tiegħu tas-Sema” (v. 18).

 

Lura għal Pietru. Ir-rakkont tal-Vanġelu (Mt 16:13-19) bl-istqarrija tal-fidi tiegħu u bil-missjoni li mbagħad fdalu Ġesù jurina li l-ħajja ta’ Xmun, sajjied mill-Galilija – bħall-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna –, tinfetaħ, twarrad għal kollox meta tilqa’ minn għand Alla l-Missier il-grazzja tal-fidi. Allura Xmun jaqbad it-triq – triq twila u iebsa – li twasslu biex joħroġ minnu nnifsu, mis-sigurtajiet umani tiegħu, fuq kollox mill-kburija tiegħu mħallta mal-kuraġġ u ma’ l-altruwiżmu ġeneruż. F’din il-mixja tiegħu ta’ ħelsien, it-talba ta’ Ġesù hi deċiżiva: “Jiena tlabt għalik [Xmun], biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa” (Lq 22:32). Daqstant ieħor deċiżiva hi l-ħarsa mimlija ħniena tal-Mulej wara li Pietru kien ċaħdu tliet darbiet: ħarsa li tmiss il-qalb u ddewweb id-dmugħ ta’ l-indiema (ara Lq 22:61-62). Hemm Xmun Pietru ġie meħlus mill-ħabs tal-jien kburi tiegħu, tal-jien tal-biża’ tiegħu, u għeleb it-tentazzjoni li jingħalaq għas-sejħa ta’ Ġesù u jimxi warajh fit-triq tas-salib.

 

Kif semmejt, fil-kuntest tas-silta ta’ l-Atti ta’ l-Appostli hemm dettall li rridu ninnutaw sew (ara 12:12-17). Meta Pietru mirakolożament isib ruħu meħlus barra mill-ħabs ta’ Erodi, imur fid-dar ta’ omm Ġwanni msejjaħ Marku. Iħabbat il-bieb, u minn ġewwa twieġbu qaddejja jisimha Roda, li, meta għarfet leħen Pietru, flok fetħitlu l-bieb, billi ma riditx temmen u fl-istess ħin kollha ferħ, marret tiġri tgħid b’dan lil sidtha. Ir-rakkont, li jista’ jidher komiku – u li jista’ jkun li ta bidu għall-hekk imsejjaħ “kumpless ta’ Roda” –, jurina l-klima ta’ biża’ li fiha kienet il-komunità Nisranija, li baqgħet magħluqa d-dar, u magħluqa wkoll għas-sorpriżi ta’ Alla. Pietru jħabbat il-bieb. “Ħares!”. Hemm il-ferħ, hemm il-biża’… “Niftħu? Ma niftħux?…”. U hu qiegħed fil-periklu, għax tista’ taqbdu l-pulizija. Imma l-biża’ jżommna, dejjem iżommna; jagħlaqna, jagħlaqna għas-sorpriżi ta’ Alla. Dan id-dettall ikellimna dwar it-tentazzjoni li dejjem teżisti għall-Knisja: dik li tingħalaq fiha nfisha, quddiem il-perikli. Imma mqar hawn hemm dak ix-xaqq ċkejken li minnu tista’ tgħaddi l-azzjoni ta’ Alla: jgħidilna Luqa li f’dik id-dar “kien hemm ħafna miġbura jitolbu flimkien” (v. 12). It-talb jippermetti lill-grazzja ta’ Alla li tiftaħ triq li minnha wieħed jista’ joħroġ: mill-għeluq għall-ftuħ, mill-biża’ għall-kuraġġ, mid-diqa għall-ferħ. U nistgħu nżidu: mill-firda għall-għaqda. Iva, dan il-lum ngħiduh b’fiduċja flimkien ma’ ħutna mid-Delegazzjoni mibgħuta mill-għażiż Patrijarka Ekumeniku Bartilmew, biex jieħdu sehem fil-festa tal-Qaddisin Patruni ta’ Ruma. Festa ta’ komunjoni għall-Knisja kollha, kif tixhed ukoll il-preżenza ta’ l-Arċisqfijiet Metropoliti li ġew għat-tberik tal-Palji, li sa jingħatawlhom mir-Rappreżentanti tiegħi fis-Sedi rispettivi tagħhom.

 

Ħa jidħlu għalina l-qaddisin Pietru u Pawlu, biex nistgħu nwettqu bil-ferħ din il-mixja, u nduqu l-qawwa ħelliesa ta’ Alla u nagħtu xhieda tagħha quddiem kulħadd.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard