VELJA TAL-LEJL QADDIS TA’ L-GĦID

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Sibt il-Għid, 4 ta’ April 2015

 

Dan il-lejl hu lejl ta’ sahra.

 

Il-Mulej ma jorqodx, jibqa’ jishar il-Ħarries tal-poplu tiegħu (ara Salmi 121:4), biex joħorġu mill-jasar u jiftaħlu t-triq tal-ħelsien.

Il-Mulej jishar u bil-qawwa ta’ mħabbtu jgħaddi lill-poplu tiegħu minn qalb il-Baħar tal-Qasab; u jgħaddi lil Ġesù mill-abbiss tal-mewt u ta’ art l-imwiet.

 

Lejl ta’ sahra kien dan għad-dixxipli ta’ Ġesù.  Lejl ta’ swied il-qalb u ta’ biża’.  L-irġiel baqgħu maqfula fiċ-Ċenaklu.  Imma n-nisa, ma sbiħ il-jum l-għada tas-Sibt, marru fil-qabar biex jidilku l-ġisem ta’ Ġesù.  Ħassew qalbhom titqanqal u staqsew lil xulxin: “Kif sa nagħmlu biex nidħlu?  Min se jgerrbilna l-blata li tagħlaq il-qabar?…”.  Imma hawn jidher l-ewwel sinjal tal-Ġrajja: il-ġebla kbira kienet diġà mgerrba u l-qabar kien miftuħ!

 

Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bil-qiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda…” (Mk 16:5).  In-nisa kienu l-ewwel nies li raw dan is-sinjal kbir: il-qabar vojt; u kienu l-ewwel li daħlu fih

 

“Daħlu fil-qabar”.  Nagħmlu sew, f’dan il-lejl ta’ sahra, jekk nieqfu nirriflettu fuq l-esperjenza tad-dixxipli nisa ta’ Ġesù, li tinterpella anki lilna.  Fil-fatt, għalhekk ninsabu hawn: biex nidħlu, nidħlu fil-Misteru li Alla wettaq bis-sahra ta’ mħabbtu.

 

Ma nistgħux ngħixu l-Għid mingħajr ma nidħlu fil-misteru.  Dan m’hux xi fatt intellettwali, ma jfissirx biss li nkunu nafu, naqraw…  Hu iżjed minn hekk, wisq iżjed!

 

“Nidħlu fil-misteru” ifisser li jkollna l-ħila nistagħġbu, nikkontemplaw; ħila li nisimgħu s-silenzju u nisimgħu t-tpespisa ta’ fewġa ħelwa ta’ skiet li fiha Alla jkellimna (ara 1 Slat 19:12).

 

Li nidħlu fil-misteru jitlob minna li ma nibżgħux mir-realtà: ma ningħalqux fina nfusna, ma naħarbux minn dak li ma nifhmux, ma nagħlqux għajnejna quddiem il-problemi, ma niċħduhomx, ma nifgawx il-mistoqsijiet

 

Nidħlu fil-misteru jfisser immorru lil hemm mis-sigurtajiet komdi tagħna, lil hemm mill-għażż u l-indifferenza li jżommuna, u nfittxu l-verità, il-ġmiel u l-imħabba, infittxu s-sens li ma nafux, tweġiba xejn banali għall-mistoqsijiet li jpoġġu fi kriżi l-fidi tagħna, il-fedeltà tagħna u r-raġunar tagħna.

 

Biex nidħlu fil-misteru jeħtieġ li nkunu umli, ikollna l-umiltà li niċċekknu, li ninżlu mill-pedistall tal-jien tagħna tant kburi bih innifsu, tal-preżunzjoni tagħna; l-umiltà li nagħrfu d-daqs veru tagħna u nħarsu lejna nfusna bħala dak li tassew aħna: ħlejjaq, bil-preġji u d-difetti tagħna, midinbin fil-bżonn tal-maħfra.  Biex nidħlu fil-misteru hemm bżonn niċċekknu sal-punt li ma nkunu nistgħu nagħmlu xejn iżjed għalina nfusna, nitbattlu mill-idolatriji tagħna nfusna… adorazzjoni.  Jekk ma nadurawx, ma nistgħux nidħlu fil-misteru.

 

Dan kollu jgħallmuhulna d-dixxipli nisa ta’ Ġesù.  Huma baqgħu jishru, dak il-lejl, flimkien ma’ l-Omm.  U hi, l-Omm Verġni, għenithom biex ma jitilfux il-fidi u t-tama.  Hekk ma baqgħux ilsiera tal-biża’ u tan-niket, imma ma’ l-ewwel dawl ta’ sbiħ il-jum ħarġu, biż-żjut għad-dilka f’idejhom u b’qalbhom midluka bl-imħabba.  Ħarġu u sabu l-qabar miftuħ.  U daħlu.  Sahru, ħarġu u daħlu fil-Misteru.  Nitgħallmu minnhom nishru ma’ Alla u ma’ Marija, l-Omm tagħna, biex nistgħu nidħlu fil-Misteru li mill-mewt jgħaddina għall-ħajja.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard