VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

F’SARAJEVO (BOSNJA U ĦERZEGOVINA)

QUDDIESA

OMELIJA TAL-PAPA

Stadju Koševo

Is-Sibt 6 ta’ Ġunju 2015

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-qari mill-Iskrittura li għadna kemm smajna tidwi iżjed minn darba l-kelma “paċi”.  Kelma profetika per eċċellenza!  Il-paċi hi l-ħolma ta’ Alla, hi l-pjan ta’ Alla għall-bniedem, għall-istorja, mal-ħolqien kollu.  U dan hu pjan li dejjem isib l-oppożizzjoni min-naħa tal-bniedem u min-naħa tal-ħażin.  Anki fi żmienna x-xewqa għall-paċi u t-tħabrik biex din tinbena jridu jħabbtuha mal-fatt li fid-dinja għaddejjin bosta kunflitti bl-armi.  Qisha xi tielet gwerra dinjija li qed tiġi miġġielda “biċċa biċċa”; u, fil-kuntest tal-komunikazzjoni globali, inħossu li teżisti klima ta’ gwerra.

 

Hemm min din il-klima donu jrid joħloqha u jkebbisha apposta, b’mod partikulari dawk li jfittxu l-iskontru bejn id-diversi kulturi u ċiviltajiet, u anki dawk li joqogħdu jispekulaw fuq il-gwerer biex ibigħu l-armamenti.  Imma l-gwerra tfisser tfal, nisa u anzjani fil-kampijiet tar-rifuġjati; tfisser immigrazzjoni imposta; tfisser djar, toroq, fabbriki meqruda; tfisser fuq kollox tant ħajjiet imfarrka.  Intom dan tafuh sew, għax għaddejtu minnu propju hawn: kemm tbatija, kemm qerda, kemm uġigħ ta’ qalb!  Il-lum, għeżież ħuti, qed togħla għal darb’oħra minn din il-belt il-karba tal-poplu ta’ Alla u tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba: qatt iżjed il-gwerra!

 

Qalb din il-klima ta’ gwerra, bħal raġġ ta’ xemx li jinfed is-sħabijiet, tidwi l-kelma ta’ Ġesù fil-Vanġeli: “Henjin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5:9).  Hi sejħa dejjem attwali, li tgħodd għal kull ġenerazzjoni.  Ma jgħidx “Henjin dawk li jippriedkaw il-paċi”: kulħadd kapaċi jipproklamaha, anki b’mod ipokrita jew saħanistra qarrieq.  Le.  Jgħid: “Henjin dawk li jġibu l-paċi”, jiġifieri dawk li jagħmluha.  Tagħmel il-paċi hi sengħa: ħidma li titlob passjoni, sabar, esperjenza, perseveranza.  Henjin dawk li jiżirgħu l-paċi bl-għemejjel tagħhom ta’ kuljum, bi mġibiet u ġesti ta’ qadi, ta’ fraternità, ta’ djalogu, ta’ ħniena…  Dawn, iva, “jissejħu wlied Alla”, għax Alla jiżra’ l-paċi, dejjem, kullimkien; fil-milja taż-żminijiet hu żera’ fid-dinja lil Ibnu biex aħna niksbu s-sliem!  Biex nibnu l-paċi hemm bżonn ta’ ħidma li nwettqu ta’ kuljum, pass wara pass, bla ma qatt negħjew.

 

U kif inġibuha, kif nibnuha l-paċi?  Fi ftit kliem, dan fakkarhulna l-profeta Isaija: “Is-sliem ikun frott il-ġustizzja” (32:17).  “Opus iustitiæ pax”, skond il-verżjoni tal-Vulgata, u dan sar motto famuż, adattat profetikament anki mill-Papa Piju XII.  Il-paċi hi ħidmet il-ġustizzja.  Anki hawn: mhux ġustizzja pproklamata, teorizzata, ippjanifikata… imma l-ġustizzja mħaddma, megħjuxa.  U t-Testment il-Ġdid jgħallimna li t-twettiq sħiħ tal-ġustizzja qiegħed fl-imħabba tal-proxxmu bħalna nfusna (ara Mt 22:39; Rum 13:9).

 

Meta, bil-grazzja ta’ Alla, aħna nobdu dan il-kmandament, kemm jinbidlu l-affarijiet!  Għax ninbidlu aħna!  Dik il-persuna, dak il-poplu, li kont nara bħala għadu tiegħi, fir-realtà għandu l-istess wiċċ tiegħi, l-istess qalb tiegħi, l-istess ruħ tiegħi.  Għandna l-istess Missier fis-Smewwiet.  Għalhekk il-ġustizzja vera hi li nagħmel ma’ dik il-persuna, ma’ dak il-poplu, dak li rrid li jsir miegħi, mal-poplu tiegħi (ara Mt 7:12).

 

San Pawl, fit-Tieni Qari, uriena liema għandhom ikunu l-atteġġjamenti meħtieġa biex inġibu l-paċi: “Ilbsu sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabarStabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll (Kol 3:12-13).

 

Din hi l-imġiba biex insiru “nies tas-sengħa” li jibnu l-paċi fil-ħajja ta’ kuljum, fil-postijiet fejn ngħixu.  Imma ma nimlewx moħħna li dan jiddipendi biss minna!  Inkunu naqgħu f’moraliżmu illużorju.  Il-paċi hi don ta’ Alla, mhux f’sens maġiku, imma għax Hu, bl-Ispirtu tiegħu, jista’ jistampa dawn l-atteġġjamenti fuq qlubna u fuq ġisimna, biex jagħmel minna għodda vera tas-sliem tiegħu.  U l-Appostlu jinżel iktar fil-fond u jgħid li l-paċi hi don ta’ Alla għax hi frott tar-rikonċiljazzjoni tiegħu magħna.  Huwa biss jekk iħalli lil Alla jerġa’ jħabbu miegħu li l-bniedem jista’ jsir bennej tal-paċi.

 

Għeżież ħuti, il-lum ejjew nitolbu lill-Mulej, bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, il-grazzja li jkollna qalb sempliċi, il-grazzja tas-sabar, il-grazzja li nitqabdu u naħdmu għall-ġustizzja, li nkunu ħanina, li nġibu l-paċi, li niżirgħu l-paċi u mhux il-gwerra u l-ġlied.  Din hi l-mixja li tagħmilna kuntenti, li tagħmilna hienja.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard