QUDDIESA TAT-TBERIK TAŻ-ŻJUT TAL-GRIŻMA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Ħamis ix-Xirka, 2 ta’ April 2015

 

Tkun idi dejjem miegħu, u nsaħħu wkoll bi driegħi” (Salm 88:22).  Hekk jaħseb il-Mulej meta jgħid bejnu u bejn ruħu: “Sibt ’il David, qaddej tiegħi, biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu” (v. 21).  Hekk jaħseb il-Missier kull darba li “jsib” saċerdot.  U jissokta jżid: “Miegħu jkunu l-fedeltà u t-tjieba tiegħi…  Hu jsejjaħli: Int missieri u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni tiegħi!’” (vv. 25, 27).

 

Kemm hi ħaġa sabiħa li, flimkien mas-Salmista, nistgħu nidħlu f’dan is-solilokwju ta’ Alla tagħna.  Hu qed jitkellem dwarna, is-saċerdoti tiegħu, il-qassisin tiegħu; imma fir-realtà dan m’hux solilokwju, m’hux qed jitkellem waħdu: hu l-Missier li qed jgħid lil Ġesù: “Ħbiebek, dawk li jħobbuk, jistgħu jsejħuli b’mod speċjali: Int Missieri” (ara Ġw 14:21).  U jekk il-Mulej jaħseb u jitħasseb daqshekk fuq kif jista’ jgħinna, dan għax hu jaf li l-missjoni li nidilku l-poplu fidil m’hix waħda ħafifa, hi iebsa; tegħjina.  Dan nesperimentawh fil-forom kollha: mill-għeja komuni tal-ħidma appostolika ta’ kuljum sa dik tal-mard u tal-mewt, fosthom anki li wieħed jintemm bil-martirju.

 

L-għeja tas-saċerdoti!  Tafu kemm drabi naħseb f’dan: fl-għeja tagħkom ilkoll?  Naħseb ħafna fuq hekk u nitlob ta’ spiss, speċjalment meta l-għajjien inkun jien.  Nitlob għalikom li qed taħdmu qalb il-poplu fidil ta’ Alla fdat f’idejkom, bosta minnkom f’postijiet pjuttost remoti u perikulużi.  U l-għeja tagħna, għeżież saċerdoti, hi bħall-inċens li jogħla ’l fuq fis-skiet lejn is-Sema (ara Salm 140:2; Apok 8:3-4).  L-għeja tagħna titla’ dritt lejn qalb il-Missier.

 

Ibqgħu żguri li l-Madonna tintebaħ b’din l-għeja u mill-ewwel tgħid biha lill-Mulej.  Hi, bħala Omm, taf tifhem meta wliedha huma għajjenin u ħsiebha fihom biss qiegħed.  “Ejja!  Strieħ, ibni.  Imbagħad wara nitkellmu…  M’hawnx jien, Ommok?” – dan tgħidilna dejjem meta nersqu lejHa (ara Evangelii gaudium, 286).  U lil Binha tgħidlu, kif qaltlu f’Kana: “M’għandhomx inbid” (Ġw 2:3).

 

Jiġri wkoll li, meta nħossu t-toqol tal-ħidma pastorali, tista’ tiġina t-tentazzjoni li nistrieħu kif ġie ġie, bħallikieku l-mistrieħ ma kienx ħaġa ta’ Alla.  Ejjew ma naqgħux f’din it-tentazzjoni.  L-għeja tagħna hi prezzjuża f’għajnejn Ġesù, li jilqagħna għandu u jqajjimna fuq riġlejna: “Ejjew għandi intom li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (ara Mt 11:28).  Meta wieħed jaf li, meta jkun għajjien mejjet, jista’ jintefa’ fl-adorazzjoni, u jgħid: “Biżżejjed għal-lum, Mulej”, u jintelaq quddiem il-Missier, hu jaf ukoll li m’hux sa jikkrolla imma jiġġedded, għax min dilek b’żejt il-hena lill-poplu fidil ta’ Alla, il-Mulej jidlek lilu wkoll: “jibdel l-irmied tiegħu f’kuruna, id-dmugħ tiegħu fiż-żejt ifuħ tal-ferħ, it-telqa tiegħu f’għana ta’ foħrija” (ara Is 61:3).

 

Inżommu tajjeb f’moħħna li muftieħ biex wieħed jagħmel il-frott fil-ħajja saċerdotali tiegħu hu l-mod kif nistrieħu u kif inħossu li l-Mulej qed jittratta l-għeja tagħna.  Kemm hu diffiċli nitgħallmu nistrieħu!  Inkunu nilagħbu mal-fiduċja tagħna u ninsew li anki aħna nagħaġ li għandna bżonn tar-ragħaj, li jgħinna.  F’dan jistgħu jgħinuna xi mistoqsijiet.

 

Naf nistrieħ u nilqa’ l-imħabba, b’xejn, u l-affett kollu li jagħtini l-poplu fidil ta’ Alla?  Jew wara l-ħidma pastorali nfittex mistrieħ iktar raffinat, mhux dak tal-foqra imma dak li toffri s-soċjetà tal-konsumi?  L-Ispirtu s-Santu hu tabilħaqq għalija “mistrieħ fit-taħbit”, jew biss Dak li jagħtini x’nagħmel?  Naf nitlob l-għajnuna ta’ xi saċerdot għaref?  Naf nistrieħ minni nnifsi, mill-esiġenzi tiegħi nnifsi, milli noqgħod nogħġob lili nnifsi, mill-awto-referenzjalità?  Naf niftaħ djalogu ma’ Ġesù, mal-Missier, mal-Verġni Mbierka u San Ġużepp, mal-Qaddisin protetturi u ħbieb tiegħi biex nistrieħ fl-esiġenzi tagħhom – li huma ħelwa u ħfief –, f’dak li jogħġob lilhom – huma jieħdu gost fil-kumpanija tiegħi –, u fl-interessi u r-riferimenti tagħhom – lilhom tinteressahom biss l-ikbar glorja ta’ Alla – …?  Naf nistrieħ mill-għedewwa tiegħi taħt il-ħarsien tal-Mulej?  Noqgħod nargumenta u nħammem ġo moħħi, spiss ħsiebi kif ħa niddifendi ruħi, jew nafda ruħi f’idejn l-Ispirtu s-Santu li jgħallimni dejjem x’għandi ngħid?  Nitħasseb u ninkwieta żżejjed jew, bħal Pawlu, insib il-mistrieħ u ngħid: “Naf f’min emmint” (2 Tim 1:12)?

 

Ejjew nagħtu daqqa t’għajn ħafifa lejn l-impenji saċerdotali, li l-lum il-Liturġija xxandrilna: inwasslu l-Bxara t-Tajba lill-fqajrin, inħabbru l-ħelsien lill-ħabsin u l-fejqan lill-għomja, nagħtu l-ħelsien lill-imjassrin u nniedu s-sena tal-grazzja tal-Mulej.  Isaija jgħid ukoll li rridu ndewwu lil dawk ta’ qalbhom miksura u nfarrġu lill-imnikktin.

 

M’humiex ħidmiet faċli, m’humiex xogħlijiet li jidhru minn barra, bħal ngħidu aħna l-ħidmiet ta’ l-idejn – tibni sala parrokkjali ġdida, jew tiżbogħ il-linji ta’ grawnd tal-futbol għaż-żgħażagħ taċ-ċentru parrokkjali…; il-ħidmiet li jsemmi Ġesù jimplikaw il-ħila tagħna li nħennu, huma ħidmiet fejn qalbna “titħarrek” u titqanqal.  Nifirħu ma’ l-għarajjes li jiżżewġu, nidħku mat-tarbija li jġibu għall-Magħmudija; insieħbu liż-żgħażagħ li qed jitħejjew għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja; nitnikktu ma’ min qed jirċievi d-dilka fuq is-sodda ta’ l-isptar; nibku ma’ dawk li qed jidfnu xi persuna għażiża…  Tant emozzjonijiet  Jekk ikollna qalbna miftuħa, din l-emozzjoni u tant imħabba jispiċċaw jgħejju lill-qalb tar-Ragħaj.  Għalina s-saċerdoti l-istejjer tan-nies tagħna m’humiex bulettin ta’ l-aħbarijiet: aħna nafuha lin-nies tagħna, nistgħu nobsru x’inhu għaddej minn qalbha; u l-qalb tagħna, meta tħoss ma’ tagħhom, tħossha mgħattna, tinqasam f’elf biċċa, u titqanqal u saħansitra donnha tidher mikula min-nies: Ħudu, kulu.  Din hi l-kelma li tpespes kontinwament f’widnejn is-saċerdot ta’ Ġesù meta jkun jieħu ħsieb tal-poplu fidil tiegħu: Ħudu u kulu, ħudu u ixorbu…  U hekk il-ħajja saċerdotali tagħna tingħata f’qadi, qrib tal-Poplu fidil ta’ Alla li dejjem, dejjem ħa jgħejjina.

 

Issa nixtieq naqsam magħkom xi forom ta’ għeja li dwarhom immeditajt.

 

Hemm dik li nistgħu nsejħulha “l-għeja tan-nies, l-għeja tal-folol”: lill-Mulej, l-istess kif jagħmlu magħna, kienu jifnuh – dan jgħidu l-Vanġelu –, imma din hi għeja tajba, għeja mimlija frott u ferħ.  In-nies li kienet tiġri warajh, il-familji li kienu jeħdulu t-tfal tagħhom biex iberikhom, dawk li jkunu fiequ, li kienu jiġu ma’ ħbiebhom, iż-żgħażagħ li kienu jitħeġġu fil-preżenza tar-Rabbì…, bilkemm kienu jħallulu ħin biex jiekol.  Imma l-Mulej ma kienx jiddejjaq jibqa’ man-nies.  Bil-kontra: donnhom kienu jagħtuh enerġija ġdida (ara Evangelii gaudium, 11).  Din l-għeja qalb il-ħidmiet tagħna normalment hi grazzja li tiswielna ħafna lilna s-saċerdoti kollha (ara ibid., 279).  Kemm hi ħaġa sabiħa din: in-nies tħobb, tixtieq u għandha bżonn tar-rgħajja tagħha!  Il-poplu fidil qatt ma jħallina mingħajr xi ħidma diretta, sakemm wieħed ma jinħebiex f’xi uffiċċju jew jgħaddi mill-belt ġo karozza bil-ħġieġ skur.  U din l-għeja hi tajba, hi għeja b’saħħitha.  Hi l-għeja tas-saċerdot li għandu fuqu r-riħa tan-nagħaġ…, imma bit-tbissima ta’ missier li joqgħod jitgħaxxaq b’uliedu u bin-neputijiet ċkejknin tiegħu.  M’għandu x’jaqsam xejn ma’ dawk li għandhom fuqhom fwejjaħ għoljin u jħarsu lejk mill-bogħod jew mill-għoli (ara ibid., 97).  Aħna l-ħbieb ta’ l-Għarus, dan hu l-ferħ tagħna.  Jekk Ġesù qed jirgħa l-merħla li hi fostna, aħna ma nistgħux inkunu rgħajja b’wiċċ l-askri, dejjem ingergru, u lanqas, agħar u agħar, rgħajja mxebbgħin.  Riħa tan-nagħaġ u tbissima ta’ missirijiet…  Iva, għajjenin ħafna, imma bil-ferħ ta’ min qed jisma’ lil Sidu jgħid: “Ejjew, imberkin minn Missieri” (Mt 25:34).

 

Hemm ukoll dik li nistgħu nsejħulha “l-għeja ta’ l-għedewwa”.  Id-dimonju u dawk li jimxu warajh ma jorqdux u, billi widnejhom ma jistgħux jissaportu li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, dawn jaħdmu bla heda biex isikktuha jew ifixkluha.  Hawnhekk, l-għeja biex naffrontawhom hi iebsa aktar.  Hawn m’aħniex nitkellmu biss fuq li nagħmlu l-ġid, bl-għeja kollha li dan iġib miegħu, imma iktar irridu niddifendu lill-merħla u lilna nfusna mill-ħażen (ara Evangelii gaudium, 83).  Il-ħażin hu iktar rasu iebsa minna u kapaċi li f’waqt wieħed iżarma dak li nkunu bnejna b’tant sabar fuq medda twila ta’ żmien.  Hawn jeħtieġ nitolbu l-grazzja li nitgħallmu ninnewtralizzawh – hi drawwa importanti: li nitgħallmu ninnewtralizzaw –: ninnewtralizzawh il-ħażin, ma naqilgħux is-sikrana, ma nippretendux li bħal xi superman nistgħu niddefendu dak li l-Mulej biss għandu jiddifendi.  Dan kollu jgħinna biex ma nċedux quddiem il-kobor tal-ħażen, quddiem iż-żebliħ tal-ħżiena.  Il-kelma tal-Mulej għal dawn is-sitwazzjonijiet ta’ għeja hi: “Agħmlu l-qalb, jiena rbaħt id-dinja!” (Ġw 16:33).  U din il-kelma timliena bil-qawwa.

 

U fl-aħħar nett – l-aħħar, biex din l-omelija ma tgħejjikomx iżżejjed – hemm ukoll “l-għeja tagħna nfusna” (ara Evangelii gaudium, 277).  Forsi din hi l-aktar waħda perikuluża.  Għax it-tnejn l-oħra ġejjin mill-fatt li aħna esposti, li noħorġu minna nfusna biex nidilku u nitħabtu (aħna dawk li qed jieħdu ħsieb ta’ l-oħrajn).  Imma din l-għeja hi iżjed awto-referenzjali: hi d-delużjoni tagħna nfusna imma li ftit nammettu, mhux bil-ferħ seren ta’ min jiskopri li hu midneb u fil-bżonn tal-maħfra, ta’ l-għajnuna: għax dan jitlob l-għajnuna u jimxi.  Qed nitkellmu dwar l-għeja ta’ min “jixtieq u ma jixtieqx”, ikun lagħab kollox imma mbagħad jibki l-basal u t-tewm ta’ l-Eġittu, jilgħab ma’ l-illużjoni ta’ xi ħaġa oħra differenti mir-realtà.  Din l-għeja nieħu gost insejħilha “tnemmes mal-mondanità spiritwali”.  U meta wieħed isib ruħu waħdu, jintebaħ b’kemm oqsma ta’ ħajjitna ċċappsu minn din il-modanità, u saħansitra għandna wkoll l-impressjoni li l-ebda banju ma jista’ jnaddafna minnha.  Hawn jista’ jkollna għeja żbaljata.  Il-kelma ta’ l-Apokalissi turina fejn qiegħda l-kawża ta’ din l-għeja: “Naf li stabart u ġarrabt ħafna minħabba f’ismi, u għadek ma għejejtx.  Imma kontra tiegħek għandi li inti ħallejt dik l-imħabba li kont urejt fil-bidu” (2:3-4).  L-imħabba biss iġġib il-mistrieħ.  Dak li ma nħobbux, jgħejjina b’mod ħażin, u fl-aħħar mill-aħħar jgħejjina iktar.

 

Ix-xbieha l-aktar qawwija u misterjuża ta’ kif il-Mulej jittratta l-għeja pastorali tagħna hi dik ta’ meta “hu, li kien ħabb lil tiegħu…, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1): ix-xena tal-ħasil tar-riġlejn.  Nieħu gost nikkontemplah bħala l-ħasil tal-mixja.  Il-Mulej isaffi l-istess mixja, Hu “jinvolvi” ruħu magħna (Evangelii gaudium, 24), ikun hu l-ewwel wieħed li jqisha b’missjoni tiegħu li jnaddaf kull tebgħa, dak is-smogg mundan u mdellek li weħel magħna tul il-mixja li għamilna f’ismU.

 

Nafu li mis-saqajn tista’ tara kif inhu sejjer il-ġisem kollu.  Fil-mod kif nimxu wara l-Mulej jidher kif miexja qalbna.  Il-ġrieħi tas-saqajn, il-ksur u l-għeja, huma sinjal ta’ kif imxejna warajh, ta’ x’toroq imxejna biex infittxu n-nagħġiet mitlufa tiegħu, u kif ippruvajna mmexxu l-merħla lejn mergħat kollhom ħdura u ilmijiet li jserrħu (ara ibid., 270).  Il-Mulej jaħsilna u jsaffina mill-ħmieġ kollu li nġema’ ma’ saqajna aħna u miexja warajh.  U din hi ħaġa qaddisa.  Ma jħallix li jibqgħu mtebbgħa.  Hu jbushom qishom kienu ġrieħi tal-gwerra, hekk Hu jaħsel il-ħmieġ li jġib miegħu x-xogħol.

 

Il-mixja wara Ġesù hi maħsula mill-istess Mulej biex aħna nistgħu nħossu li għandna dritt inkunu “hienja”, “mimlija”, “bla biża’ jew ħtija” u hekk ikollna l-kuraġġ noħorġu u mmorru “sa truf l-art, fil-periferiji kollha”, biex inwasslu din il-bxara t-tajba lil dawk l-aktar abbandunati, għax nafu li “Hu magħna, dejjem sa l-aħħar tad-dinja”.  U nitlobkom, ejjew nitolbu l-grazzja li nitgħallmu nkunu għajjenin, imma għajjenin b’mod tajjeb!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard