QUDDIESA GĦALL-FTUĦ TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET GĦALL-AMAŻONJA 

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Is-XXVII Ħadd fiż-Żmien Matul is-Sena, 6 ta’ Ottubru 2019

 

L-Appostlu Pawlu, l-ikbar missjunarju tal-istorja tal-Knisja, jgħinna “nagħmlu Sinodu”, “nimxu flimkien”: dak li jikteb li Timotju donnu hu maħsub għalina, Ragħajja għall-qadi tal-Poplu ta’ Alla.

Qabelxejn jgħid: “Infakkrek biex tqajjem fik id-don ta’ Alla, li jinsab fik bit-tqegħid ta’ jdejja” (2 Tim 1:6). Aħna isqfijiet għax irċivejna don ta’ Alla. Ma ffirmajniex ftehim, ma rċivejniex xi kuntratt tax-xogħol f’idejna, imma t-tqegħid tal-idejn fuq rasna, biex aħna wkoll ngħollu jdejna ’l fuq biex jinterċedu quddiem il-Mulej u nnewlu jdejna lil ħutna. Irċivejna don biex insiru don. Don ma jinxtarax, ma jinbidilx, ma jinbiegħx: nirċevuh u nagħtuh. Jekk nagħmluh tagħna, jekk inqiegħdu lilna nfusna fiċ-ċentru u ma nħallux id-don fiċ-ċentru, minn Ragħajja nsiru funzjonarji: mid-don nagħmlu funzjoni u tgħib il-gratwità, u hekk nispiċċaw inservu lilna nfusna u niddubbaw bil-Knisja. Imma ħajjitna, minħabba fid-don li rċivejna, qiegħda hemm biex naqdu. Dan ifakkarhulna l-Vanġelu, li jitkellem fuq “qaddejja li ma jiswew għalxejn” (Lq 17:10): espressjoni li tista’ tfisser ukoll “qaddejja bla profitt”. Tfisser li aħna ma nitħabtux biex naslu għal xi profitt jew gwadann tagħna, imma għax b’xejn ħadna u b’xejn nagħtu (ara Mt 10:8). Il-ferħ tagħna jkun sħiħ fil-qadi għax aħna ġejna moqdija minn Alla, li sar qaddej tagħna. Għeżież ħuti, ejjew inħossuna msejħa hawn biex naqdu billi nqiegħdu fiċ-ċentru d-don ta’ Alla.

 

Biex inkunu fidili għal din is-sejħa tagħna, għall-missjoni tagħna, San Pawl ifakkarna li d-don għandna nqajmuh fina. Il-verb li jinqeda bih hu affaxxinanti: tqajjem fik, litteralment, fl-oriġinal, hu “tagħti l-ħajja lin-nar” [anazopurein]. Id-don li rċivejna hu nar, hu mħabba mkebbsa għal Alla u għall-aħwa. In-nar ma jabqadx waħdu, imut jekk ma jinżammx ħaj, jintefa jekk jitgħatta bl-irmied. Jekk kollox jibqa’ kif inhu, jekk jiemna nimlewhom bid-“dejjem hekk sar”, id-don jiġi fix-xejn, fgat mill-irmied tal-biża’ u tat-tħassib tagħna kif sa niddefendu l-istatus quo. Imma “bl-ebda mod il-Knisja ma tista’ tillimita ruħha għal pastorali tal-‘manteniment’, għal dawk li diġà ltaqgħu mal-Vanġelu ta’ Kristu. Il-ħeġġa missjunarja hi sinjal ċar tal-maturità ta’ komunità ekkleżjali” (Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Verbum Domini, 95). Għax il-Knisja dejjem tinsab f’mixja, dejjem fi ħruġ, qatt magħluqa fiha nfisha. Ġesù ma ġiex biex iġibilna l-fewġa ta’ filgħaxija, imma biex iqabbad nar fuq din l-art.

 

In-nar li jqajjem fina d-don hu l-Ispirtu s-Santu, dak li jqassam id-doni. Għalhekk San Pawl jissokta: “Ħares bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina t-teżor sabiħ li kien fdat f’idejk” (2 Tim 1:14). U jerġa’: “Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan” (v. 7). Mhux spirtu ta’ biża’, imma ta’ rażan. Hawn min jaħseb li r-rażan hu l-virtù tad-“dwana”, li twaqqaf kollox li ma tmurx tieħu xi żball. Le, ir-rażan hu virtù Nisranija, hu virtù tal-ħajja, anzi, il-virtù tat-tmexxija. U Alla tana dan l-ispirtu ta’ rażan. Pawlu jqiegħed ir-rażan bħala l-maqlub tal-biża’. Mela x’inhu dan ir-rażan tal-Ispirtu? Kif jgħallem il-Katekiżmu, ir-rażan “ma għandux x’jaqsam man-nuqqas ta’ qalb u mal-biża’”, imma “hu dik il-virtù li tħejji r-raġuni prattika biex tagħraf fiċ-ċirkustanzi kollha x’inhu l-veru ġid tagħna u tagħżel il-mezzi ġusti biex jinkiseb” (n. 1806). Ir-rażan mhuwiex li tibqa’ ma tiħux deċiżjoni, mhux xi atteġġjament ta’ difiża. Hu l-virtù tar-Ragħaj, li, biex jaqdi bl-għerf, jaf jiddixxerni, sensibbli għall-ġdid tal-Ispirtu. Allura li nqajmu fina d-don bin-nar tal-Ispirtu hu l-maqlub ta’ li nħallu l-affarijiet mexjin mingħajr ma nagħmlu xejn. U li nkunu fidili lejn il-ġdid tal-Ispirtu hi grazzja li jeħtieġ nitolbu fit-talb. Hu, li jġedded kollox, jagħtina r-rażan qalbieni tiegħu; inebbaħ is-Sinodu tagħna biex iġedded il-mixjiet għall-Knisja fl-Amażonja, biex ma jintefiex in-nar tal-missjoni.

 

In-nar ta’ Alla, bħal fl-episodju tas-siġra taqbad tal-għollieq, jaqbad imma ma jaħraqx (ara Eż 3:2). Hu nar ta’ mħabba li jdawwal, isaħħan u jagħti l-ħajja, mhux nar li jaħraq u jeqred. Meta mingħajr ebda mħabba u rispett jinġabu fix-xejn popli u kulturi, dan mhux in-nar ta’ Alla, imma tad-dinja. Imma kemm drabi mqar id-don ta’ Alla ma ġiex offrut imma impost, kemm drabi kien hemm kolonizzazzjoni flok evanġelizzazzjoni! Ħa jeħlisna Alla mir-regħba tal-kolonjaliżmi l-ġodda. In-nar imqabbad minn interessi li jeqirdu, bħal dak li dan l-aħħar fena l-Amażonja, mhuwiex dak tal-Vanġelu. In-nar ta’ Alla hu sħana li tiġbed lejha u xxierek fl-għaqda. Jitkebbes bil-qsim ma’ xulxin, u mhux bil-profitt personali. Imma n-nar qerriedi jġib fix-xejn, meta hemm min ifittex kif sa jġib ’il quddiem biss l-ideat tiegħu, jagħmel il-grupp tiegħu, jaħraq id-diversitajiet biex iġib lil kulħadd u kollox bħal xulxin.

 

Inqajmu fina d-don; nilqgħu r-rażan qalbieni tal-Ispirtu, fidili għall-ġdid tiegħu; San Pawl jagħmlilna eżortazzjoni aħħarija: “Tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna, imma aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju” (2 Tim 1:8). Jitlobna nagħtu xhieda tal-Vanġelu, inbatu għall-Vanġelu, f’kelma waħda ngħixu għall-Vanġelu. Ix-xandir tal-Vanġelu hu l-kriterju ewlieni li bih tgħix il-Knisja: hu l-missjoni tagħha, l-identità tagħha. Ftit wara Pawlu jikteb: “Demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju” (4:6). Li nxandru l-Vanġelu jfisser li nsiru offerta ħajja, nagħtu xhieda sal-aħħar, u nsiru kollox għal kulħadd (ara 1 Kor 9:22), ifisser inħobbu sal-punt tal-martirju. Nirringrazzja lil Alla li fil-Kulleġġ Kardinalizju hemm xi aħwa Kardinali martri, li f’ħajjithom ġarrbu s-salib tal-martirju. Fil-fatt, jisħaq l-Appostlu, il-Vanġelu naqduh mhux bil-qawwa tad-dinja, imma bl-unika qawwa ta’ Alla: billi nibqgħu dejjem fl-imħabba umli, nemmnu li l-uniku mod kif niksbu tassew ħajjitna hu billi nitilfuha għax inħobbu.

 

Għeżież ħuti, ejjew inħarsu flimkien lejn Ġesù Msallab, lejn il-qalb tiegħu minfuda għalina. Nibdew minn hemm, għax minn hemm ħareġ id-don li tana l-ħajja; minn hemm issawwab l-Ispirtu li jġedded (ara Ġw 19:30). Minn hemm inħossuna msejħa, ilkoll u kull wieħed, biex nagħtu l-ħajja. Tant ħutna fl-Amażonja qed iġorru slaleb tqal u jistennew il-faraġ ħellies tal-Vanġelu, iż-żegħila ta’ mħabba tal-Knisja. Tant ħutna fl-Amażonja taw ħajjithom. Ippermettuli ntenni kliem il-maħbub tagħna l-Kardinal Hummes: meta jasal f’dawk l-ibliet żgħar tal-Amażonja, jiġri lejn iċ-ċimiterji jfittex il-qabar tal-missjunarji. Ġest tal-Knisja għal dawk li taw ħajjithom fl-Amażonja. U mbagħad, ta’ ġurdien xiħ li hu, jgħid lill-Papa: “Tinsihomx. Jixirqilhom li jiġu kkanonizzati”. Għalihom, għal dawn li qed jagħtu ħajjithom illum, għal dawk li taw ħajjithom, magħhom, nimxu flimkien.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard