QUDDIESA TAL-GRIŻMA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Ħamis ix-Xirka, 17 ta’ April 2014

 

Għeżież ħuti fis-saċerdozju!  Nhar Ħamis ix-Xirka, meta Kristu ħabbna għall-aħħar (ara Ġw 13:1), aħna nfakkru l-jum hieni tat-Twaqqif tas-Saċerdozju u dak ta’ l-Ordinazzjoni Saċerdotali tagħna.  Il-Mulej Alla fi Kristu dilikna b’żejt il-hena u din id-dilka tistedinna nilqgħu u nagħmlu tagħna dan id-don kbir: l-hena, il-ferħ saċerdotali.  Il-ferħ tas-saċerdot hu ġid prezzjuż mhux biss għalih imma wkoll għall-poplu fidil kollu ta’ Alla: dak il-poplu fidil li fih is-saċerdot hu msejjaħ biex jiġi midluk u għandu hu mibgħut biex jidilku.

 

Midluka b’żejt il-hena biex nidilku b’żejt il-hena.  L-hena saċerdotali għandu l-għajn tiegħu fl-Imħabba tal-Missier, u l-Mulej jixtieq li l-ferħ ta’ din l-Imħabba “ikun fina” u “ikun sħiħ” (Ġw 15:11).  Nieħu gost naħseb fil-ferħ u nikkontempla lil Marija: Marija, l-“omm tal-Vanġelu ħaj, għajn ta’ ferħ għaċ-ċkejknin” (Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, 288), u ma naħsibx li nkunu nesaġeraw jekk ngħidu li s-saċerdot hu persuna ċkejkna ħafna: il-kobor bla tarf tad-don li ngħatalna bil-ministeru jqegħdina ma’ l-iċken fost il-bnedmin.  Is-saċerdot hu l-ifqar fost il-bnedmin jekk Ġesù ma jagħnihx bil-faqar tiegħu, hu l-iktar qaddej li ma jiswa għal xejn jekk Ġesù ma jsejjaħlux b’ħabib, l-ibleh fost il-bnedmin jekk Ġesù ma joqgħodx jgħallmu bis-sabar kollu kif għamel ma’ Pietru, l-idgħjef fost l-Insara jekk ir-Ragħaj it-Tajjeb ma jsaħħux f’nofs il-merħla tiegħu.  Ħadd m’hu iċken minn saċerdot mitluq għall-forzi tiegħu nnifsu; għalhekk it-talba tagħna ta’ ħarsien kontra kull tnassis tal-Ħażin hi t-talba ta’ l-Omm tagħna: jiena saċerdot għax Hu ħares bi tjieba lejn iċ-ċokon tiegħi (ara Lq 1:48).  U minn dan iċ-ċokon irridu nitilqu biex nistgħu nagħmlu tagħna dan il-ferħ.  Ferħ fiċ-ċokon tagħna!

 

Fl-hena saċerdotali tagħna nilmaħ tliet karatteristiċi: hu hena li jidlikna (ma jagħmilniex imdellka, lussużi u prużuntużi), hu hena li ma jitħassarx u hu hena missjunarju li jdawwal lil kulħadd u jiġbed lil kulħadd lejh, u jitlaq bil-maqlub: mill-aktar imbiegħda.

 

Hena li jidlikna.  Dan ifisser: daħal fil-ġewwieni ta’ qalbna, u għaġinha u qawwiha sagramentalment.  Is-sinjali tal-liturġija ta’ l-ordinazzjoni jitkellmu dwar ix-xewqa materna li għandha l-Knisja li tittrasmetti u tikkomunika dak kollu li l-Mulej tana: it-tqegħid ta’ l-idejn, id-dilka bil-Griżma mqaddsa, it-tlibbis tal-ħwejjeġ sagri, is-sehem immedjat fl-ewwel Konsagrazzjoni…  Nitfawru bil-grazzja u tixtered kollha, kotrana u sħiħa f’kull saċerdot.  Midluka sa għadamna… u l-hena tagħna, li jnixxi minn ġo fina, hu l-eku ta’ din id-dilka.

 

Hena li ma jitħassarx.  Is-sħuħija tad-Don, li ħadd ma jista’ jneħħilu jew iżidlu xejn, hi għajn ta’ hena li qatt ma taqta’: hena li ma jitħassarx, li l-Mulej wegħidna li ħadd ma jista’ jeħdilna (ara Ġw 16:22).  Jaf tmewwet jew safa fgat mid-dnub jew mill-inkwiet tal-ħajja, imma, fil-fond nett, jibqa’ intatt, bħal biċċa faħam għadha taqbad taħt l-irmied, u dejjem jista’ jiġġedded.  It-twissija ta’ Pawlu lil Timotju tibqa’ dejjem attwali: Infakkrek tqajjem fik in-nar tad-don ta’ Alla li jinsab fik bit-tqegħid ta’ jdejja (Ara 2 Tim 1:6).

 

Hena missjunarju.  Din it-tielet karatteristika rrid naqsamha magħkom u nagħfas fuqha b’mod speċjali: il-ferħ tas-saċerdot jinsab fir-relazzjoni intima tiegħu mal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla għax hu ferħ qabel xejn missjunarju.  Id-dilka qiegħda hemm biex biha jindilek il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla: biex jiġi mgħammed u kkonfermat, biex jiġi kkurat u kkonsagrat, biex jiġi mbierek, biex jiġi mfarraġ u evanġelizzat.

 

U billi dan hu ferħ li jixtered biss meta r-ragħaj hu qalb il-merħla tiegħu (anki fis-skiet tat-talb, ir-ragħaj li jadura lill-Missier jinsab qalb in-nagħaġ tiegħu), hu “ferħ imħares” minn din l-istess merħla.  Anki fil-waqtiet ta’ niket, meta kollox jidher jiddallam u ninħakmu minn sens ta’ iżolament li donnu jiġbidna lejh, f’dawk il-mumenti ta’ apatija u dwejjaq li kultant insibu ruħna fihom fil-ħajja saċerdotali (u li anki jien għaddejt minnhom), saħansitra f’dawn il-mumenti l-poplu ta’ Alla għandu l-ħila jħares fik il-ferħ, għandu l-ħila jipproteġik, jgħannqek, jgħinek tiftaħ qalbek u terġa’ ssib ferħ imġedded.

 

“Ferħ imħares” mill-merħla u mħares anki minn tliet aħwa li jduru magħha, jieħdu ħsiebha, jiddefenduha: il-faqar, il-fedeltà u l-ubbidjenza.

 

Il-ferħ tas-saċerdot hu ferħ li għandu lill-faqar b’ħuh.  Is-saċerdot hu fqir f’dak li hu ferħ sempliċiment uman: hu ċċaħad minn kollox!  U għax hu fqir, hu, li jagħti tant ħwejjeġ lill-oħrajn, il-ferħ tiegħu jrid jitolbu lill-Mulej u lill-poplu fidil ta’ Alla.  M’għandux ifittex li jiksbu waħdu.  Nafu li l-poplu tagħna hu ġeneruż ħafna u jaf jirringrazzja lis-saċerdoti għall-iċken ġesti ta’ barka u b’mod speċjali għas-Sagramenti.  Meta jitkellmu dwar il-kriżi ta’ l-identità saċerdotali, ħafna ma jagħtux kas li l-identità titlob appartenenza.  M’hemmx identità – u allura ferħ tal-ħajja – mingħajr appartenenza attiva u impenjata għall-poplu fidil ta’ Alla (ara Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, 268).  Is-saċerdot li jippretendi li jista’ jsib l-identità saċerdotali tiegħu billi jfittixha ġo fih innifsu forsi m’hu ħa jsib xejn ħlief sinjali li jindikaw “ħruġ”: oħroġ minnek innifsek, oħroġ fittex lil Alla fl-adorazzjoni, oħroġ u agħti lill-poplu tiegħek dak li ġejt fdat bih, u l-poplu tiegħek jieħu ħsieb jgħinek tħoss u tiggosta dak li int, x’jismek, liema hi l-identità tiegħek, u jferrħek bil-mija bil-wieħed li l-Mulej wiegħed lill-qaddejja tiegħu.  Jekk ma toħroġx minnek innifsek, iż-żejt jibda jitlef u d-dilka ma tistax tagħmel frott.  Biex noħorġu minna nfusna rridu ninżgħu lilna nfusna, irridu niftaqru.

 

Il-ferħ saċerdotali hu ferħ li għandu lill-fedeltà b’oħtu.  Mhux tant fis-sens li ħa nkunu kollha “immakulati” (mhux li konna, bil-grazzja ta’ Alla!), għax aħna lkoll midinba, imma pjuttost fis-sens ta’ fedeltà dejjem ġdida lejn l-Għarusa waħdanija, il-Knisja.  Hawn hu l-muftieħ li jagħmilna għammiela.  L-ulied spiritwali li l-Mulej jagħti lil kull saċerdot, dawk li hu għammed, il-familji li bierek u għen fil-mixja tagħhom, il-morda li jwieżen, iż-żgħażagħ li magħhom jaqsam il-katekeżi u l-formazzjoni, il-foqra li jidħol għalihom… dawn huma l-“Għarusa” li hu jifraħ li jista’ jqisha bħala l-maħbuba għażiża u waħdanija tiegħu u li jkun dejjem mill-ġdid fidil lejha.  Hi l-Knisja ħajja, b’isem u kunjom, li s-saċerdot jieħu ħsiebha fil-parroċċa tiegħu jew fil-missjoni fdata lilu, hi dik li tagħtih il-ferħ meta jkun fidil lejha, meta jagħmel dak kollu li għandu jagħmel u jħalli dak kollu li għandu jħalli biex jibqa’ qalb in-nagħaġ li l-Mulej fdalu f’idejh: “Irgħa l-ħrief tiegħi” (Ġw 21:16,17).

 

Il-ferħ saċerdotali hu ferħ li għandu lill-ubbidjenza b’oħtu.  Ubbidjenza lejn il-Knisja fil-Ġerarkija li mhux biss tagħtina, biex ngħidu hekk, il-qafas estern ta’ l-ubbidjenza: il-parroċċa fejn niġi mibgħut, il-fakultajiet tal-ministeru, dak l-inkarigu partikulari… imma wkoll l-għaqda ma’ Alla l-Missier, li minnu tiġi kull paternità.  Imma anki l-ubbidjenza lejn il-Knisja fis-servizz: disponibbiltà u prontezza biex naqdi lil kulħadd, dejjem u bl-aħjar mod, fuq ix-xbieha ta’ “Sidtna Marija tal-Prontezza” (ara Lq 1:39: meta spoudes), li tmur tħaffef biex taqdi lill-kuġina tagħha u hi attenta għall-kċina ta’ Kana, fejn jonqoshom l-inbid.  Id-disponibbiltà tas-saċerdot tagħmel mill-Knisja d-Dar b’bibienha miftuħa, kenn għall-midinbin, saqaf għal dawk li jgħixu fit-toroq, dar tal-kura għall-morda, kamp għaż-żgħażagħ, klassi tal-katekiżmu għaċ-ċkejknin ta’ l-Ewwel Tqarbina…  Fejn il-poplu ta’ Alla għandu xi xewqa jew ħtieġa, hemm jinsab is-saċerdot li jaf jisma’ (ob-audire) u jħoss dak il-mandat kollu mħabba ta’ Kristu li jibagħtu jgħin bil-ħniena f’dik il-ħtieġa partikulari jew biex iwieżen ix-xewqat tajba bl-imħabba kreattiva tiegħu.

 

Min hu msejjaħ jaf li f’din id-dinja jeżisti ferħ ġenwin u sħiħ: dak li hu ġie magħżul minn qalb il-poplu li hu jħobb biex jerġa’ jintbagħat għandu jqassamlu d-doni u l-faraġ ta’ Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb waħdieni li, mimli bi ħniena qawwija għaċ-ċkejkna u l-imwarrbin kollha ta’ din l-art, imħabbta jew imtaqqla bħal nagħaġ bla ragħaj, ried isieħeb lil bosta fil-ministeru tiegħu biex jibqa’ magħna u Hu nnifsu jaħdem, fil-persuna tas-saċerdoti tiegħu, għall-ġid tal-poplu tiegħu.

 

F’dan Ħamis ix-Xirka nitlob lill-Mulej Ġesù biex jagħmel li ħafna żgħażagħ jiskopru dik il-ħeġġa tal-qalb li timla bil-ferħ lil min b’kuraġġ hieni kapaċi jwieġeb minnufih għas-sejħa tiegħu.

 

F’dan Ħamis ix-Xirka nitlob lill-Mulej Ġesù biex iżomm jixegħlu bil-ferħ għajnejn dawk li għadhom kemm ġew ordnati, li ħarġu biex “jibilgħu” lid-dinja, biex jikkunsmaw ruħhom qalb il-poplu fidil ta’ Alla, li jifirħu huma u jħejju l-ewwel omelija tagħhom, l-ewwel Quddiesa, l-ewwel Magħmudija, l-ewwel Qrara…  Dan hu l-ferħ li jħossu għax jistgħu jaqsmu – kollhom għoġba – għall-ewwel darba bħala midluka, it-teżor tal-Vanġelu, u meta jaraw il-poplu fidil ta’ Alla jerġa’ lura għandhom biex hu wkoll jidlikhom b’mod ieħor: bit-talbiet tagħhom, meta jbaxxu rashom biex int tberikhom, jeħdulek b’idejk, iressqulek lil uliedhom, jitolbuk tiftakar fil-morda tagħhom…  Mulej, żomm sħiħ fis-saċerdoti żgħażagħ tiegħek l-hena tal-bidu, li jagħmlu kollox qisu kien ħaġa ġdida, il-ferħ li jikkunsmaw ħajjithom għalik.

 

F’dan il-Ħamis saċerdotali nitlob lill-Mulej Ġesù jwettaq fil-ferħ saċerdotali lil dawk li għandhom fuq spallejhom bosta snin ta’ ministeru.  Dak il-ferħ li, bla ma jgħib mill-għajnejn, jistrieħ fuq l-ispallejn ta’ dawk li għandhom fuqhom il-piż tal-ministeru, dawk il-qassisin li diġà ħassewh il-polz tax-xogħol, u issa jerġgħu jiġbru l-forzi u jarmaw mill-ġdid: “jibdlu l-arja”, kif jgħidu l-isportivi.  Mulej, żomm sħiħa l-profondità u l-maturità kollha għerf tal-ferħ tal-qassisin adulti.  Ħa jagħrfu bħala Neħemija jitolbu: Il-ferħ tal-Mulej il-qawwa tiegħi (ara Neħ 8:10).

 

Fl-aħħar nett, f’dan il-Ħamis saċerdotali, nitlob lill-Mulej Ġesù biex jiddi l-ferħ tas-saċerdoti anzjani, b’saħħithom jew morda.  Hu l-ferħ tas-Salib, li ġej mill-għarfien li għandhom f’idejhom teżor li ma jitħassarx f’ġarra tal-fuħħar li biż-żmien titfarrak.  Ħa jagħrfu kif jithennew kull fejn jinsabu, u fiż-żmien li jaħrab minn taħt idejhom iħossu minn issa l-gost ta’ l-etern (Guardini).  Mulej, ħa jħossu l-ferħ li jistgħu jgħaddu l-musbieħ, il-ferħ li jistgħu jaraw jikbru l-ulied ta’ l-ulied spiritwali tagħhom, u li, bi tbissima umli, jilqgħu l-wegħdiet b’dik it-tama li ma tqarraqx.

  

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard