QUDDIESA TAT-TBERIK TAŻ-ŻJUT

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

Ħamis ix-Xirka, 24 ta’ Marzu 2016

 

Meta minn fomm Ġesù, wara l-qari tas-silta ta’ Isaija, ħareġ il-kliem: “Il-lum seħħet din il-Kitba, intom u tisimgħu” (Lq 4:21), fis-sinagoga ta’ Nazareth setgħu anki nfexxu f’ċapċip kbir.  U mbagħad setgħu bkew bil-ħlewwa, b’ferħ qawwi, kif beka l-poplu meta Neħemija u s-saċerdot Esdra qraw mill-ktieb tal-Liġi li kienu sabu mill-ġdid huma u jerġgħu jibnu l-ħitan.  Imma l-Vanġeli jgħidulna li fin-nies ta’ żmien Ġesù tqanqlu sentimenti kuntrarji: begħduh minnhom u għalqulu qalbhom.  Għall-bidu “ilkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu” (Lq 4:22); imma wara, tfaċċat mistoqsija suspettuża: “Dan m’huwiex bin Ġużeppi?”.  U fl-aħħar “kulħadd imtela bil-korla” (Lq 4:28).  Riedu jixħtuh ’l isfel minn fuq xifer ta’ rdum…  Hekk twettaq dak li kien ħabbar ix-xwejjaħ Xmun lill-Madonna: ikun “sinjal li jmeruh” (Lq 2:34).  Ġesù, bi kliemu u bil-ġesti tiegħu, jagħmel mod li jidher dak li kull bniedem qed isorr fil-qalb tiegħu.

 

U hemm fejn il-Mulej iħabbar il-vanġelu tal-Ħniena sħiħa tal-Missier għall-iżjed foqra, l-iżjed imbiegħda u maħqura, propju hemm aħna msejħin nagħżlu, “nitqabdu t-taqbida t-tajba tal-fidi” (1 Tim 6:12).  Il-ġlieda tal-Mulej m’hix kontra l-bnedmin imma kontra d-Demonju (ara Efes 6:12), għadu tal-bniedem.  Imma l-Mulej “jgħaddi minn ġo nofs” dawk li jippruvaw iwaqqfuh u “jibqa’ sejjer” (ara Lq 4:30).  Ġesù ma jiġġelidx biex jikkonsolida xi spazju ta’ setgħa.  Jekk iġarraf il-ħitan u jpoġġi f’diskussjoni ċ-ċertezzi, dan jagħmlu biex jiftaħ spazju ħalli jgħaddi l-kurrent qawwi tal-Ħniena li, mal-Missier u ma’ l-Ispirtu, jixtieq ixerred fuq id-dinja kollha.  Ħniena li tgħaddi mit-tajjeb għall-aħjar: tħabbar u ġġib xi ħaġa ġdida: tfejjaq, teħles u xxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej.

 

Il-Ħniena f’Alla tagħna hi bla tarf u ma nistgħu qatt nifhmuha, u jeħtieġ nesprimu d-dinamiżmu ta’ dan il-misteru bħala Ħniena “dejjem ikbar”, Ħniena li timxi, Ħniena li ta’ kuljum tfittex kif tagħmel pass ieħor ’il quddiem, pass ċkejken ieħor, u tibqa’ miexja fuq l-art li m’hi ta’ ħadd, fejn kienu jsaltnu qabel l-indifferenza u l-vjolenza.

 

Din kienet id-dinamika tas-Samaritan it-tajjeb, li “ħaddem il-ħniena” (ara Lq 10:37): tqanqal, resaq lejn dak li kien safa attakkat, dewwielu l-ġrieħi, ħadu fil-lukanda, waqaf għal dak il-lejl u wiegħed li jirritorna biex iħallas li jkun intefaq iktar.  Din hi d-dinamika tal-Ħniena, li torbot ġest ċkejken ma’ l-ieħor, u bla ma toffendi l-ebda dgħufija, twessa’ dejjem ftit aktar l-għajnuna u l-imħabba.  Kull wieħed minna, x’ħin iħares lejn ħajtu bil-ħarsa twajba ta’ Alla, jista’ jagħmel eżerċizzju bil-memorja tiegħu u jiskopri kif il-Mulej ħaddem magħna l-ħniena tiegħu, kif kien iżjed ħanin minn kemm ħsibna aħna, u hekk nagħmlu l-qalb biex nitolbuh imidd pass ċkejken ieħor, biex juri iżjed il-ħniena tiegħu fil-futur.  “Uri lilna, Mulej, il-ħniena tiegħek” (Salm 85:8).  Dan il-mod paradossali ta’ kif nitolbu lil Alla dejjem iżjed ħanin jgħinna nkissru dawk l-iskemi magħluqa li bihom ħafna drabi nikklassifikaw l-abbundanza kotrana tal-Qalb tiegħu.  Jagħmlilna tajjeb li noħorġu minn wara l-ħitan tagħna, għax hu propju mill-Qalb ta’ Alla li tfawwar il-ħniena, mnejn tnixxi u tixtered il-ħlewwa tiegħu, hekk li dejjem jifdal iżjed, għax il-Mulej jippreferi li tintilef xi ħaġa milli li tonqos qatra, jippreferi li ħafna żerriegħa tispiċċa titnaqqar mill-għasafar milli li ż-żrigħ ikun nieqes imqar minn żerriegħa waħda, ladarba kollha kapaċi jagħtu frott kotran, min tletin, min sittin, u fl-aħħar bil-mija fil-wieħed.

 

Bħala saċerdoti, aħna xhieda u ministri tal-Ħniena dejjem iktar ta’ Missierna; għandna l-missjoni ħelwa u kollha faraġ li ninkarnawha, kif għamel Ġesù, li “għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq” (Atti 10:38), b’elf mod, biex tasal għand kulħadd.  Aħna nistgħu nagħtu sehemna biex ninkulturawha, biex kull persuna tirċeviha fl-esperjenza personali ta’ ħajjitha u hekk tista’ tifhimha u tipprattikaha – b’mod kreattiv – fl-istil tal-ħajja tal-poplu u tal-familja tagħha.

 

Il-lum, f’dan il-Ħamis ix-Xirka tas-Sena Ġubilari tal-Ħniena, nixtieq nitkellem fuq żewġ oqsma li fihom il-Mulej hu kbir fil-Ħniena tiegħu.  Ladarba huwa Hu li jagħti l-eżempju, ma rridux nibżgħu nagħtu ż-żejjed aħna wkoll: l-ewwel qasam hu dak tal-laqgħa; it-tieni hu dak tal-maħfra tiegħu li ġġagħalna nistħu u tagħtina dinjità.

 

L-ewwel qasam li fih naraw lil Alla eċċessiv fi Ħniena dejjem ikbar, hu dak tal-laqgħa.  Hu jingħata kollu kemm hu u b’mod li, f’kull laqgħa, jgħaddi mill-ewwel biex jiċċelebra l-festa.  Fil-parabbola tal-Missier Ħanin nibqgħu mbellha quddiem dak ir-raġel li jiġri, imqanqal, biex jinxteħet fuq għonq ibnu; naraw kif jgħannqu miegħu u jbusu u ħsiebu kif ħa jlibbsu ċ-ċurkett li bih iħossu ugwali, u l-qorq li hu ta’ min hu iben u mhux qaddej; u mbagħad kif iċaqlaq lil kulħadd minn postu u jordnalhom jorganizzaw festa.  Aħna u nikkontemplaw, dejjem mgħaġġba, din l-abbundanza kbira ta’ ferħ tal-Missier, li r-ritorn ta’ ibnu jippermettilu jesprimi liberament imħabbtu, bla reżistenzi jew distanzi, aħna ma rridux nibżgħu nesaġeraw fir-ringrazzjament tagħna.  L-atteġġjament it-tajjeb tagħna nistgħu nitgħallmuh minn dak l-imġiddem fqajjar li, meta ra li kien tfejjaq, iħalli lid-disa’ sħabu li jmorru jagħmlu dak li ordna Ġesù u jerġa’ lura mixħut għarkubbtejh f’riġlejn il-Mulej, isebbaħ u jrodd ħajr lil Alla b’leħen għoli.

 

Il-ħniena tfejjaq kollox u trodd lill-persuni d-dinjità li kellhom qabel.  Għalhekk ir-ringrazzjament mill-qalb hu t-tweġiba t-tajba: hemm bżonn nagħmlu minnufih festa, inxiddu l-libsa, inwarrbu l-korla ta’ l-iben il-kbir, nifirħu u niffesteġġjaw…  Għax hekk biss, billi nieħdu sehem sħiħ f’dik il-klima ta’ ċelebrazzjoni, li nistgħu mbagħad naħsbu tajjeb, nistgħu nitolbu maħfra u naraw iżjed ċar kif nistgħu nagħmlu tajjeb għall-ħażen imwettaq.  Nagħmlu sew jekk nistaqsu lilna nfusna: wara li qerrejt, qed niffesteġġja?  Jew ngħaddu mill-ewwel għal ħaġa oħra, bħal meta nkunu morna għand it-tabib, naraw li t-testijiet ma tawniex riżultati ħżiena u nerġgħu npoġġuhom fl-envelop u naqbdu nagħmlu ħaġa oħra.  U meta nagħmel karità, nagħti ċans lil min jirċeviha biex jesprimi r-ringrazzjament tiegħu, niffesteġġja t-tbissima tiegħu u dawk il-barkiet li jagħtuna l-foqra, jew ngħaddi mgħaġġel bl-affarijiet tiegħi wara li “ħallejt taqagħli l-munita”?

 

Il-qasam l-ieħor li fih nilmħu lil Alla eċċessiv fi Ħniena dejjem ikbar, hu l-istess maħfra.  Mhux biss jaħfer djun bla qies, kif jagħmel mal-qaddej li jitkarrablu u mbagħad dan ma jħennx għal sieħbu, imma mis-sens ta’ l-ikbar mistħija jgħaddina direttament għall-ogħla dinjità mingħajr waqfiet fin-nofs.  Il-Mulej iħalli lill-midinba maħfura xxarrablu riġlejh bi dmugħha.  Malli Xmun Pietru jistqarrlu dnubu u jitolbu jitbiegħed minnu, Hu jerfgħu għad-dinjità ta’ sajjied tal-bnedmin.  Imma aħna normalment nippruvaw nifirdu ż-żewġ atteġġjamenti: meta nistħu minħabba fid-dnub tagħna, ninħbew u nimxu b’rasna baxxuta, bħal Adam u Eva, u meta niġu mgħollija għal xi dinjità nippruvaw naħbu d-dnubiet u nieħdu gost nidhru, minfuħin bina nfusna.

 

It-tweġiba tagħna għall-maħfra kotrana tal-Mulej għandha tkun li nżommu ruħna dejjem f’dik it-tensjoni tajba bejn mistħija dinjituża u dinjità li taf tistħi: l-atteġġjament ta’ min għalih innifsu jfittex jiċċekken u jitbaxxa, imma hu kapaċi jaċċetta li l-Mulej qed jgħollih għall-ġid tal-missjoni, bla ma joqgħod jitkabbar.  Il-mudell li joffrilna l-Vanġelu, u li jista’ jgħinna meta nersqu nqerru, hu dak ta’ Pietru, li jħalli lil Ġesù jistaqasih fit-tul dwar imħabbtu u, fl-istess ħin, iġedded l-aċċettazzjoni tiegħu tal-ministeru li jirgħa n-nagħaġ li jafdalu l-Mulej.

 

Biex nidħlu iżjed fil-fond ta’ din id-“dinjità li taf tistħi”, li ssalvana milli nemmnu li aħna aħjar jew agħar minn dak li aħna bi grazzja, jista’ jgħinna jekk naraw kif fis-silta ta’ Isaija li l-Mulej jaqra l-lum fis-sinagoga tiegħu ta’ Nazareth, il-Profeta jkompli jgħid: “Lilkom isejħulkom: ‘Il-Qassisin tal-Mulej’, ‘Qaddejja ta’ Alla tagħna’ isemmukom” (61:6).  Hu dan il-poplu fqajjar, imġewwaħ, priġunier tal-gwerra, bla futur, fdal u mormi, li l-Mulej jibdel f’poplu saċerdotali.

 

Bħala saċerdoti, aħna nidentifikaw ruħna ma’ dak il-poplu mormi, li l-Mulej jifdi, u niftakru li hemm għadd bla qies ta’ persuni foqra, injoranti, ħabsin, li qegħdin f’dik il-qagħda għax hemm oħrajn jaħqruhom.  Imma niftakru wkoll li kull wieħed minna jaf kemm ħafna drabi aħna għomja, neqsin mid-dawl sabiħ tal-fidi, mhux għax m’aħniex familjari mal-Vanġelu, imma mħabba ħafna teoloġiji kkumplikati.  Inħossu li ruħna għatxana għall-ispiritwalità, imma mhux minħabba nuqqas ta’ Ilma Ħaj – li nixorbu biss f’boqoq żgħar –, imma minħabba esaġerazzjoni ta’ spiritwalità “iggassjata”, ta’ spiritwalità “light”.  Inħossuna wkoll priġuniera, mhux imdawra, bħal ħafna popli, minn ħitan għoljin tal-ġebel jew minn fildiferru mxewwek, imma minn mondanità virtwali li tinfetaħ u tingħalaq b’sempliċi click.  Mgħaffġin, imma mhux minn theddid u daqqiet, bħal ħafna nies fqajra, imma mill-faxxinu ta’ elf proposta ta’ konsum li m’aħniex kapaċi nfarfru minn fuqna biex nistgħu nkomplu mexjin, ħielsa, fit-triq li twassalna għall-imħabba ta’ ħutna, għall-merħla tal-Mulej, għand in-nagħaġ li qed jistennew il-leħen tar-ragħajja tagħhom.

 

U Ġesù jiġi biex jifdina, biex joħroġna, biex jibdilna minn foqra u għomja, minn ħabsin u maħqurin, f’ministri ta’ ħniena u faraġ.  U jgħidilna, bi kliem il-profeta Eżejkel lill-poplu li kien ipprostitwixxa ruħu u ttradixxa bil-kbir lil Alla tiegħu: “Imma jien niftakar fil-patt li għamilt miegħek fi żmien żgħożitek […]. Int imbagħad tiftakar fl-imġiba tiegħek u tistħi meta tilqa’ għandek lil ħutek il-bniet, sew ikbar u sew iżgħar minnek, li jien għad nagħtihomlok bħala wliedek, għalkemm mhux bis-saħħa tal-patt.  U nġedded il-patt tiegħi miegħek, ħa tagħraf li jiena l-Mulej, biex tiftakar u timtela bil-mistħija, u ma jkollokx aktar ħila tiftaħ ħalqek minħabba l-għajb tiegħek, meta nkun ħfirtlek dak kollu li għamilt, oraklu ta’ Sidi l-Mulej” (Eżek 16:60-63).

 

F’dan il-Ġublew ejjew, bil-gratitudni kollha li taf qalbna, niċċelebraw lil Missierna, u nitolbuh biex “jiftakar dejjem fil-Ħniena tiegħu”; nilqgħu, b’dinjità li taf tistħi, il-Ħniena fil-ġisem miġruħ ta’ Sidna Ġesù Kristu, u nitolbuh jaħslilna riġlejna minn kull dnub u jeħlisna minn kull ħażen; u bil-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu nimpenjaw ruħna biex inwasslu l-Ħniena ta’ Alla lill-bnedmin kollha, biex hekk nipprattikaw l-għemejjel li l-Ispirtu jqanqal f’kull wieħed minna għall-ġid komuni tal-poplu fidil kollu ta’ Alla.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard