QUDDIESA TAŻ-ŻJUT

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Ħamis ix-Xirka, 29 ta’ Marzu 2018

 

Għeżież ħuti, saċerdoti tad-Djoċesi ta’ Ruma u tad-djoċesijiet l-oħra tad-dinja!

 

Jien u naqra t-testi tal-liturġija tal-lum bdiet tiġini f’moħħi, b’ċerta insistenza, is-silta tad-Dewteronomju li tgħid: “Għax liema ġens hu hekk kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqs kemm hu qrib tagħna l-Mulej, Alla tagħna, kull xħin insejħulu?” (4:7). Il-qrubija ta’ Alla… il-qrubija appostolika tagħna.

 

Fit-test tal-Profeta Iżaija nikkontemplaw il-magħżul ta’ Alla diġà “midluk u mibgħut”, qalb il-poplu tiegħu, qrib tal-foqra, tal-morda, tal-ħabsin…; u l-Ispirtu s-Santu li “hu fuqu”, li jimbuttah u jsieħbu matul il-mixja.

 

Fis-Salm 88 naraw kif il-kumpanija ta’ Alla, li sa miż-żgħożija mexxiet minn idu lis-sultan David u newlitlu dirgħajha, issa li hu mdaħħal fiż-żmien tieħu l-isem ta’ fedeltà: il-qrubija li tibqa’ matul iż-żmien tissejjaħ fedeltà.

 

L-Apokalissi jqarribna lejn l-Erchomenos, sakemm jurihulna, lill-Mulej innifsu li dejjem “ġej”, dejjem. Ir-riferiment għall-fatt li għad jarawh “ukoll dawk li kienu nifduh” iġagħalna nħossu li l-pjagi ta’ Kristu Rxoxt dejjem sa jibqgħu jidhru, li l-Mulej dejjem jiġi jiltaqa’ magħna jekk aħna rridu “nersqu qrib” tal-ġisem ta’ dawk kollha li qed ibatu, speċjalment it-tfal.

 

Fix-xbieha ċentrali tal-Vanġelu tal-lum, lill-Mulej nikkontemplawh permezz tal-għajnejn tan-nies ta’ beltu li kienu “msammra fuqu” (Lq 4:20). Ġesù qam biex jaqra fis-sinagoga ta’ Nazaret. Tawh f’idejh il-ktieb tal-Profeta Iżaija. Fetħu u sab is-silta dwar il-mibgħut ta’ Alla. U qara b’leħen għoli: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni…” (61:1). U għalaq billi wera din il-qrubija hekk provokattiva ta’ dawk il-kelmiet: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu” (Lq 4:21).

 

Ġesù jsib is-silta u jaqra bil-kompetenza tal-kittieba. Hu seta’ perfettament ikun kittieb jew mgħallem tal-liġi, imma għażel li jkun “evanġelizzatur”, predikatur tat-triq, il-“Ħabbar tar-riżq” għall-poplu tiegħu, il-predikatur li riġlejh huma sbieħ, kif jgħid Iżaija (ara 52:7). Il-predikatur hu qrib tan-nies.

 

Din hi l-għażla kbira ta’ Alla: il-Mulej għażel li jkun xi ħadd qrib tal-poplu tiegħu. Tletin sena ta’ ħajja moħbija! Kien biss wara li hu beda jipprietka. Din hi l-pedagoġija tal-inkarnazzjoni, tal-inkulturazzjoni; mhux biss fil-kulturi mbiegħda, imma anki fil-parroċċa, fil-kultura ġdida taż-żgħażagħ…

 

Il-qrubija hi aktar milli s-sempliċi isem ta’ virtù partikulari, hi atteġġjament li jinvolvi lill-persuna kollha, il-mod ta’ kif din twaqqaf rabtiet, kif fl-istess waqt tkun fiha nfisha u attenta għall-oħrajn. Meta dwar xi saċerdot in-nies tgħid li hu “qrib” tagħha, soltu dan ifisser żewġ affarijiet: l-ewwel nett li “dejjem issibu” (bil-maqlub ta’ min “ma jkun qatt hemm”: “Naf, Dun, li għandek ħafna x’tagħmel” – spiss jgħidu). U l-ħaġa l-oħra hi li għandu kelma għal kulħadd. “Jitkellem ma’ kulħadd”, tgħid in-nies: mal-kbar, maż-żgħar, mal-foqra, ma’ dawk li ma jemmnux… Saċerdoti qrib tan-nies, li ssibhom hemm, li jitkellmu ma’ kulħadd… Saċerdoti tat-triq.

 

U wieħed li tgħallem tajjeb minn Ġesù kif ikun predikatur tat-triq kien Filippu. Jgħidulna l-Atti li kien imur minn imkien għall-ieħor iħabbar il-Bxara t-Tajba tal-Kelma billi jipprietka fl-ibliet kollha, u li dawn kienu jimtlew bil-ferħ (ara 8:4-8). Filippu kien wieħed minn dawk li l-Ispirtu seta’ “jaħtaf” f’kull mument u jimbuttah biex jitlaq jevanġelizza, minn post għall-ieħor, wieħed li kapaċi wkoll jgħammed nies ta’ rieda tajba, bħall-ministru tas-sultana tal-Etjopja, u li dan jagħmlu hemm fejn ikun, fit-triq (ara Atti 8:5; 36-40).

 

Għeżież ħuti, il-qrubija hi l-muftieħ tal-evanġelizzatur għax hi atteġġjament-muftieħ fil-Vanġelu (il-Mulej jużaha biex ifisser is-Saltna). Aħna nqisu bħala ħaġa ovvja li l-qrubija hi l-muftieħ tal-ħniena, għax il-ħniena qatt ma tista’ tkun jekk ma tistinkax dejjem, bħal “Samaritana tajba”, biex tqassar id-distanzi. Imma nemmen li għandna bżonn nifhmu aħjar il-fatt li l-qrubija hi wkoll il-muftieħ tal-verità; mhux biss tal-ħniena, imma anki l-muftieħ tal-verità. Nistgħu neqirdu d-distanzi fil-verità? Iva, nistgħu. Fil-fatt, il-verità mhijiex biss id-definizzjoni li tgħinna nagħtu isem lis-sitwazzjonijiet u l-affarijiet billi nżommuhom separati b’kunċetti u raġumenti loġiċi. Mhijiex hekk biss. Il-verità hi wkoll fedeltà (emeth), dik li tippermettilek issejjaħ persuna bl-isem proprju tagħha, kif isejħilha l-Mulej, qabel tikklassifikaha jew tiddefinixxi “s-sitwazzjoni tagħha”. U hawn, hemm din id-drawwa – kerha, le? – tal-“kultura tal-aġġettiv”: dan hu hekk, dak hekk, dan hekk… Le, dan hu iben ta’ Alla. Imbagħad, ħa jkollu l-virtujiet u d-difetti tiegħu, imma l-verità fidila tal-persuna u mhux l-aġġettiv magħmul bla ebda sustanza.

 

Irridu noqogħdu attenti biex ma naqgħux fit-tentazzjoni li nagħmlu idoli ta’ ċerti veritajiet astratti. Huma idoli komdi, fil-qrib, li jagħtu ċertu prestiġju u poter, u diffiċli nagħrfuhom. Għax il-“verità-idolu” tinħeba tajjeb, tuża l-kelmiet tal-Vanġelu bħala libsa, imma ma tħallihx imissilna qalbna. U, agħar minn hekk, tbiegħed in-nies sempliċi mill-qrubija li tfejjaq tal-Kelma u tas-Sagramenti ta’ Ġesù.

 

Fuq dan il-punt, ejjew induru lejn Marija, Omm is-saċerdoti. Nistgħu nsejħulha l-“Madonna tal-Qrubija”: “Bħala omm tassew, timxi magħna, tissielet magħna, u xxerred bla waqfien l-imħabba ta’ Alla li hu qrib tagħna” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 286), hekk li ħadd ma jħossu mwarrab. L-Omm tagħna mhux biss hi qrib tagħna għax taqdi b’dik l-“għożża” (ibid., 288) li hi għamla ta’ qrubija, imma anki bil-mod tagħha kif tgħid l-affarijiet. F’Kana, il-ħeffa u t-ton li bihom tgħid lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5) iwasslu biex dawk il-kelmiet isiru x-xempju matern ta’ kull lingwaġġ ekkleżjali. Imma, biex illissnuhom bħalha, barra li nitolbu l-grazzja, irridu nkunu nafu noqogħdu hemm fejn “jissajru” l-ħwejjeġ importanti, dawk li jfissru għal kull qalb, kull familja, kull kultura. Huwa biss b’din il-qrubija – nistgħu ngħidulha “tal-kċina” – li nistgħu niddixxernu liema hu l-inbid li jonqos u liema hu dak ta’ kwalità aqwa li l-Mulej irid jagħtina.

 

Nissuġġerilkom timmeditaw tliet oqsma ta’ qrubija saċerdotali li fihom dawn il-kelmiet: “Agħmlu kulma jgħidilkom Ġesù”, għandhom jidwu – b’elf mod differenti imma bl-istess ton matern – fil-qalb tal-persuni li magħhom nitkellmu: il-qasam tat-tisħib spiritwali, dak tal-Qrar, u dak tal-predikazzjoni.

 

Il-qrubija fid-djalogu spiritwali nistgħu nimmeditawha billi nikkontemplaw il-laqgħa tal-Mulej mal-mara Samaritana. Il-Mulej jgħallimha tagħraf l-ewwel u qabel kollox kif tadura, fl-Ispirtu u l-verità; imbagħad, bi ħlewwa liema bħalha, jgħinha tagħti isem lid-dnub tagħha, bla ma joffendiha; u fl-aħħar, il-Mulej jittieħed mill-ispirtu missjunarju tagħha u jmur magħha jevanġelizza fir-raħal tagħha. Mudell ta’ djalogu spiritwali, dan tal-Mulej, li jaf jixħet dawl fuq id-dnub tas-Samaritana mingħajr ma jixħet dell fuq it-talba tagħha ta’ adoratriċi u lanqas jagħmel xkiel lill-vokazzjoni missjunarja tagħha.

 

Il-qrubija fil-Qrar nistgħu nimmeditawha billi nikkontemplaw is-silta tal-mara adultera. Hemm naraw ċar kif il-qrubija hi deċiżiva biex il-veritajiet ta’ Ġesù dejjem jitqarrbu u jingħadu (dejjem jistgħu jingħadu) bejn tnejn wiċċ imb wiċċ. Meta tħares f’għajnejn l-ieħor – bħall-Mulej meta jqum fuq riġlejh wara li kien għarkupptejh qrib l-adultera li riedu jħaġġru u jgħidilha: “Lanqas jien ma nikkundannak” (Ġw 8:11) – ma tkunx qed tmur kontra l-liġi. U tista’ żżid: “Mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (ibid.) mhux b’ton li hu tal-ambitu ġuridiku tal-verità-definizzjoni – it-ton ta’ min irid jiddetermina hu liema huma l-kundizzjonamenti tal-Ħniena divina – imma b’espressjoni li tingħad fl-ambitu tal-verità-fidila, li tippermetti lill-midneb li jħares ’il quddiem u mhux lura. It-ton it-tajjeb ta’ din it-“tidnibx iżjed” hu dak tal-konfessur li jgħidha dispost li jtenniha sebgħa għal sebgħin darba.

 

Fl-aħħar nett, il-qasam tal-predikazzjoni. Nimmeditaw fuqu u naħsbu f’dawk li huma mbiegħda, u dan nagħmluh billi nisimgħu l-ewwel prietka ta’ Pietru, fil-kuntest tal-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin. Pietru jħabbar li l-kelma hi “għal dawk kollha li huma fil-bogħod” (Atti 2:39), u jipprietka b’tali mod li l-kerigma “tolqtilhom qalbhom” u twassalhom jistaqsu: “X’għandna nagħmlu aħna?” (Atti 2:37). Mistoqsija li, kif konna qed ngħidu, irridu nagħmlu u li għaliha rridu nwieġbu dejjem b’ton Marjan, ekkleżjali. L-omelija hi l-kejl li “bih ir-Ragħaj jista’ jqis kemm hu qrib u kemm għandu ħila jidħol f’laqgħa mal-poplu tiegħu” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 135). Fl-omelija naraw kemm konna qrib ta’ Alla fit-talb u kemm aħna qrib tan-nies fil-ħajja ta’ kuljum tagħha.

 

Il-Bxara t-tajba sseħħ meta dawn iż-żewġ qrubijiet jikbru u jieħdu ħsieb ta’ xulxin. Jekk tħossok imbiegħed ta’ Alla, nitolbok, oqrob lejn il-poplu tiegħu, li jfejqek mill-ideoloġiji li berrdulek il-ħeġġa. Iċ-ċkejknin jgħallmuk tħares lejn Ġesù b’mod differenti. F’għajnejhom, il-Persuna ta’ Ġesù hi affaxxinanti, l-eżempju tajjeb tiegħu ta’ awtorità morali, it-tagħlim tiegħu jservi għall-ħajja. U jekk int tħossok imbiegħed min-nies, oqrob lejn il-Mulej, lejn il-Kelma tiegħu: fil-Vanġelu, Ġesù jgħallimna l-mod kif hu jħares lejn in-nies, kemm jiswa f’għajnejh kull wieħed u waħda minnhom li għalihom xerred demmu fuq is-salib. Fil-qrubija ma’ Alla, il-Kelma titlaħħam fik u int issir saċerdot qrib ta’ kull ġisem. Fil-qrubija mal-poplu ta’ Alla, il-ġisem tiegħu li jbati jsir kelma fil-qalb tiegħek u jkollok fuqiex titkellem ma’ Alla, issir saċerdot interċessur.

 

Is-saċerdot li hu qrib tan-nies, jimxi qalb in-nies tiegħu bi qrubija u ħlewwa ta’ ragħaj tajjeb (u, fil-pastorali tiegħu, xi drabi jimxi quddiemhom, oħrajn f’nofshom u xi drabi fuq wara), in-nies mhux biss tapprezzah ħafna, imma tmur lil hemm minn hekk: tħoss għalih xi ħaġa speċjali, xi ħaġa li tħoss biss fil-preżenza ta’ Ġesù. Għalhekk, din li nagħrfu l-qrubija tagħna, mhix xi ħaġa żejda. Biha nkunu nagħżlu jekk lil Ġesù nagħmluhx preżenti fil-ħajja tal-bniedem, jew inkella jekk jibqax biss fuq il-livell tal-ideat, magħluq f’karattri kbar, l-aktar l-aktar inkarnat f’xi drawwa tajba li ftit ftit issir rutina.

 

Għeżież ħuti saċerdoti, nitolbu lil Marija, il-“Madonna tal-Qrubija”, tqarribna bejnietna u, fil-mument li fih niġu biex ngħidu lin-nies tagħna “jagħmlu kulma jgħidilhom Ġesù”, tgħaqqdilna t-ton tagħna ma’ tagħha, biex fid-diversità tal-fehmiet tagħna jkun hemm preżenti l-qrubija materna tagħha, dik li bl-“iva” tagħha qarrbitna għal dejjem lejn Ġesù.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard