QUDDIESA TA’ BILLEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TA’ SIDNA

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

It-Tlieta 24 ta’ Diċembru 2019

 “In-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom” (Iż 9:1). Din il-profezija tal-Ewwel Qari twettqet fil-Vanġelu: fil-fatt, waqt li r-ragħajja kienu għassa billejl fir-raba’ tagħhom, “il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom” (Lq 2:9). Fil-lejl ta’ din l-art deher dawl mis-sema. Xi jfisser dan id-dawl li feġġ qalb id-dalma? Ifissirhulna l-Appostlu Pawlu, li qalilna: “Dehret il-grazzja ta’ Alla”. Il-grazzja ta’ Alla, li hi “għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha” (Tit 2:11), f’dan il-lejl geżwret lid-dinja kollha fiha.

 Imma x’inhi din il-grazzja? Hija l-imħabba divina, l-imħabba li tibdel il-ħajja, iġġedded l-istorja, teħles mill-ħażen, issawwab sliem u ferħ. F’dan il-lejl l-imħabba ta’ Alla dehret lilna: huwa Ġesù. F’Ġesù, l-Aktar Għoli ċċekken, biex aħna nistgħu nħobbuh. F’Ġesù, Alla sar Tarbija, biex iħallina nħaddnuh. Imma, nistgħu nistaqsu mill-ġdid, għaliex San Pawl din il-miġja ta’ Alla fid-dinja jsejħilha “grazzja”? Biex jgħidilna li hija kollha kemm hi b’xejn. Filwaqt li hawn fuq l-art kollox donnu jwieġeb għal-loġika ta’ min jagħti biex ikollu xi ħaġa lura, Alla jasal gratis. Imħabbtu mhijiex negozjabbli: aħna m’għamilna xejn biex jistoqqilna din l-imħabba u ma nistgħu qatt inħallsuh lura.

Dehret il-grazzja ta’ Alla. F’dan il-lejl nintebħu li, waqt li aħna xejn ma kien jistħoqqilna, Hu sar xejn għalina; waqt li aħna konna għaddejjin għall-affari tagħna, Hu ġie fostna. Il-Milied ifakkarna li Alla jibqa’ jħobb lil kull bniedem, anki lill-agħar wieħed. Lili, lilek, lil kull wieħed u waħda minna llum jgħidilna: “Inħobbok u se nibqa’ nħobbok għal dejjem, int għażiż f’għajnejja”. Alla ma jħobbokx għaliex taħseb tajjeb u ġġib ruħek sew; iħobbok u daqshekk. Imħabbtu m’għandhiex kundizzjonijiet, ma tiddependix minnek. Jista’ jkollok ideat żbaljati, tista’ tkun għamilt minn kollox, imma l-Mulej mhux se jerġa’ lura milli jixtieqlek il-ġid. Kemm drabi naħsbu li Alla se jkun tajjeb magħna jekk aħna nkunu bil-għaqal u li jikkastigana jekk aħna ħżiena. Mhuwiex hekk. Imqar fid-dnubiet tagħna jibqa’ jħobbna. Imħabbtu ma tinbidilx, ma żżommx f’qalbha; huwa fidil, jistabar. Araw id-don li nsibu fil-Milied: niskopru kollna stagħġib li l-Mulej huwa l-gratwità kollha possibbli, il-ħlewwa kollha possibbli. Il-glorja tiegħu ma tagħminiex, il-preżenza tiegħu ma twerwirniex. Jitwieled fqir minn kollox, biex jirbħilna qalbna bl-għana ta’ mħabbtu.

Dehret il-grazzja ta’ Alla. Grazzja tfisser ġmiel. F’dan il-lejl, fil-ġmiel tal-imħabba ta’ Alla, niskopru wkoll mill-ġdid il-ġmiel tagħna, għaliex aħna l-maħbubin ta’ Alla. Fit-tajjeb u fil-ħażin, fis-saħħa u fil-mard, hienja jew imnikkta, f’għajnejh aħna sbieħ: mhux għal dak li nagħmlu, imma għal dak li aħna. Hemm fina ġmiel li ma jitħassarx, ma jittifisx, ġmiel li ma jitneħħa qatt u li huwa l-qalba ta’ dak li aħna. Illum Alla dan ifakkarhulna, għax jieħu bi mħabba l-umanità tagħna u jagħmilha tiegħu, “jitgħarras” magħha għal dejjem.

Tabilħaqq il-“ferħ kbir” imħabbar f’dan il-lejl lir-ragħajja hu “għall-poplu kollu”. F’dawk ir-ragħajja, li żgur ma kinux xi qaddisin, hemm aħna wkoll, bid-dgħufijiet kollha tagħna. Kif sejjaħ lilhom, Alla jsejjaħ lilna wkoll, għaliex hu jħobbna. U, fl-iljieli tal-ħajja, bħalma qal lilhom jgħid lilna: “Tibżgħux” (Lq 2:10). Kuraġġ, la taqtax qalbek, la titlifx it-tama, la taħsibx illi li tħobb huwa żmien mitluf! Illejla l-imħabba għelbet il-biża’, dehret tama ġdida, id-dawl ħelu ta’ Alla rebaħ fuq id-dlamijiet tal-arroganza umana. Umanità, Alla jħobbok u għalik sar bniedem, m’għadekx iżjed waħdek!

Għeżież ħuti, x’ħa nagħmlu quddiem din il-grazzja? Ħaġa waħda biss: nilqgħu d-don. Qabel ma mmorru nfittxu lil Alla, ejjew inħallu lilu jfittixna, li jfittixna l-ewwel. Ma nibdewx mill-ħiliet tagħna, imma mill-grazzja tiegħu, għaliex hu, Ġesù, hu s-Salvatur. Nixħtu ħarsitna fuq it-Tarbija u nħalluha tgeżwirna bil-ħlewwa tagħha. Ma jifdlilniex iżjed skużi biex ma nħalluhx iħobbna: dak li jiġina ħażin fil-ħajja, dak li fil-Knisja ma jaħdimx sew, dak li fid-dinja mhuwiex kif suppost, ma jibqax iżjed ġustifikazzjoni. Jinżel fit-tieni post, għaliex quddiem l-imħabba belha ta’ Ġesù, quddiem imħabba kollha ħlewwa u qrubija, ma hemmx skużi. Il-kwistjoni fil-Milied hi din: “Se nħalli lil Alla jħobbni? Se nintelaq fi mħabbtu li tiġi biex issalvani?”.

Don hekk kbir jistħoqqlu tant gratitudni. Biex nilqgħu l-grazzja hemm bżonn inkunu nafu nirringrazzjaw. Imma ħajjitna spiss miexja bogħod mill-gratitudni. Illum huwa l-aħjar jum biex nersqu lejn it-tabernaklu, lejn il-presepju, lejn il-maxtura, biex illissnu grazzi. Nilqgħu d-don li huwa Ġesù, biex imbagħad insiru don bħal Ġesù. Insiru don u nagħtu sens lill-ħajja. U huwa l-aħjar mod biex nibdlu d-dinja: ninbidlu aħna, tinbidel il-Knisja, tinbidel l-istorja meta nibdew nippruvaw nibdlu mhux lill-oħrajn, imma lilna nfusna, billi minn ħajjitna nagħmlu don.

Dan Ġesù jurihulna f’dan il-lejl: l-istorja ma bidilhiex billi ġagħal lil xi ħadd jew b’xi kliem qawwi, imma bid-don ta’ ħajtu. Ma qagħadx jistenna li nsiru tajbin biex iħobbna, imma ngħaata għalina b’xejn. Aħna wkoll, ma rridux nistennew li l-proxxmu jsir tajjeb biex nagħmlulu l-ġid, li l-Knisja tkun perfetta biex inħobbuha, li l-oħrajn jagħtu kasna biex naqduhom. Nibdew minna nfusna. Hekk ifisser tilqa’ d-don tal-grazzja. U l-qdusija mhi xejn għajr li nħarsu dan id-don mogħti b’xejn.

Hemm leġġenda ħelwa li tirrakkonta kif, mat-twelid ta’ Ġesù, ir-ragħajja ħaffu lejn il-grotta b’bosta doni f’idejhom. Kull wieħed ħa miegħu dak li kellu, min il-frott ta’ ħidmietu, min xi ħaġa prezzjuża. Imma, waqt li kulħadd kien idejh miftuħa kemm seta’, kien hemm ragħaj li ma kellu xejn. Kien fqir ħafna, ma kellu xejn x’joffrilu. Waqt li kulħadd jara kif ħa jħabbatha mal-ieħor biex jippreżenta l-aqwa don, dan qagħad ma’ ġenb, mirgħux. F’ħin minnhom San Ġużepp u l-Madonna bdew isibuha bi tqila biex jilqgħu d-doni kollha, tant rigali, fuq kollox Marija, li riedet iżżomm it-Tarbija. Allura, meta rat lil dak ir-ragħaj b’idejh votja, talbitu jersaq qrib. U qegħditlu f’ħoġru lil Ġesù. Dak ir-ragħaj, huwa u jilqgħu, intebaħ li kien irċieva dak li ma kienx jistħoqqlu, li kellu f’dirgħajh l-akbar rigal tal-istorja. Ħares lejn idejh, dawk l-idejn li f’għajnejh kienu dejjem battala: kienu saru l-benniena ta’ Alla. Ħassu maħbub, għeleb il-mistħija, u beda juri ’l Ġesù lill-oħrajn, għax ma setax iżomm għalih waħdu d-don tad-doni kollha.

Għażiż ħija, għażiża oħti, jekk idejk jidhrulek battala, jekk qalbek taraha fqira mill-imħabba, dan il-lejl huwa għalik. Dehret il-grazzja ta’ Alla biex iddawwal il-ħajja tiegħek. Ilqagħha u fik jilma d-dawl tal-Milied.

 miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard