QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ
TAT-TLUGĦ FIS-SEMA TAL-BEATA VERĠNI MARIJA

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Piazza della Libertà, Castel Gandolfo
Il-Ħamis, 15 t’Awwissu, 2013

 

Għeżież Ħuti! 

Fi tmiem il-Kostituzjoni fuq il-Knisja, il-Konċilju Vatikan II ħallielna meditazzjoni sabiħa ħafna fuq Marija Santissma.  Niftakru biss fuq il-kliem li għandhom x’jaqsmu mal-misteru li qed niċċelebraw illum: L-ewwel hija din: “Il-Verġni Immakulata, ippreservata ħielsa minn kull tebgħa ta’ dnub oriġinali, meta temmet iż-żmien tal-ħajja tagħha fid-dinja, ġiet imtellgħa s-sema fil-glorja bir-ruħ u l-ġisem, u mill-Mulej ġiet mgħollija bħala Reġina tal-univers” (n.59).   U mbagħad, lejn it-tmiem, hemm din l-oħra: “L’Omm ta’ Ġesu’, kif fis-sema hija gglorifikata fil-ġisem u fir-ruħ, hi x-xbieha u l-bidu tal-Knisja li għandu jkollha t-tmiem fiż-żmien li ġej, hekk ukoll fuq l-art tixgħel quddiem il-Poplu t’Alla fi triqtu bħala dawl ta’ tama żgura ta’ konsolazzjoni, sakemm jasal jum il-Mulej” (n. 68). Fid-dawl ta’ din l-ikona l-aktar sabiħa tal-Omm tagħna, nistgħu nikkunsidraw il-messaġġ li hemm fil-Qari tal-Iskrittura li għadna kemm smajna.  Nistgħu nikkonċentraw fuq tlitt kelmiet importanti: il-ġlieda, il-qawmien, it-tama.

Is-silta mill-Ktieb tal-Apokalissi jurina d-dehra tal-ġlieda bejn il-mara u d-dragun.  Il-figura tal-mara, li tirrapreżenta l-Knisja, hija fuq naħa glorjuża u trijonfanti, u fuq l-oħra għadha waqt l-uġiegħ tal-ħlas.  Hekk fil-fatt hija l-Knisja: jekk fis-sema hija ġa msieħba fil-glorja mal-Mulej, fl-istorja tgħix bla waqfien il-provi u l-isfidi li ġġib magħha l-ġlieda bejn Alla u x-xitan, il-għadu ta’ dejjem.  Hu f’din il-ġlieda li d-dixxipli ta’ Ġesu’ jeħtieġilhom iħabbtu wiċċhom, aħna lkoll, aħna, id-dixxipli kollha ta’ Ġesu’ jeħtieġilna nħabbtu wiċċna ma’ din il-ġlieda – Marija qatt ma tħallihom weħidhom; l-Omm ta’ Kristu u tal-Knisja hija dejjem magħna.  Dejjem, timxi magħna, hija magħna.  Marija wkoll, f’ċertu sens, taqsam din il-kundizzjoni doppja.  Hija, naturalment, daħlet darba għal dejjem fil-glorja tas-sema.  Imma dan ma jfissirx li hija mbegħeda, li hija maqtugħa minna; anzi, Marija takkumpanjana, tiġġieled flimkien magħna, issaħħaħ l-insara fil-ġlieda kontra l-forzi tal-ħażen.  It-talba ma’ Marija, b’mod speċjali r-Rużarju – imma isimgħu sewwa: ir-Rużarju.  Intom titolbu r-Rużarju kuljum?  Imma, ma nafx... [in-nies għajtu: Iva!]  żgur?  Hekku, it-talba ma’ Marija, b’mod speċjali r-Rużarju għandha wkoll din id-dimensjoni “ta’ taqbida”, jiġifieri ta’ ġlieda, hija talba li ssaħħaħna fil-gwerra kontra l-ħażin u l-kompliċi tiegħu.  Ir-Rużarju wkoll isaħħaħna f’din il-ġlieda.

It-tieni Qari jkellimna mill-qawmien.   L-appostlu Pawlu, waqt li jikteb lill-Korintin, jisħaq fuq il-fatt li li tkun nisrani jfisser temmen li Kristu qam mill-mewt tassew.  Il-fidi kollha tagħna hija mibnija fuq din il-verita’ fundamentali li m’hijiex idea imma hija ġrajja.  U anke l-misteru tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija bil-ġisem u r-ruħ huwa miktub sħiħ fil-Qawmien ta’ Kristu.  L-umanita’ tal-Omm kienet “miġbuda” mill-Iben fil-passaġġ tagħha permezz tal-mewt.  Ġesu’ daħal darba għal dejjem fil-ħajja eterna bl-umanita’ kollha tiegħu, dik li huwa kien ħa minn Marija;  hekk hi, l-Omm, li kienet imxiet warajH bil-fedelta’ tul ħajjitha kollha, li mxiet warajH b’qalbha, daħlet miegħu fil-ħajja eterna, li nsejjħulha wkoll is-Sema, il-Ġenna, id-Dar tal-Missier.

Marija wkoll għaddiet mill-martirju tas-salib: il-martirju ta’ qalbha, il-martirju ta’ ruħha.  Hija sofriet ħafna f’qalbha waqt li Ġesu’ kien qiegħed ibati fuq is-salib.  Il-Passjoni tal-Iben għexitha kollha kemm hi f’ruħha.  Kienet mgħaquda ħaġa waħda miegħu fil-mewt; u għalhekk ġie mogħti lilha id-don tal-qawmien.  Kristu huwa l-ewwel fost dawk li qamu, u Marija hija l-ewwel fost dawk li ġew mifdija, l-ewwel fost “dawk li huma ta’ Kristu”.  Hija Ommna, imma nistgħu ngħidu wkoll li hija r-rappreżentanta tagħna, hija oħtna, hija l-ewwel fost ħutna, hija l-ewwel fost il-mifdija li waslet fis-Sema.

L-Evanġelju jissuġġerielna t-tielet kelma: it-tama.  It-tama hija dik il-virtu’ ta’ dak jew dik li, waqt li jesperimentaw il-ġlieda, it-taqbida ta’ kuljum bejn il-ħajja u l-mewt, bejn it-tajjeb u l-ħażin, jemmnu fil-Qawmien ta’ Kristu, fir-rebħa tal-Imħabba.  Smajna il-Kantiku ta’ Marija, il-Magnificat:  huwa l-kantiku tat-tama, il-kantiku tal-Poplu t’Alla f’mixjietu fl-istorja. Huwa l-kantiku ta’ tant qaddisin, uħud magħrufin, oħrajn, li huma ħafna, mhux magħrufin, imma li Alla jafhom: ommijiet, missirijiet, katekisti, missjunarji, saċerdoti, sorijiet, żgħażagħ, tfal ukoll, nanniet:  dawn meta sabu ruħhom wiċċ imbwiċċ mal-ġlieda tal-ħajja ħallew f’qalbhom it-tama taż-żgħar u tal-umli.  Marija ttenni: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” – illum ukoll il-Knisja tkanta dan l-innu u tkantah f’kull naħa tad-dinja.  Dan il-kantiku huwa b’mod speċjali qawwi hemm fejn il-Ġisem ta’ Kristu qed ibati l-Passjoni.  Fejn hemm is-Salib, għalina l-insara  hemm it-tama, dejjem.  Jekk m’hemmx it-tama, aħna ma nkunux insara.  Għalhekk lili jgħoġobni ntenni: tħallux li jisirqulkom it-tama. J’Alla ma jisirqulniex it-tama għaliex din il-qawwa hija grazzja, hija don t’Alla li tmexxina ‘l quddiem waqt li nħarsu lejn is-Sema.  U Marija hija dejjem hemm, qrib din il-komunita’, dawn ħutna, timxi magħhom, tbati magħhom, u tkanta magħhom il-Magnificat tat-tama.

Għeżież ħuti, ningħaqdu aħna wkoll b’qalbna kollha ma’ dan il-kantiku tas-sabar u tar-rebħ, tal-ġlieda u tal-ferħ, li jgħaqqad il-Knisja li ġa waslet fis-sema ma’ dik li għadha hawnhekk miexja, jiġifieri aħna; li tgħaqqad l-art mas-Sema, li tgħaqqad l-istorja tagħna mal-eternita’, li lejha aħna mexjin.  Ammen.

Miġjuba għall-Malti minn Patri Silvestru OFM Cap.