Il-Papa Frangisku

Angelus,

Il-Ħadd, 19 ta' Jannar 2014

 

Hija sabiħa s-silta tal-Evanġelju.  Ġwanni kien jgħammed; u Ġesu’ li kien ġie mgħammed qabel – xi jiem qabel – ġie u għadda minn quddiem Ġwanni.  U Ġwanni ħass fih innifsu il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex jagħti xhieda ta’ Ġesu’.  Fil-waqt li ħares lejH u ħares lejn in-nies li kienu madwar Ġesu, stqarr:  “Dan hu l-Ħaruf t’Alla, dan hu Dak li jneħħi d-dnub tad-dinja”.  U ta xhieda għal Ġesu’:  dan huwa Ġesu’, dan huwa Dak li ġie biex isalvana; dan huwa Dak li jagħtina l-qawwa tat-tama.

Ġesu’ huwa msejjaħ il-Ħaruf: huwa l-Ħaruf li jneħħi d-dnub tad-dinja.  Wieħed jista’ jaħseb: Imma kif, ħaruf, li huwa tant debboli, ħaruf ċkejken debboli, kif jista’ jneħħi daqshekk dnubiet, tant ħażen?  Permezz tal-Imħabba.  Bil-ħlewwa tiegħu.  Ġesu’ qatt ma waqaf ikun ħaruf: ħelu, tajjeb, mimli bl-imħabba, qrib iż-żgħar, qrib il-fqar.  Hemm kien, fost in-nies, ifejjaq lil kulħadd, jgħallem, jitlob.  Ġesu’ huwa tassew bla forza, bħal ħaruf.  Imma kellu l-qawwa li jġorr fuq spallejh id-dnubiet kollha tagħna, kollha.  “Imma, Father, int ma tafx ħajti: jien għandi wieħed li ... ma nistax inġorru anqas fuq trakk kbir...”.  Ħafna drabi meta nħarsu lejn il-kuxjenza tagħna, insibu xi dnubiet li huma ħoxnin!  Imma Huwa jġorrhom.  Huwa ġie għal dan il-għan: biex jaħfer, biex jagħmel paċi fid-dinja, imma, qabel, iġib il-paċi fil-qalb.  Jista’ jkun li kull wieħed u waħda minna għandu xi turment fil-qalb tiegħu jew tagħha, forsi għandu jew għandha xi dlam fil-qalb, forsi jħoss jew tħoss xi ftit dwejjaq minħabba xi dnub... Huwa ġie biex ineħħi dan kollu, Huwa jagħtina l-paċi, Huwa jaħfer kollox.  “Hekku l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub”: ineħħi d-dnub bl-għeruq b’kollox!  Din hijs s-salvazzjoni ta’ Ġesu’, bl-imħabba tiegħu u bil-ħlewwa tiegħu.  U meta nisimgħu dak li jgħid Ġwanni l-Battista, li jagħti din ix-xhieda għal Ġesu’ bħala Salvatur, għandna nikbru fil-fiduċja f’Ġesu’.  

Ħafna drabi jkollna fiduċja f’tabib: hija ħaġa tajba, għaliex it-tabib qiegħed hemm biex ifejjaqna;  ikollna fiduċja f’persuni oħrajn: ħutna li jistgħu jgħinuna.  Hija ħaġa tajba jkollna din il-fiduċja umana, bejnietna.  Imma ninsew il-fiduċja fil-Mulej!  “Mulej, ħares lejn ħajti: jien qiegħed fid-dlam, għandi din id-diffikulta’, għandi dan id-dnub...”;  kull ma aħna jkollna:  Ħares lejn dan: jiena nafda fik!”  U din hija mħatra li jeħtieġilna nagħmlu: nafdaw lilna nfusna lilu, u qatt ma jiddisappuntana.  Qatt, qatt!  Isimgħu sewwa, inthom żgħażagħ tfajliet u ġuvintur, li qed tibdew il-ħajja issa: Ġesu qatt ma jiddisappuntana.  Qatt.  Din hija x-xhieda ta’ Ġwanni:  Ġesu’, dak li hu tajjeb, ħelu, li jtemm ħajtu bħal ħaruf, maqtul.  Mingħajr ma jgħajjat.  Huwa ġie biex isalvana, biex ineħħi d-dnub.  Id-dnub tiegħi, tiegħek, u dak tad-dinja: kollha, kollha.

U issa nistedinkom biex tagħmlu xi ħaġa: ejjew ngħalqu għajnejna, nimmaġinaw dik ix-xena hemm, fuq xatt ix-xmara, Ġwanni qed jgħammed u Ġesu’ għaddej.  U nisimgħu leħen Ġwanni: “Dan hu l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja”.  Inħarsu lejn Ġesu’ u fis-skiet, kull wieħed u waħda minna, jgħid xi ħaġa minn qalbu lil Ġesu’.  Fis-skiet.  (Pawsa fis-skiet).

Il-Mulej Ġesu’, li hu ħelu, li hu tajjeb – huwa Ħaruf – li ġie fid-dinja biex ineħħi d-dnubiet, jakkumpanjana fit-triq tal-ħajja.  Ammen.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.