ŻJARA PASTORALI FIL-PARROĊĊA RUMANA

SANTA MARIA REGINA PACIS F’OSTIA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Il-V Ħadd ta’ l-Għid, 3 ta’ Mejju 2015

 

Kelma li Ġesù jtenni spiss, fuq kollox fl-Aħħar Ċena, hi: “Ibqgħu fija”.  Tinqatgħu qatt minni, ibqgħu fija.  U l-ħajja Nisranija hi sewwa sew dan, li nibqgħu f’Ġesù.  Din hi l-ħajja Nisranija: li nibqgħu f’Ġesù.  U Ġesù, biex ifissrilna sewwa xi jrid jgħid b’dan, juża din ix-xbieha sabiħa tad-dielja: “Jiena d-dielja vera, intom il-friegħi” (ara Ġw 15:1,5).  U kull fergħa li ma tkunx magħquda mad-dielja tispiċċa tmut, ma tagħtix frott; u mbagħad tintrema, biex tinħaraq.  Hemm bżonn ta’ ħafna friegħi biex jitqabbad in-nar – huma ħafna ħafna meħtieġa – imma mhux biex jagħtu l-frott.  Mill-banda l-oħra, il-friegħi li huma magħqudin mad-dielja, jirċievu mid-dielja dak in-nifs li jagħtihom il-ħajja u hekk jiżviluppaw, jikbru u jagħtu l-frott.  Sempliċi, hi sempliċi din ix-xbieha.  Li tibqa’ f’Ġesù jfisser tkun magħqud miegħU biex minnu tieħu l-ħajja, l-imħabba, l-Ispirtu s-Santu.  Hu minnu li aħna lkoll midinbin, imma jekk ma nibqgħux f’Ġesù, bħall-friegħi fid-dielja, jiġi l-Mulej u jiżborna ftit, biex nistgħu nagħtu iżjed frott.  Hu dejjem jieħu ħsiebna.  Jekk aħna ninqatgħu minn hemm, ma nibqgħux fil-Mulej, inkunu Nsara tat-tpaċpiċ biss, imma mhux b’ħajjitna; inkunu Nsara, imma mejta, għax ma nagħtux frott, bħall-friegħi maqlugħin minn mad-dielja.

 

Li tibqa’ f’Ġesù jfisser li tkun trid tirċievi l-ħajja minnU, anki l-maħfra, anki ż-żabra, basta minnU.  Tibqa’ f’Ġesù jfisser tfittex lil Ġesù, titlob, it-talb.  Tibqa’ f’Ġesù jfisser tersaq lejn is-sagramenti: l-Ewkaristija, ir-Rikonċiljazzjoni.  Tibqa’ f’Ġesù – u din hi l-aktar ħaġa iebsa – ifisser tagħmel dak li għamel Ġesù, tħaddan l-istess imġiba ta’ Ġesù.  Imma meta aħna “inqaxxru” lill-oħrajn [nitkellmu ħażin fuq l-oħrajn], ngħidu aħna, jew meta nqassu fuq l-oħrajn, ma nibqgħux f’Ġesù.  Ġesù qatt m’għamlu dan.  Meta nigdbu, ma nibqgħux f’Ġesù.  Dan hu qatt ma għamlu.  Meta aħna nqarrqu bl-oħrajn b’dawn il-ħwejjeġ maħmuġa li kulħadd kapaċi jagħmel, insiru friegħi mejta, ma nibqgħux f’Ġesù.  Tibqa’ f’Ġesù jfisser tagħmel l-istess affarijiet li kien jagħmel Hu: tagħmel it-tajjeb, tgħin lill-oħrajn, titlob lill-Missier, tieħu ħsieb tal-morda, taqbeż għall-foqra, ikollok il-ferħ ta’ l-Ispirtu s-Santu.

 

Mistoqsija sabiħa għalina l-Insara hi din: Jien qed nibqa’ f’Ġesù jew imbiegħed minn Ġesù?  Magħqud mad-dielja li tagħtini l-ħajja jew jien fergħa mejta, li m’hix kapaċi tagħti frott, tagħti xhieda?  U hemm ukoll firegħi oħra, li Ġesù ma jitkellemx dwarhom hawn, imma jitkellem fuqhom band’oħra: dawk li minn barra jidhru bħala dixxipli ta’ Ġesù, imma jagħmlu bil-kontra ta’ dixxiplu ta’ Ġesù, u huma l-friegħi ipokriti.  Forsi jmorru kull nhar ta’ Ħadd għall-Quddiesa, forsi għandhom wiċċ qisu ta’ fuq is-santi, kollha bir-raġġiera, imma mbagħad jgħixu qishom pagani.  U lil dawn Ġesù, fil-Vanġelu, isejħilhom uċuħ b’oħra.  Ġesù hu twajjeb, jistedinna nibqgħu fiH.  Hu jagħtina l-qawwa, u jekk aħna niżolqu fi dnubietna – għax aħna kollha midinbin – Hu jaħfrilna, għax Hu ħanin.  Imma dak li Hu jrid huma żewġ affarijiet: li aħna nibqgħu fiH u li ma nkunux wiċċ b’ieħor.  U hekk il-ħajja Nisranija tagħna timxi ’l quddiem.

 

U x’jagħtina l-Mulej jekk aħna nibqgħu fiH?  Smajna: “Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu dak li tridu u jingħatalkom” (Ġw 15:7).  Qawwa kbira fit-talb: “Itolbu dak li tridu”, jiġifieri t-talb b’saħħtu, tant li Ġesù jagħtina dak li nitolbuh.  Imma jekk it-talb tagħna hu dgħajjef – jekk ma jsirx tassew f’Ġesù – it-talb ma jagħtix il-frott tiegħu, għax il-fergħa m’hix magħquda mad-dielja.  Imma jekk il-fergħa hi magħquda mad-dielja, jiġifieri “jekk intom tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu dak li tridu u jingħatalkom”.  U din hi t-talba li tista’ kollox.  Mnejn tiġi din il-qawwa bla tarf tat-talb?  Milli nibqgħu f’Ġesù; mill-għaqda tagħna ma’ Ġesù, bħall-fergħa mad-dielja.  Jalla l-Mulej jagħtina din il-grazzja.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard