Omelija tal-Papa Franġisku

Quddiesa f'ġieħ San Josč  de Anchieta

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Malta

24 ta' April 2014.

 

Quddiesa fit-tifkira San Josč  de Anchieta. 

Il-Papa dwar il-ferħ tal-laqgħa ma' Ġesų issir tħabbira, 24 ta’ April 2014

Rapport tal-omelija tal-Papa Franġisku mibghut lilna mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Malta.

 

Il-Knisja tikber għax tiġbed lejha grazzi għall-laqgħa ma' Ġesų li tinbidel fi tħabbira.  Dan hu fil-qosor il-ħsieb tal-omelija li għamel il-Papa Franġisku waqt quddiesa ta' ringrazzjament għall-kanoniżżazzjoni ta' San Josč de Anchieta, magħruf bħala l-Appostlu tal-Brażil, li sar qaddis fit-3 ta' April.  L-Ewkaristija kienet iċċelebrata fil-knisja ta' San Injazju minn Loyola f'Ruma.

San Josč li twieled fl-1534 fil-gżejjer Canarie, kien saċerdot Ġiżwita protagonista tat-tħabbir tal-Vanġelu fost l-Indios tal-Brażil.  Hu meqjus ukoll bħala l-fundatur tal-ibliet San Paolo u Rio de Janeiro.  De Anchieta kien l-ewwel li ppubblika ktieb tal-grammatika tal-lingwa ta' waħda mit-tribujiet lokali, it-Tupė, kif ukoll kotba tat-talb u tal-kant.

Għall-quddiesa kienu preżenti 9 kardinali, mat-tletin isqof, ħafna saċerdoti u fidili, l-aktar mill-Brażil. 

Il-ferħ tal-laqgħa ma' Kristu Rxoxt, kien il-qofol tal-omelija li l-Papa għamel bl-Ispanjol.  Il-quddiesa fil-knisja ppakkjata saret bil-Portugiż.  Il-Papa tkellem dwar il-ferħ li jista' jbeżża' bħalma ġara lid-dixxipli ta' Emmaus u li jista' jbeżża' anki lilna meta jidhrilna li jkun riskju jekk naċċettawh u naħsbu li jkun jaqblilna nsibu kenn taħt l-iskuża li “mhemmx għalfejn nesaġeraw!”

Hu aktar faċli temmen f'fantażma milli temmen fi Kristu ħaj, qal il-Papa!  Aktar faċli tmur għand xi ħadd li jaqralek il-futur, li jagħmillek il-karti, milli jkollok fiduċja fit-tama ta' Kristu rebbieħ, fi Kristu li rebaħ 'il-mewt!  Idea, immaġinazzjoni huma aktar faċli mill-ħlewwa ta' dan il-Mulej li jqum mill-mewt u li tkun taf għal xiex qed jistiednek.

Il-qari mill-Atti tal-Appostli jitkellem dwar wieħed paralitiku.  Hu bniedem li għadda ħajtu ħdejn il-bieb tat-Tempju jittallab il-karitā, imma li meta tfejjaq, beda jfaħħar 'l Alla u l-ferħ tiegħu kien jittieħed.  Quddiem dan l-avveniment, in-nies, mimlijin stagħġib, resqet u Pietru beda jxandar il-messaġġ.  Il-ferħ tal-laqgħa ma' Ġesų Kristu, dak il-ferħ li nibżgħu naċċettawh, jittieħed, jitħabbar b'leħen għoli u hemmhekk il-Knisja tikber!

Il-Knisja ma tikbirx bil-prożelitiżmu imma bl-attrazzjoni, afferma Franġisku. B'dik ix-xhieda li tinbet mill-ferħ li jiġi aċċettat u jinbidel f'aħbar.  Mingħajr dan il-ferħ, mingħajr din l-allegrija, ma nistgħux inwaqqfu l-Knisja!  Ma nistgħux inwaqqfu komunita' kristjana!, kompla jisħaq.  Dan hu ferħ appostoliku li jinxtered.  Imbagħad il-Qdusija Tiegħu stieden lill-kongregazzjoni biex tistaqsi lilha nfisha jekk għandhiex ħila tilqa' l-entużjażmu li permezz tiegħu l-oħrajn, fina jaraw il-miraklu ta' ħajja ġdida imwielda mill-laqgħa ma' Kristu.

Anki San Josč de Anchieta, saċerdot Ġiżwita, li ddedika ħajtu għat-tħabbir tal-Evanġelju lill-Indios tal-Brażil, għaraf jikkomunika dak li kien ħass fil-laqgħa tiegħu mal-Mulej, dak li l-Mulej qallu waqt l-eżerċizzi.  Flimkien ma' Norbega, dan hu l-ewwel Ġiżwita li Injazju bagħat fl-Amerika, ġuvnott ta' 19-il sena......

Tant kien bniedem ferrieħi, qal il-Papa Franġisku, li waqqaf nazzjon: tefa' l-pedamenti kulturali ta' nazzjon, f'Ġesų Kristu.  Ma kienx studja teoloġija, ma kienx studja filosofija, kien ġuvnott!  Imma kien ħass il-ħarsa ta' Ġesų Kristu u laqa' fih il-ferħ, għażel id-dawl.  Din kienet il-qdusija tiegħu.

San Josč de Anchieta, ikkonkluda l-Papa, għandu innu sabiħ ħafna lill-Verġni Marija, li, ispirat mill-kantiku ta' Iżaija 52, jipparagunaha mal-messaġġier li jxandar il-paċi, li bil-ferħ jagħti l-Aħbar it-Tajba.

Għalhekk, l-awgurju tal-Qdusija Tiegħu hu propju li l-Verġni, li ma beżgħetx mill-ferħ, takkumpanjana fil-pellegrinaġġ tagħna, filwaqt li stieden lil kulħadd biex iqum fuq tiegħu, jirrifjuta li jibqa' iebes, biex flimkien nidħlu fl-allegria u l-paċi li jwiegħedna Ġesų, il-Mulej Redentur.