VELJA TAL-LEJL QADDIS TA’ L-GĦID

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

Sibt il-Għid, 26 ta’ Marzu 2016

 

 

Pietru qam u mar b’ġirja lejn il-qabar” (Lq 24:12).  Min jaf xi ħsibijiet għaddew minn moħħ u qalb Pietru tul dik il-ġirja?  Il-Vanġelu jgħidilna li l-Ħdax, fosthom Pietru, ma kinux emmnu fix-xhieda tan-nisa, fit-tħabbira ta’ l-Għid tagħhom.  Anzi, “id-diskors tagħhom l-Appostli stħajluh thewdin” (v. 11).  Fil-qalb ta’ Pietru għalhekk kien hemm id-dubju, imsieħeb minn tant ħsibijiet negattivi: id-diqa għall-mewt ta’ l-Imgħallem maħbub u d-delużjoni li kien ċaħdu tliet darbiet fil-Passjoni.

 

Imma hemm dettall li jimmarka l-bidla fil-qalb tiegħu: Pietru, wara li sema’ lin-nisa u ma emminhomx, “madankollu qam” (v. 12).  Ma baqax bil-qiegħda jaħseb, ma baqax magħluq id-dar bħall-oħrajn.  Ma ħalliex l-atmosfera mudlama ta’ dawk il-jiem iżżommu magħluq fiha, lanqas ħalla d-dubju jħawdu; ma ħalliex jeħdulu moħħu r-rimors, il-biża’ jew it-tpaċpiċ kontinwu li ma jwassal għal xejn.  Fittex lil Ġesù, mhux lilu nnifsu.  Ipprefera t-triq tal-laqgħa u tal-fiduċja u, hekk kif kien, qabad u qam u ġera lejn il-qabar, mnejn imbagħad reġa’ lura “mgħaġġeb” (v. 12).  Dan kien il-bidu tal-“qawmien” ta’ Pietru, il-qawmien tal-qalb tiegħu.  Bla ma ċeda għad-diqa u d-dalma, għamel wisa’ lil-leħen tat-tama: ħalla d-dawl ta’ Alla jidħol fil-qalb tiegħu, bla ma fgaha.

 

Anki n-nisa, li kienu ħarġu fil-għodu kmieni biex iwettqu opra ta’ ħniena, biex jieħdu l-fwejjaħ il-qabar, kienu għaddew mill-istess esperjenza.  Kienu “mimlijin bil-biża’, għajnejhom baxxuti lejn l-art, imma tqanqlu meta semgħu kliem l-anġli: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?” (ara v. 5).

 

Aħna wkoll, bħal Pietru u bħan-nisa, ma nistgħux insibu l-ħajja jekk nibqgħu mdejqin u bla tama u magħluqa fina nfusna.  Imma ejjew niftħu lill-Mulej l-oqbra mbarrati tagħna – kull wieħed u waħda minna jaf x’inhuma –, biex Ġesù jidħol u jagħtina l-ħajja; neħdulu l-ġebel tar-rabja u l-blatiet ta’ l-imgħoddi, it-toqol tad-dgħufijiet u l-waqgħat tagħna.  Hu jixtieq jiġi u jaqbdilna jdejna, biex jaqlagħna mill-biża’ u l-uġigħ.  Imma din hi l-ewwel ġebla li hemm bżonn ingerrbu f’dan il-lejl: in-nuqqas ta’ tama li qed jagħlaqna fina nfusna.  Ħalli l-Mulej jeħlisna minn din in-nassa kerha, milli nkunu Nsara ta’ bla tama, li jgħixu bħallikieku l-Mulej ma qamx tassew u ċ-ċentru tal-ħajja kienu l-problemi tagħna.

 

Naraw u se nibqgħu kontinwament naraw il-problemi qrib tagħna u fina.  Dejjem se jkollna minnhom, imma dan il-lejl jeħtieġ idawwal dawn il-problemi bid-dawl ta’ l-Irxoxt, f’ċertu sens “jevanġelizzahom”.  Nevanġelizzaw il-problemi.  Id-dalma u l-biża’ ma għandhomx jiġbdu lejhom il-ħarsa tar-ruħ u jaħtfu taħt idejhom il-qalb, imma ejjew nisimgħu kelmet l-Anġlu: il-Mulej “m’huwiex hawn, imma qam” (v. 6); Huwa l-ikbar ferħ tagħna, hu dejjem biswitna u qatt m’hu sa jiddeludina.

 

Dan hu l-pedament tat-tama tagħna, li m’huwiex sempliċi ottimiżmu, u lanqas atteġġjament psikoloġiku jew stedina sabiħa biex tagħmlilna kuraġġ.  It-tama Nisranija hi don li jagħmlilna Alla, jekk noħorġu minna nfusna u ninfetħu għaliH.  Din it-tama ma tqarraqx bina għax l-Ispirtu s-Santu ssawwab fil-qlub tagħna (ara Rum 5:5).  Il-Konsolatur ma jipprovax jagħmel kollox jidher sabiħ, ma jeqridx il-ħażen bil-bakketta maġika, imma jseddaq il-vera qawwa tal-ħajja, li m’hix l-assenza tal-problemi, imma ċ-ċertezza li aħna maħbuba u maħfura dejjem minn Kristu, li għalina rebaħ fuq id-dnub, rebaħ il-mewt, rebaħ il-biża’.  Il-lum hi l-festa tat-tama tagħna, iċ-ċelebrazzjoni ta’ din iċ-ċertezza: xejn u ħadd ma jista’ qatt jifridna minn imħabbtu (ara Rum 8:39).

 

Il-Mulej hu ħaj u jridna nfittxuh qalb il-ħajjin.  Wara li nkunu ltqajna miegħu, kull wieħed u waħda minna jiġi mibgħut Minnu biex iwassal il-bxara ta’ l-Għid, biex iqajjem u jirxoxta t-tama fil-qlub imtaqqla min-niket, f’min qed ibati biex isib id-dawl tal-ħajja.  Kemm hemm bżonn tagħha l-lum!  Ninsew lilna nfusna, bħala qaddejja hienja tat-tama, għax aħna msejħin inxandru ’l-Irxoxt b’ħajjitna u bl-imħabba tagħna; inkella nkunu struttura internazzjonali b’għadd kbir ta’ segwaċi u ta’ regoli tajbin, imma li m’hix kapaċi tagħti t-tama li għaliha d-dinja hi tant għatxana.

 

Kif nistgħu nżommu ħajja t-tama tagħna?  Il-Liturġija ta’ dan il-lejl tagħtina parir tajjeb.  Tgħallimna niftakru fl-għeġubijiet kbar ta’ Alla.  Fil-fatt il-qari rrakkuntalna l-fedeltà tiegħu, l-istorja ta’ mħabbtu lejna.  Il-Kelma ħajja ta’ Alla kapaċi tagħmilna parti minn din l-istorja ta’ mħabba, isseddaq fina t-tama u tqawwi l-ferħ.  Dan ifakkarhulna wkoll il-Vanġelu li għadna kemm smajna: l-anġli, biex jittamaw lin-nisa, jgħidulhom: “Ftakru [Ġesù] x’kien qalilkom” (v. 6).  Niftakru fi kliem Ġesù, niftakru f’dak kollu li Hu għamel f’ħajjitna.  Ma ninsewx il-Kelma tiegħu u l-għemejjel tiegħu, inkella nitilfu t-tama u nsiru Nsara bla tama; imma ejjew nagħmlu memorja tal-Mulej, tat-tjieba tiegħu u tal-kliem tiegħu li jagħti l-ħajja u li messilna qalbna; niftakru fihom u nagħmluhom tagħna, biex insiru l-għassiesa ta’ fil-għodu li jafu jaqraw is-sinjali ta’ l-Irxoxt.

 

Għeżież ħuti, Kristu qam mill-mewt!  U aħna nistgħu niftħu qalbna u nilqgħu d-don tiegħu mimli tama.  Ejjew niftħu qalbna għat-tama u nibdew mexjin; it-tifkira ta’ l-għemejjel tiegħu u ta’ kliemu ssir dawl għammiexi, li jmexxi l-passi tagħna fil-fiduċja, lejn dak l-Għid li m’għandux tmiem.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard