JUM DINJI TAL-IMMIGRANT U TAR-RIFUĠJAT

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 14 ta’ Jannar 2018

 

Din is-sena xtaqt niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Immigrant u tar-Rifuġjat b’Quddiesa li għaliha ġejtu mistiedna b’mod partikulari intom, immigranti, rifuġjati u dawk fostkom li qed jitolbu kenn. Uħud minnkom m’ilkomx li wasaltu l-Italja, oħrajn ilkom toqogħdu u taħdmu hawn bosta snin, u oħrajn diġà jagħmlu mill-hekk imsejħa “tieni ġenerazzjoni”.

 

F’widnejn kulħadd instemgħet f’din il-ġemgħa l-Kelma ta’ Alla, li llum tistedinna ninżlu iktar fil-fond tas-sejħa speċjali li l-Mulej jagħmel lil kull wieħed u waħda minna. Kif għamel ma’ Samwel (ara 1 Sam 3:3b-10,19), hu jsejħilna b’isimna – lil kull wieħed u waħda minna – u jitlobna nonoraw il-fatt li aħna ġejna maħluqa bħala essri uniċi u irripetibbli, kollha differenti minn xulxin u bi rwol waħdieni fl-istorja tad-dinja. Fil-Vanġelu (ara Ġw 1:35-42), iż-żewġ dixxipli ta’ Ġwanni jistaqsu lil Ġesù: “Fejn toqgħod?” (v. 38), u jagħtuna x’nifhmu li mit-tweġiba għal din il-mistoqsija kien jiddipendi l-ġudizzju tagħhom fuq l-imgħallem ta’ Nazaret. It-tweġiba ta’ Ġesù hi ċara: “Ejjew u taraw!” (v. 39), u tiftaħ it-triq għal laqgħa personali, li tikkontempla ż-żmien it-tajjeb biex nilqgħu, insiru nafu u nagħrfu lill-ieħor.

 

Fil-Messaġġ għall-Ġurnata tal-lum, jien ktibt: “Kull barrani li jħabbat biebna hu okkażjoni li tlaqqagħna ma’ Ġesù Kristu, li jurina lilu nnifsu f’dak il-barrani li niftħulu l-bieb jew inwarrbuh f’kull żmien (ara Mt 25:35,43)”. U għall-barrani, l-immigrant, ir-rifuġjat, il-maħrub u dak li qed jitlob il-kenn, kull bieb ta’ dik l-art ġdida hu wkoll okkażjoni ta’ laqgħa ma’ Ġesù. L-istedina tiegħu “Ejjew u taraw!” illum qed issir lilna kollha, komunitajiet lokali u dawk li jaslu ġodda. Hi stedina biex negħlbu l-biżgħat tagħna biex nistgħu noħorġu niltaqgħu mal-ieħor, biex nilqgħuh, insiru nafuh u nagħrfuh. Hi stedina li toffrilna l-opportunità biex nersqu qrib tal-ieħor biex naraw fejn u kif jgħix. Fid-dinja tal-lum, għall-ġodda li jaslu, illi huma jilqgħu, isiru jafu u jagħrfu jfisser jifhmu u jirrispettaw il-liġijiet, il-kultura u t-tradizzjonijiet tal-pajjiżi li fihom ġew milqugħa. Ifisser ukoll jifhmu x’inhuma l-biżgħat u l-ansjetajiet tagħhom għall-futur. U għall-komunitajiet lokali, illi jilqgħu, isiru jafu u jagħrfu jfisser jinfetħu għall-għana tad-diversità mingħajr prekunċetti, jifhmu l-potenzjalitajiet u t-tamiet tal-ġodda li waslu, kif ukoll il-vulnerabbiltajiet u l-biżgħat tagħhom.

 

Il-laqgħa vera mal-ieħor ma tiqafx ma’ li nilqgħuh, imma timpenjana lkoll fit-tliet għemejjel l-oħra li semmejt fil-Messaġġ għal dan il-Jum: nipproteġu, nippromovu u nintegraw. U fil-laqgħa vera mal-proxxmu, se nkunu kapaċi nagħrfu lil Ġesù Kristu li jitlob li jiġi milqugħ, imħares, promoss u integrat? Kif tgħallimna l-parabbola tal-Vanġelu fil-Ġudizzju universali: il-Mulej kien bil-ġuħ, bil-għatx, għeri, marid, barrani u fil-ħabs, u xi wħud għenuh imma oħrajn le (ara Mt 25:31-46). Din il-laqgħa vera ma’ Kristu hi għajn ta’ salvazzjoni, salvazzjoni li għandha tiġi mxandra u mwassla lil kulħadd, kif jurina l-Appostlu Indrì. Wara li juri lil ħuh Xmun: “Sibna l-Messija” (Ġw 1:41), Indrì jieħdu għand Ġesù biex jagħmel dik l-istess esperjenza tal-laqgħa miegħu.

 

Mhuwiex faċli nidħlu fil-kultura ta’ ħaddieħor, nilbsu ż-żarbun ta’ persuni hekk differenti minna, nifhmu l-ħsibijiet u l-esperjenzi tagħhom. U għalhekk spiss nibqgħu lura milli niltaqgħu mal-ieħor u ntellgħu ħitan biex jiddefenduna. Il-komunitajiet lokali, xi drabi, jibżgħu li dawk li waslu ġodda se jtellfu l-ordni kostitwit, se “jisirqulhom” xi ħaġa minn dak li bnew b’tant stinkar. Anki dawk li jaslu ġodda għandhom il-biżgħat tagħhom: jibżgħu mill-konfront, mill-ġudizzju, mid-diskriminazzjoni, mill-falliment. Dawn il-biżgħat huma leġittimi, imsejsa fuq dubji li tista’ għalkollox tifhimhom minn lenti umana. Li jkollok dubji u biżgħat mhuwiex xi dnub. Id-dnub hu meta nħallu dawn il-biżgħat jiddeterminaw it-tweġibiet li nagħtu, jikkundizzjonaw l-għażliet tagħna, jikkompromettu r-rispett u l-ġenerożità, irewħu l-mibegħda u r-rifjut. Id-dnub hu meta nibqgħu lura milli niltaqgħu mal-ieħor, ma’ min hu differenti, mal-proxxmu, ħaġa li fil-verità tkun okkażjoni pprivileġġjata biex niltaqgħu mal-Mulej.

 

Minn din il-laqgħa ma’ Ġesù preżenti fil-fqir, fil-mormi, fir-rifuġjat, f’dak li qed jitlob kenn, toħroġ it-talba tagħna tal-lum. Hi talba reċiproka: immigranti u rifuġjati jitolbu għall-komunitajiet lokali, u l-komunitajiet lokali jitolbu għal dawk li waslu ġodda u għall-immigranti li ilhom joqogħdu hawn. Nafdaw fl-interċessjoni materna ta’ Marija Santissma t-tamiet tal-immigranti u r-rifuġjati kollha tad-dinja u x-xewqat tal-komunitajiet li jilqgħuhom, biex, f’linja mal-ogħla kmand divin tal-karità u tal-imħabba tal-proxxmu, nitgħallmu lkoll inħobbu lill-ieħor, lill-barrani, kif inħobbu lilna nfusna.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard