Marija “tat id-dawl lill-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 2:7). B’din l-espressjoni sempliċi imma ċara, Luqa jeħodna fil-qalba ta’ dak il-lejl imqaddes: Marija tat id-dawl, Marija tatna d-Dawl. Rakkont sempliċi biex nidħlu fil-ġrajja li tibdel għal dejjem l-istorja tagħna. Kollox, f’dak il-lejl, sar għajn ta’ tama.

 

Ejja mmorru xi versi lura. B’digriet tal-Imperatur, Marija u Ġużeppi kellhom jitilqu. Kellhom jitilqu lil nieshom, darhom, arthom u jibdew mexjin biex imorru jinkitbu. Traġitt xejn komdu u lanqas faċli għal koppja żagħżugħa li kienet waslet biex ikollha tarbija: ħassewhom imġiegħla jħallu arthom. Kellhom qalbhom mimlija tama fil-futur minħabba dik it-tarbija li kienet ġejja; imma l-passi tagħhom kienu tqal bl-inċertezzi u l-perikli ta’ min ikollu jitlaq minn daru.

 

U mbagħad isibu ruħhom wiċċ imb wiċċ ma’ dik li forsi kienet l-aktar ħaġa iebsa: jaslu Betlehem u jsibu li kienet art li ma kinitx qed tistenniehom, art fejn ma kienx hemm post għalihom.

 

U proprju hemm, f’dik ir-realtà li kienet sfida, Marija tatna l-Għimmanuel. L-Iben ta’ Alla kellu jitwieled fi stalla għax niesu ma kellhomx wisa’ għalih. “Ġie għand niesu, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). U hemm… qalb id-dalma ta’ belt li m’għandhiex wisa’ għall-barrani li jiġi mill-bogħod, qalb id-dalma ta’ belt kollha moviment u li f’dan il-każ donnha riedet tibni lilha nfisha billi tagħti daharha lill-oħrajn, proprju hemm xegħlet ix-xrara rivoluzzjonarja tal-ħlewwa ta’ Alla. F’Betlehem inħoloq ftuħ ċkejken għal dawk li tilfu darhom, pajjiżhom, il-ħolm tagħhom; saħansitra għal dawk li ċedew għall-qtugħ ta’ nifs minħabba f’ħajja mjassra.

 

Fil-passi ta’ Ġużeppi u Marija huma moħbija tant passi. Naraw il-passi ta’ familji sħaħ li llum ikollhom iħallu arthom. Naraw il-passi ta’ miljuni ta’ persuni li mhumiex huma li jagħżlu li jitilqu imma huma obbligati jinfirdu mill-għeżież tagħhom, huma mkeċċija minn arthom. F’ħafna każi dan it-tluq ikun mimli tama, mimli bil-futur; f’ħafna oħrajn, dan it-tluq ikollu biss isem wieħed: sopravivenza. Li jiskampawha mill-Erodijiet ta’ żmienna li, biex jimponu l-poter tagħhom u jkattru l-għana tagħhom, ma jsibuhiex bi tqila jxerrdu demm l-innoċenti.

 

Marija u Ġużeppi, li għalihom ma kienx hemm post, huma l-ewwel li jgħannqu lil Dak li jiġi biex jagħti lilna lkoll id-dokument ta’ ċittadinanza. Dak li fil-faqar u ċ-ċokon tiegħu jċanfar u juri li l-poter veru u l-libertà awtentika huma dawk li jonoraw u jwieżnu d-dgħufija ta’ min hu l-iżjed dgħajjef.

 

F’dak il-lejl, Dak li bilkemm kellu post fejn jitwieled, jiġi mħabbar lil dawk li ma kellhomx post fuq l-imwejjed u fit-toroq tal-belt. Ir-ragħajja huma l-ewwel destinatarji ta’ din il-Bxara t-Tajba. Minħabba f’xogħolhom, kienu rġiel u nisa li kellhom jgħixu fit-trufijiet tas-soċjetà. Il-kundizzjonijiet ta’ ħajjithom, il-postijiet li fihom kienu obbligati joqogħdu, kienu jżommuhom milli josservaw il-preskrizzjonijiet ritwali ta’ purifikazzjoni reliġjuża u, għalhekk, kienu meqjusa impuri. Il-ġilda tagħhom, ilbieshom, ir-riħa, il-mod kif jitkellmu, l-oriġni kienet tittradihom. Fihom kollox kien iqanqal suspett. Irġiel u nisa li ridt toqgħod bogħod minnhom, tibża’ minnhom; kont tqishom pagani fost min jemmen, midinba fost il-ġusti, barranin fost iċ-ċittadini. Lilhom – pagani, midinba u barranin – l-anġlu jgħidilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej” (Lq 2:10-11).

 

Araw il-ferħ li f’dan il-lejl aħna mistednin naqsmu, niċċelebraw u nxandru. Il-ferħ li bih Alla, fil-ħniena bla tarf tiegħu, għannaq lilna l-pagani, midinba u barranin, u jħeġġiġna nagħmlu l-istess.

 

Il-fidi ta’ dan il-lejl twassalna biex nagħrfu lil Alla preżenti fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom naħsbu li hu assenti. Hu jinsab fil-viżitatur invadenti, fejn ħafna drabi ma nagħrfuhx, u jimxi fl-ibliet tagħna, fil-postijiet fejn noqogħdu, jivvjaġġa fuq il-karozzi tal-linja tagħna, iħabbat fuq bibienna.

 

U din l-istess fidi twassalna biex nagħmlu wisa’ għal immaġinazzjoni soċjali ġdida, biex ma nibżgħux induqu għamliet ġodda ta’ relazzjoni fejn ħadd m’għandu jħossu li f’din l-art m’hemmx wisa’ għalih. Il-Milied hu ż-żmien biex nibdlu l-qawwa tal-biża’ f’qawwa tal-karità, f’qawwa għal immaġinazzjoni ġdida tal-karità. L-imħabba ma’ dderri qatt fejn hemm l-inġustizzja bħallikieku din kienet ħaġa naturali, imma għandha l-kuraġġ, qalb tensjonijiet u ġlied, li ssir “dar tal-ħobż”, art ta’ ospitalità. Dan fakkarhulna San Ġwanni Pawlu II: “Tibżgħux! Iftħu, anzi, iftħu beraħ il-bibien tagħkom għal Kristu” (Omelija fil-Quddiesa tal-bidu tal-Pontifikat, 22 ta’ Ottubru 1978).

 

Fit-Tarbija ta’ Betlehem, Alla jiġi jiltaqa’ magħna biex jagħmilna protagonisti tal-ħajja ta’ madwarna. Joffri ruħu biex naqbduh f’dirgħajna, biex nerfgħuh u ngħannquh. Biex fih ma nibżgħux naqbdu f’dirgħajna, nerfgħu u ngħannqu lil min hu għatxan, barrani, għarwien, marid, fil-ħabs (ara Mt 25:35-36). “Tibżgħux! Iftħu, anzi, iftħu beraħ il-bibien tagħkom għal Kristu”. F’din it-Tarbija, Alla jistedinna nimtlew bit-tama. Jistedinna nieħdu ħsieb ta’ ħafna li ċedew taħt it-toqol tad-deżolazzjoni meta huma jsibu tant bibien magħluqin f’wiċċhom. F’din it-Tarbija, Alla jagħmilna protagonisti tal-ospitalità tiegħu.

 

Imqanqla mill-ferħ tad-don, o Tarbija ċkejkna ta’ Betlehem, nitolbuk li l-biki tiegħek iqajjimna mill-bruda tagħna, jiftħilna għajnejna quddiem min qed ibati. Ħa tqajjem il-ħlewwa tiegħek is-sensibbiltà tagħna u tgħinna nħossuna mistednin nagħrfuk f’dawk kollha li jaslu fil-bliet tagħna, fl-istorja tagħna, fil-ħajja tagħna. Il-ħlewwa rivoluzzjonarja tiegħek tipperswadina biex inħossuna mistiedna nieħdu fuqna t-tama u l-ħlewwa tal-poplu tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard