ĠUBLEW STROARDINARJU TAL-ĦNIENA

QUDDIESA U FTUĦ TAL-BIEB IMQADDES

BAŻILIKA TA’ SANTA MARIA MAGGIORE

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Il-Ġimgħa 1 ta’ Jannar 2016

L-Imqaddsa Marija Omm Alla

 

 

Salve, Mater misericordiæ!

 

Hu b’din it-tislima li rridu nduru lejn il-Verġni Marija fil-Bażilika Rumana ddedikata lilha bit-titlu ta’ Omm Alla.  Dan hu l-bidu ta’ innu antik, li se nkantaw fl-aħħar ta’ din l-Ewkaristija mqaddsa, u li hu ta’ awtur mhux magħruf u wasal għandna bħala talba li toħroġ spontanja mill-qalb ta’ min jemmen: “Sliem għalik, Omm tal-ħniena, Omm ta’ Alla u Omm tal-maħfra, Omm tat-tama u Omm tal-grazzja, Omm mimlija b’hena qaddis”.  F’dawn il-ftit kelmiet tinġabar il-fidi ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ persuni li, waqt li żammew ħarsithom wieqfa fuq l-ikona tal-Verġni, talbuha l-interċessjoni u l-faraġ tagħha.

 

M’hemmx jum aħjar minn dan biex insejħu lill-Verġni Marija, qabel xejn, bħala Omm il-ħniena.  Il-Bieb Imqaddes li għadna kemm ftaħna fil-fatt hu Bieb tal-Ħniena.  Kull min jirfes dik l-għatba hu msejjaħ jinxteħet jgħum fl-imħabba ħanina tal-Missier, b’fiduċja sħiħa u bla biża’; u jista’ joħroġ minn din il-Bażilika biċ-ċertezza – biċ-ċertezza! – li ħa jkollu miegħu l-kumpanija ta’ Marija.  Hi Omm tal-ħniena, għax nisslet f’ġufha l-istess Wiċċ tal-ħniena divina, Ġesù, l-Għimmanu-El, il-Mistenni mill-ġnus kollha, il-“Prinċep tas-sliem” (Is 9:5).  L-Iben ta’ Alla, li sar bniedem għas-salvazzjoni tagħna, tana lil Ommu li, flimkien magħna, issir pellegrina biex qatt ma titlaqna waħidna fil-mixja ta’ ħajjitna, fuq kollox fil-mumenti ta’ dubju u ta’ tbatija.

 

Marija hi Omm Alla, hi Omm Alla li jaħfer, li jagħti l-maħfra, u għalhekk nistgħu ngħidu li hi Omm il-maħfra.  Din il-kelma – “maħfra” – tant mhux mifhuma mill-mentalità ta’ din id-dinja, min-naħa l-oħra turi l-frott propju, oriġinali tal-fidi Nisranija.  Min ma jafx jaħfer, għadu ma għarafx il-milja ta’ l-imħabba.  U min iħobb tassew biss jista’ jasal għall-maħfra, u jinsa l-offiża li tkun saritlu.  F’riġlejn is-Salib, Marija tara lil Binha joffri lilU nnifsu u hekk tixhed xi jfisser tħobb kif iħobb Alla.  F’dak il-ħin tisma’ lil Ġesù jlissen dawk il-kelmiet li aktarx ħarġu minn dak li hi stess kienet għallmitu sa minn ċkunitu: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34).  F’dak il-waqt, Marija saret għalina lkoll Omm tal-maħfra.  Hi stess, fuq l-eżempju ta’ Ġesù u bil-grazzja tiegħu, kienet kapaċi taħfer lil dawk li kienu qed joqtlu lil Binha innoċenti.

 

Għalina, Marija ssir ikona ta’ kif il-Knisja għandha tifrex il-maħfra fuq dawk kollha li jitolbuha.  L-Omm tal-maħfra tgħallem lill-Knisja li l-maħfra offruta fuq il-Golgota ma tafx b’limiti.  Ma tistax twaqqafha l-liġi bil-ħafna trufijiet tagħha, lanqas l-għerf ta’ din id-dinja bid-distinzjonijiet li jagħmel.  Il-maħfra tal-Knisja għandha tkun l-istess estensjoni ta’ dik ta’ Ġesù fuq is-Salib, u ta’ Marija f’riġlejh.  M’hemmx alternattiva.  Hu għalhekk li l-Ispirtu s-Santu għamel mill-Appostli strumenti effikaċi tal-maħfra, biex dak li nkiseb mill-mewt ta’ Ġesù jista’ jilħaq lil kull bniedem f’kull post u f’kull żmien (ara Ġw 20:19-23).

 

L-innu Marjan, fl-aħħar nett, ikompli u jgħid: “Omm tat-tama u Omm tal-grazzja, Omm mimlija b’hena qaddis”.  It-tama, il-grazzja u l-hena qaddis huma aħwa: kollha huma don ta’ Kristu, anzi, huma daqshekk ieħor ismijiet tiegħU, miktuba, biex ngħidu hekk, fil-ġisem tiegħu.  Ir-rigal li Marija tagħmlilna meta tagħtina lil Ġesù Kristu hu dak tal-maħfra li ġġedded il-ħajja, li biha twettaq mill-ġdid ir-rieda ta’ Alla, u li timlieha bil-veru ferħ.  Din il-grazzja tiftaħ il-qalb biex tħares lejn il-futur bil-ferħ ta’ min jittama.  Dan hu t-tagħlim li joħroġ ukoll mis-Salm: “Oħloq fija, o Alla, qalb safja, u spirtu qawwi ġedded fija. […] Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek” (51:12,14).  Il-qawwa tal-maħfra hi l-veru antidotu kontra d-diqa li tiġi mill-korla u mill-vendetta.  Il-maħfra tiftaħ għall-ferħ u għas-serenità għax teħles lir-ruħ mill-ħsibijiet tal-mewt, waqt li l-korla u l-vendetta jiffomentaw il-moħħ u jċarrtu l-qalb għax jeħdulha s-serħan u l-paċi.  Ħwejjeġ koroh huma l-korla u l-vendetta.

 

Mela ejjew ngħaddu mill-Bieb Imqaddes tal-Ħniena biċ-ċertezza li għandna magħna lill-Omm Verġni, l-Omm Qaddisa ta’ Alla, li tidħol għalina.  Inħalluha sseħibna biex niskopru mill-ġdid il-ġmiel tal-laqgħa tagħna ma’ Binha Ġesù.  Niftħu beraħ qalbna għall-ferħ tal-maħfra, għax nafu bit-tama fiduċjuża li tintraddilna, biex nagħmlu mill-ħajja tagħna ta’ kuljum strument umli ta’ l-imħabba ta’ Alla.

 

U bi mħabba ta’ wlied insejħulha bl-istess kelmiet tal-poplu ta’ Efesu, fi żmien dak il-Konċilju storiku: “Omm Qaddisa ta’ Alla!”.  U nistedinkom, ilkoll flimkien, tagħmlu din l-akklamazzjoni tliet darbiet, qawwija, bil-qalb u l-imħabba kollha.  Ilkoll flimkien: “Omm Qaddisa ta’ Alla!  Omm Qaddisa ta’ Alla!  Omm Qaddisa ta’ Alla!”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard