QUDDIESA FIL-BIDU TAL-KAPITLU ĠENERALI

TAL-ORDNI TA’ SANTU WISTIN

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Basilika ta’ Santu Wistin f’ Campo Marzio, Ruma
L-Erbgħa, 28 ta’ Awwissu 2013

 

“Inti għamiltna għalik u qalbna ma ssibx kwiet qabel ma tistrieħ fik” (Stqarrijiet, I, 1,1).  B’dawn il-kelmiet li saru magħrufa ħafna, Santu Wistin idur lejn Alla fl-Istqarrijiet, u f’dawn il-kelmiet hemm fil-qosor ħajtu kollha.

 “Inkwetitudni”.  Din il-kelma tolqotni u ġġagħalni nirrifletti.  Irrid nitlaq minn mistoqsija:  Liema inketitudni fundamentali jgħix Agostino f’ħajtu?  Jew forsi  aktar għandi ngħid:  Liema inkwetitudni jistedinna biex inqanqlu fina u nżommu ħajjin f’ħajjitna dan il-bniedem u qaddis kbir?  Nipproponi tlieta minnhom: l-inkwetitudni tat-tfittix spiritwali, l-inkwetudni tal-laqgħa m’Alla, l-inkwetudni tal-imħabba.

 1.  L-ewwel:  L-inkwetudni tat-tfittix spiritwali.  Agostino jgħix esperjenza ħafna komuni fi żmienna: komuni ħafna fost iż-żgħażagħ tagħna.  Huwa ġie edukat fil-fidi nisranija minn ommu Monika, anke jekk ma rċeviex il-Magħmudija; imma meta kiber tbiegħed minnha, ma sabx fiha t-tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħu għax-xewqat ta’qalbu, u kien miġbud minn tweġibiet oħra.  Daħal għalhekk fil-grupp tal-Manikej, jiddedika ruħu bi mpenn għall-istudji tiegħu, ma jiċħadx għax-xalar bla ħsieb, għall-ispettakli ta’ żmienu, ħbiberiji profondi, jagħraf l-imħabba qawwija u jibda karriera brillanti ta’ għalliem tar-rettorika li twasslu sal-qorti imperjali ta’ Milan.  Agostino huwa bniedem “li wasal”, għandu kollox, imma f’qalbu tibqa l-inkwetudni tat-tfittix tas-sens tal-ħajja; qalbu mhux rieqda, forsi ngħid mhix illuppjata mis-suċċess, mill-affarijiet, mill-poter.  Agostino ma jingħalaqx fih innifsu, ma jieqafx, ikompli jfittex il-verita’, is-sens tal-ħajja, ikompli jfittex wiċċ Alla.  Mingħajr dubju għamel żbalji, jieħu wkoll toroq żbaljati, jidneb, huwa midneb; imma ma jitlifx l-inkwetudni tat-tfittix spiritwali.  U f’dan il-mod jiskopri li Alla qed jistennieh, anzi li qatt ma waqaf ifittxu Hu l-ewwel.  Nixtieq intenni lil min iħossu ndifferenti lejn Alla, lejn il-fidi, lil min huwa mbiegħed minn Alla jew ħallieH, anke lilna, “bil-modi li nitbegħedu minnu”, bil-modi li “nabbandunaw” lil Alla, aktarx żgħar, imma li hemm ħafna minnhom f’ħajjitna ta’ kuljum: ħares lejn il-qiegħ ta’ qalbek, ħares lejn il-ġewwa nett tiegħek stess, u saqsi lilek innifsek:  għandek qalb li tixtieq xi ħaġa kbira jew qalb rieqda bl-affarijiet?  Qalbek tgħożż l-inkwetudni tat-tfittix jewq ħallejtha tiġi soffokata mill-affarijiet, li jispiċċaw biex jifgawha?  Alla qed jistenniek. Qed ifittxek: x’ser twieġeb?  Qiegħed tittendi b’din il-qagħada ta’ ruħek?  Jew qed torqod?  Temmen li Alla qed jistenniek u għalik din il-verita’ hija biss “kliem”?

2. F’Agostino hija proprju din l-inkwetudni tal-qalb li twasslu għal-laqgħa personali ma’ Kristu, twasslu biex jifhem li dak Alla li kien qed ifittex ‘il bogħod minnu, huwa Alla qrib ta’ kull bniedem, Alla qrib ta’ qalbna, huwa aktar intimu magħna milli aħna stess tagħna nfusna (ara ibid III, 6,11).  Imma wkoll fl-iskoperta u fil-laqgħa m’Alla, Agostino ma jieqafx, ma jnaqqasx il-pass, ma jingħalaqx fih innifsu bħal dak li jkun ġa wasal, imma jkompli mixjietu.  L-inkwetudni tat-tfittix tal-verita’, tat-tfittix t’Alla, ssir inkwetudni biex jagħarfu dejjem aktar u biex joħroġ minnu nnifsu biex jagħmlu magħruf lill-oħrajn.  Din hija l-inkwetudni tal-imħabba.  Jixtieq ħajja kwieta ta’ studju u ta’ talb,  imma Alla jsejjaħlu biex ikun Ragħaj ta’ Ippona f’mument diffiċli, ma’ komunita’ maqsuma u bi gwerra wara l-bieb.  U Agostino jħalli lilu nnifsu jiġi “nkwetat” [mqanqal] minn Alla, ma jgħajjiex iħabbru, jevanġeliżża bil-kuraġġ, mingħajr biża’, ifittex li jkun ix-xbieha ta’ Ġesu’, ir-Ragħaj it-Tajjeb li jagħraf in-nagħaġ tiegħu (ara Ġw 10, 14), anzi, kif inħobb nirrepeti jien, huwa “ixomm ir-rieħa tal-merħla tiegħu”, u joħroġ ifittex dawk li ntilfu.  Agostino jgħix dak li San Pawl juri lil Timotju u lil kull wieħed minna: xandar l-Evanġelju b’qalb kbira, kbira (ara 2 Tim 4,2) ta’ Ragħaj li hu inkwiet għan-nagħaġ tiegħu.  It-teżor ta’ Agostino huwa proprju dan l-atteġġjament: dejjem joħroġ lejn Alla, dejjem joħroġ lejn il-merħla ...  Huwa bniedem dejjem f’ħarsa qawwija għall-quddiem, bejn dawn iż-żewġ toroq: ma “nipprivatiżżawx” l-imħabba ... dejjem mexjin!  Dejjem mexjin, għadu kif qal il-Padre, inti.  Dejjem inkwiet!  U din hija l-paċi tal-inkwetudni.  Nistgħu nsaqsu lilna nfusna:  jien ninsab inkwiet [bla serħan] għal Alla, biex inxandru, biex nagħmlu magħruf?  Jew inħalli lili nnifsi niġi miġbud minn dik il-mondanita’ spiritwali li tixprunana biex nagħmlu kollox għall-imħabba tagħna nfusna?  Aħna l-ikkonsagrati naħsbu għall-interessi personali, biex inħaddmu l-opri, għall-karrieriżmu? Kemm hemm affarijiet li nistgħu naħsbu... Nista’ ntenni, biex ngħid hekk, jien “komdu” f’ħajti nisranija, f’ħajti bħala saċerdot, f’ħajti bħala reliġjuż, u wkoll f’ħajti fil-komunita’, jew ngħożż il-qawwa tal-inkwetitudni għal Alla, għal Kelmtu, li twassalni biex “immur barra”, lejn l-oħrajn?

3. U niġu għall-aħħar inwetudni, l-inkwetudni tal-imħabba.  Hawn ma nistax ma nħarisx lejn l-omm: din Monika!  Kemm dmugħ xerrdet dik il-mara qaddisa għall-konverżjoni ta’ binha!  U kemm ommijiet illum ukoll ixerrdu dmugħ biex uliedhom jerġgħu lura għand Kristu!  Titilfux it-tama fil-grazzja t’Alla!  Fl-Istqarrijiet naqraw din il-frażi li wieħed isqof qal lil Santa Monika li kienet talbet għajnuna għal binha biex isib mill-ġdid it-triq tal-fidi: “Mhux possibbli li iben ta’ tant dmugħ jintilef” (III, 12,21).  U l-istess Agostino, wara l-konverżjoni, waqt li jdur lejn Alla, jikteb: “għall-imħabba tiegħi, ommi bkiet quddiemek, kollha kemm hi fidila, ixxerred aktar dmugħ minn dak li l-ommijiet ixerrdu fil-mewt fiżika ta’ wliedhom” (ibid III,11, 19).  Omm bla serħan, din il-mara, li fl-aħħar, ittenni dik il-kelma  sabiħa: cumulatius hoc mihi Deus praestitit! [Alla tiegħi issodisfani għall-aħħar] (ibid., IX,10,26).  Dak li għalih hija bkiet, Alla raddulha b’mod abbundanti!  U Agostino huwa l-eredi ta’ Monika, minn għandha jirċievi iż-żerriegħa tal-inkwetudni.  Hekku, għalhekk, l-inkwetudni tal-imħabba:  Tfittex dejjem, bla waqfien, il-ġid tal-oħrajn, tal-persuna li tħobb, b’dik l-intensita’ li twassal wkoll għad-dmugħ.  Jiġuni quddiemi Ġesu’ li jibki quddiem il-qabar ta’ ħabibu Lażżru, Pietru li wara li ċaħad lil Ġesu’ jiltaqa’ mal-ħarsa għanja bil-ħniena u mħabba u jibki b’qalbu maqsuma, il-Missier li jistenna fuq il-bejt lil ibnu jerġa’ lura u meta kien għadu ‘l bogħod imur jiltaqa’ miegħu; tiġini f’moħħi l-Verġni Marija li bi mħabba timxi wara Binha Ġesu’ sas-Salib.  Kif aħna aħna bl-inkwetudni tal-imħabba?  Nemmnu fl-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn?  Jew aħna kliem biss għandna dwar dan?  Mhux b’mod astratt, mhux bil-kliem biss, imma dak ħuna konkret li niltaqgħu miegħu, dak ħuna li huwa qribna!  Inħallu lilna nfusna nkunu bla serħan quddiem il-ħtiġiet tagħhom jew nibqgħu mgħaluqin fina nfusna, fil-komunitajiet tagħna, li ħafna drabi hija għalina “komunita’-komda”?  Xi drabi tista’ tgħix  f’binja ta’ flats jew appartamenti bla ma tkun taf min qed jgħix qribek;  jew tista’ tkun fil-komunita’ mingħajr ma tagħraf tassew lil ħuk qribek: b’niket naħseb f’dawk l-ikkonsagrati li ma jagħmlux frott ta’ mħabba, li huma “zitelloni” [bħal dawk li jibqgħu weħidhom, ma jinħabbux, f’ħajja komda].  L-inkwetudni tal-imħabba tixprunana dejjem biex immorru niltaqgħu mal-ieħor, mingħajr ma nistennew li l-ieħor juri htiġijietu.  L-inkwetudni tal-imħabba tagħtina d-don li l-ħajja pastorali tagħna tagħti l-frott, u aħna jeħtieġilna nsaqsu lilna nfusna, kull wieħed minna, kif inhija l-fekondita spiritwali, il-fekondita’ spiritwali tiegħi?

Nitolbu l-Mulej għalikom, għeżież Agostinjani, li ser tibdew il-Kapitlu Ġenerali, u għalina lkoll li jżommilna fi qlubna l-inkwetudni spiritwali li nfittxuH dejjem, l-inkwetudni li nħabbruH bil-kuraġġ, l-inkwetudni tal-imħabba lejn kull wieħed u waħda minn ħutna.  Ammen.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.