VELJA TAL-LEJL QADDIS TA’ L-GĦID

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Sibt il-Għid, 19 ta’ April 2014

 

Il-Vanġelu tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu jiftaħ bil-mixja tan-nisa lejn il-qabar, maż-żerniq tal-għada tas-Sibt.  Huma jmorru fejn il-qabar, biex iweġġħu l-ġisem tal-Mulej, imma jsibuh miftuħ u vojt.  Anġlu ta’ qawwa liema bħalha jgħidilhom: “Tibżgħu xejn intom!” (Mt 28:5), u jordnalhom imorru jwasslu l-aħbar lid-dixxipli: “Hu qam mill-imwiet.  U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom” (v. 7).  In-nisa minnufih imorru jħaffu, u tul it-triq Ġesù nnifsu jiltaqa’ magħhom u jgħidilhom: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemm (v.10).   “Tibżgħu xejn”: hu leħen li jqawwilna qalbna biex nilqgħu din il-bxara.

 

Wara l-mewt ta’ l-Imgħallem, id-dixxipli kienu ħarbu u xterdu; il-fidi tagħhom tfarrket, kollox kien jidher spiċċa, theżżu ċ-ċertezzi, intfew it-tamiet.  Imma issa, dik il-bxara tan-nisa, anki jekk donnha ma titwemminx, waslet bħal raġġ ta’ dawl fid-dalma.  Tinfirex l-aħbar: Ġesù qam, kif kien qal…  U anki dik l-ordni biex imorru l-Galilija; għal darbtejn fuq xulxin semgħuha n-nisa, l-ewwel minn fomm l-anġlu, imbagħad minn Ġesù nnifsu: “Jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk”.  “Tibżgħu xejn” u “morru l-Galilija”.

 

Il-Galilija hi l-post ta’ l-ewwel sejħa, fejn kien beda kollox!  Jerġgħu lura hemm, jerġgħu lura lejn il-post ta’ l-ewwel sejħa.  Fuq ix-xatt ta’ l-għadira kien għadda Ġesù, waqt li s-sajjieda kienu qed iħejju x-xbiek tagħhom.  Hemm kien sejħilhom, u huma telqu kollox u marru warajh (ara Mt 4:18-22).

 

Jerġgħu lura l-Galilija jfisser jerġgħu jaqraw il-ġrajja sħiħa billi jitilqu mis-salib u mir-rebħa; bla biża’, “tibżgħu xejn”.  Jaqraw kollox mill-ġdid – il-predikazzjoni, il-mirakli, il-komunità ġdida, il-ħeġġa u t-telqa, sat-tradiment – jerġgħu jaqraw kollox billi din id-darba jitilqu mill-aħħar, li hu bidu ġdid, minn dan l-ogħla att ta’ mħabba.

 

Għal kull wieħed u waħda minna wkoll hemm “Galilija” fil-bidu tal-mixja tagħna ma’ Ġesù.  “Immorru l-Galilija” ifisser xi ħaġa sabiħa, għalina jfisser niskopru mill-ġdid il-Magħmudija tagħna bħala għajn ħajja, niksbu enerġija ġdida mill-għeruq tal-fidi tagħna u ta’ l-esperjenza Nisranija tagħna.   Immur il-Galilija jfisser qabel xejn nerġa’ lura hemm, f’dak il-punt ibaqbaq bil-passjoni li fih il-Grazzja ta’ Alla messitli qalbi fil-bidu tal-mixja tiegħi.  Hu minn dik ix-xrara li nista’ nqabbad in-nar għal-lum, għal kull ġuranta, biex inwassal is-sħana u d-dawl lil ħuti.  Minn dik ix-xrara jinxtegħel ferħ umli, ferħ li ma joffendix lin-niket u lid-disperazzjoni, ferħ twajjeb u ħelu.

 

Fil-ħajja tan-Nisrani, wara l-Magħmudija, hemm anki “Galilija” oħra, “Galilija” iżjed eżistenzjali: l-esperjenza tal-laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu, li sejjaħli biex nimxi warajh u nieħu sehem fil-missjoni tiegħu.  F’dan is-sens, li nerġa’ lura lejn il-Galilija jfisser inħares fil-qalb tiegħi t-tifkira ħajja ta’ din is-sejħa, meta Ġesù għadda mit-triq tiegħi, ħares lejja bi ħniena, u talabni nimxi warajh; nerġa’ lura l-Galilija jfisser nirkupra mill-ġdid it-tifkira ta’ dak il-waqt meta għajnejh iltaqgħu ma’ tiegħi, il-waqt li fih ġagħalni nħossni li Hu jħobbni.

 

Il-lum, f’dan il-lejl, kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi lilu nnifsu: Liema hi l-Galilija tiegħi?  Dan ifisser li nagħmlu tifkira ħajja, immorru lura bil-memorja tagħna.  Fejn hi l-Galilija tiegħi?  Niftakarha?  Jew insejtha?  Fittixha u ssibha!  Hemm qiegħed jistenniek il-Mulej.  Imxejt f’toroq u mogħdijiet li nessewhieli.  Mulej, għinni int: għidli liema hi l-Galilija tiegħi; ħa ngħidlek, jien nixtieq nerġa’ lura hemm biex niltaqa’ miegħek u nħallik tgħannaqni bil-ħniena tiegħek.  La tibżgħux, morru lura l-Galilija!

 

Il-Vanġelu hu ċar: hemm bżonn nerġgħu lura hemm, biex naraw lil Kristu Rxoxt, u nsiru xhieda tal-qawmien tiegħu.  Dan m’hux pass lura, m’hix nostalġija.  Qegħdin nerġgħu lura lejn l-ewwel imħabba, biex nilqgħu f’qalbna n-nar li Ġesù qabbad fid-dinja, u nwassluh lil kulħadd, sa truf l-art.  Nerġgħu lura l-Galilija bla biża’.

 

“Galilija tal-ġnus” (Mt 4:15; Is 8:23): ix-xefaq ta’ l-Irxoxt, ix-xefaq tal-Knisja; xewqa qawwija għal-laqgħa…  Ejjew nibdew mexjin!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard