FESTA TA’ L-EŻALTAZZJONI TAS-SALIB IMQADDES

 QUDDIESA BIR-RIT TAŻ-ŻWIEĠ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 14 ta’ Settembru 2014

 

L-Ewwel Qari jkellimna dwar il-mixja tal-poplu fid-deżert.  Ejjew naħsbu f’dawn in-nies mexjin, b’Mosè miexi quddiemhom; kienu fuq kollox familji: missirijiet, ommijiet, ulied, nanniet; irġiel u nisa ta’ kull età, tant tfal, bix-xjuħ li kellhom it-taħbit tagħhom…  Dan il-poplu jfakkarna fil-Knisja miexja fid-deżert tad-dinja tal-lum, ifakkarna fil-Poplu ta’ Alla, li fil-parti l-kbira tiegħu hu magħmul minn familji.

 

Dan ifakkarna fil-familji, il-familji tagħna, f’mixjiethom tul it-toroq tal-ħajja, fl-istorja ta’ kuljum…  Ma tistax titkejjel il-qawwa, l-emozzjoni umana li hemm miġbura f’familja: l-għajnuna lil xulxin, l-akkumpanjament edukattiv, ir-relazzjonijiet li jikbru mal-persuni huma u jimmaturaw, il-qsim tal-ferħ u tad-diffikultajiet…  Il-familji huma l-ewwel post fejn niffurmaw ruħna bħala persuni u fl-istess waqt huma l-“kantuni” għall-bini tas-soċjetà.

 

Lura għar-rakkont Bibliku.  F’ċertu punt, “il-poplu ddejjaq jimxi” (Num 21:4).  Għejew, naqashom l-ilma u qed jieklu biss “manna”, ikel ta’ l-għeġubijiet, mogħti lilhom minn Alla, imma li f’dak il-mument ta’ kriżi jidher ftit wisq.  Allura jgergru u jipprotestaw kontra Alla u kontra Mosè: “Għaliex tellajtuna mill-Eġittu?…” (ara Num 21:5).  It-tentazzjoni hi li jerġgħu lura, li jabbandunaw il-mixja.

 

Jiġuni f’moħħi l-koppji miżżewġa li “ma jifilħux iktar il-vjaġġ”, il-vjaġġ tal-ħajja konjugali u familjari.  It-taħbit tal-mixja jsir għeja minn ġewwa; jitilfu l-gost taż-Żwieġ, ma jibqgħux jixorbu mill-għajn tas-Sagrament.  Il-ħajja ta’ kuljum titqal, u tant drabi, issir xi ħaġa li “iddejjaqhom”.

 

F’dak il-mument ta’ konfużjoni – tgħid il-Bibbja – jaslu s-sriep velenużi li jigdmu n-nies, u ħafna jmutu.  Dan il-fatt jipprovoka l-indiema tal-poplu, li jitlob maħfra lil Mosè u jitolbu jgħid lil Alla biex ibiegħed is-sriep minnu.  Mosè jitkarrab lill-Mulej u Hu jipprovdi r-rimedju: serp tal-bronż, arbulat ma’ stendard; kull min iħares lejh, ifiq mill-velenu qattiel tas-sriep.

 

Xi jfisser dan is-simbolu?  Alla ma jeqridx is-sriep, imma joffri “antidotu”: permezz ta’ dak is-serp tal-bronż, magħmul minn Mosè, Alla jittrasmetti l-qawwa tiegħu ta’ fejqan li hi l-ħniena tiegħu, aqwa mill-velenu tat-tentatur.

 

Ġesù, kif smajna fil-Vanġelu, identifika ruħu ma’ dan is-simbolu: il-Missier, fil-fatt, bi mħabba, Lilu, l-Iben il-Waħdieni tiegħu, “tah” lill-bnedmin biex ikollhom il-ħajja (ara Ġw 3:13-17); u din l-imħabba kbira tal-Missier twassal lill-Iben, Ġesù, biex isir bniedem, u jsir qaddej, imut għalina u jmut fuq salib; għalhekk il-Missier qajmu mill-imwiet u għamlu sid ta’ l-univers kollu.  Hekk jgħid l-innu ta’ l-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin (2:6-11).  Min jafda ruħu f’idejn Ġesù Kurċifiss jirċievi l-ħniena ta’ Alla li tfejjaq mill-velenu qattiel tad-dnub.

 

Ir-rimedju li Alla joffri lill-poplu jiswa anki, b’mod partikulari, għall-għarajjes li “ma jifilħux għat-triq”, u jingidmu mit-tentazzjoni tal-qtigħ ta’ qalb, ta’ l-infedeltà, li jaqgħu lura, li jħallu kollox…  Anki lilhom Alla l-Missier jibgħatilhom lil Ibnu Ġesù, mhux biex jikkundannahom, imma biex jifdihom: jekk jafdaw ruħhom f’idejH, hu jfejjaqhom bl-imħabba kollha ħniena li toħroġ tnixxi mis-Salib tiegħu, bil-qawwa ta’ grazzja li tagħti mill-ġdid il-ħajja u terġa’ tqegħidhom fil-mixja tul it-triq tal-ħajja konjugali u familjari.

 

L-imħabba ta’ Ġesù, li bierket u kkonsagrat l-għaqda bejn l-għarajjes, kapaċi żżomm sħiħa mħabbithom u ġġeddidha meta din tintilef, tiċċarrat, tegħja.  L-imħabba ta’ Kristu tista’ tagħti mill-ġdid lill-għarajjes il-ferħ li jimxu flimkien; għax dan hu ż-żwieġ: il-mixja flimkien ta’ raġel u mara, fejn ir-raġel għandu d-dmir li jgħin lil martu ssir iżjed mara, u l-mara għandha d-dmir tgħin lil żewġha jsir iżjed raġel.  Dan hu x-xogħol li għandkom tagħmlu bejnietkom.  “Inħobbok, u għalhekk nagħmlek iżjed mara” – “Inħobbok, u għalhekk nagħmlek iżjed raġel”.  Hi r-reċiproċità tad-differenzi.  M’hix mixja lixxa, bla kunflitti: le, li kien hekk, ma kinitx tkun umana xejn.  Hu vjaġġ impenjattiv, xi kultant diffiċli, xi drabi wkoll bil-kunflitti tiegħu, imma din hi l-ħajja!  U qalb din it-teoloġija li tagħtina l-Kelma ta’ Alla dwar il-poplu li jinsab f’mixja, anki fuq il-familji f’mixja, fuq il-miżżewġin f’mixja, nagħtikom dan il-parir ċkejken.  Hu normali li l-miżżewġin jillatikaw, hu normali.  Dejjem tiġri.  Imma l-parir li nagħtikom hu dan: qatt tispiċċaw il-ġurnata bla ma tagħmlu paċi.  Qatt.  Biżżejjed ġest żgħir.  U hekk wieħed ikompli miexi.  Iż-żwieġ hu simbolu tal-ħajja, tal-ħajja reali, m’hux xi “fiction”!  Hu sagrament ta’ l-imħabba ta’ Kristu u tal-Knisja, imħabba li fis-Salib issib il-verifika u l-garanzija tagħha.  Nawgura lilkom ilkoll mixja sabiħa: mixja li tħalli l-frott; biex tikber l-imħabba.  Nawguralkom il-ferħ.  Sa jkollkom is-slaleb, sa jkollkom.  Imma l-Mulej jinsab dejjem hemm biex jgħinna nibqgħu mexjin.  Il-Mulej iberikkom!

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard