ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

ĠUBLEW TAS-SAĊERDOTI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-Ġimgħa 3 ta’ Ġunju 2016

Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù

 

Aħna u niċċelebraw il-Ġublew tas-Saċerdoti nhar is-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, aħna msejħin inħarsu lejn qalbna, jew aħjar, lejn il-ġewwieni tagħna, lejn l-għeruq l-aktar b’saħħithom tal-ħajja, lejn il-qalba ta’ l-affetti, f’kelma waħda, lejn iċ-ċentru tal-persuna. U l-lum nixħtu ħarsitna fuq żewġt iqlub: il-Qalb tar-Ragħaj it-Tajjeb u l-qalb tagħna ta’ ragħajja.

 

Il-Qalb tar-Ragħaj it-Tajjeb mhux biss hi Qalb li tħenn għalina, imma hi l-istess ħniena. Minnha tilma l-imħabba tal-Missier; hemm żgur inħossni milqugħ u mifhum kif jien; hemm, bil-limiti u d-dnubiet kollha tiegħi, niggosta ċ-ċertezza li jien magħżul u maħbub. Meta nħares lejn dik il-Qalb inġedded l-ewwel imħabba tiegħi: il-memorja ta’ meta l-Mulej messli qalbi u sejjaħli biex nimxi warajh, il-ferħ li xħitt ix-xbieki ta’ ħajti fuq il-Kelma tiegħu (ara Lq 5:5).

 

Il-Qalb tar-Ragħaj it-Tajjeb qed tgħidilna li mħabbtu m’għandhiex limiti, ma tegħja qatt u b’xejn ma ċċedi. Hemm naraw l-għotja kontinwa tiegħu nnifsu, bla limiti; hemm insibu l-għajn ta’ l-imħabba fidila u umli, li tħallina fil-libertà u teħlisna; hemm niskopru kull darba mill-ġdid li Ġesù jħobbna “għall-aħħar” (Ġw 13:1) – ma jiqafx qabel, sa l-aħħar –, bla ma qatt jimponi ruħu fuqna.

 

Il-Qalb tar-Ragħaj it-Tajjeb hi miftuħa għalina, “miġbuda” l-aktar lejn min hu l-iżjed imbiegħed; ’l hemm tipponta l-ħin kollu l-vleġġa tal-boxxla tagħha, hemm tinkixef dgħufija partikulari ta’ mħabbitha, għax lil kulħadd tixtieq tilħaq u ma tixtieq titlef lil ħadd.

 

Quddiem il-Qalb ta’ Ġesù tixref il-mistoqsija fundamentali tal-ħajja saċerdotali tagħna: Lejn fejn hi orjentata qalbi? Mistoqsija li aħna s-saċerdoti rridu nagħmlu ħafna drabi, ta’ kuljum, kull ġimgħa: Lejn fejn hi orjentata qalbi? Il-ministeru tagħna spiss hu mimli b’kotra ta’ inizjattivi, li jesponuh fuq iżjed minn front wieħed: mill-katekeżi għal-liturġija, għall-karità, għall-impenji pastorali u anki amministrattivi. Qalb tant ħidmiet tibqa’ l-mistoqsija: Lejn fejn qed timmira qalbi? Qed niftakar f’dik it-talba hekk sabiħa tal-Liturġija: “Ubi vera sunt gaudia. Lejn fejn qed timmira, liema hu t-teżor li qed tfittex? Għax, jgħidilna Ġesù, “fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll” (Mt 6:21). Dgħufijiet kulħadd għandu, anki dnubiet għandna. Imma ejjew inħaffru fil-fond, lejn l-għeruq tagħna: fejn hu l-għerq tad-dgħufijiet tagħna, tad-dnubiet tagħna, jiġifieri fejn hu sewwa sew dak it-“teżor” li qed ibegħidna mill-Mulej?

 

It-teżori insostitwibbli tal-Qalb ta’ Ġesù huma tnejn: il-Missier u aħna. Il-ġranet tiegħu kien iqattagħhom bejn jitlob lill-Missier u jiltaqa’ man-nies. Mhux id-distanza, imma l-laqgħa. Anki l-qalb ta’ ragħaj li kellu Kristu taf biss b’żewġ direzzjonijiet: il-Mulej u n-nies. Il-qalb tas-saċerdot hi qalb minfuda mill-imħabba tal-Mulej; għalhekk hu ma jibqax iħares lejh innifsu – m’għandux iħares lejh innifsu – imma jdur lejn Alla u lejn ħutu. Qalbu ma tibqax “qalb ballerina”, miġbuda lejn il-pjaċir tal-mument u tiġġerra ’l hawn u ’l hinn tfittex il-kunsens ta’ dak u ta’ dan u l-ħwejjeġ ċkejkna li jissodisfawha. Le, hi qalb sħiħa fil-Mulej, maħtufa mill-Ispirtu s-Santu, miftuħa u disponibbli għall-aħwa. U hemm jissewwew id-dnubiet tagħha.

 

Biex ngħinu lill-qalb tagħna tħeġġeġ bl-imħabba ta’ Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb, nistgħu nitħarrġu biex inwettqu tliet għemejjel, li l-Qari tal-lum qed jissuġġerilna: infittxu, ninkludu u nifirħu.

 

Infittxu. Il-profeta Eżekjel fakkarna li Alla nnifsu jfittex in-nagħaġ tiegħu (34:11,16). Il-Vanġelu jgħid li hu “imur wara l-mitlufa sa ma jsibha” (Lq 15:4), bla ma jibża’ mir-riskji; bla dewmien joħroġ mill-mergħat u mill-ħinijiet normali tax-xogħol. U ma jistenniex li jitħallas biż-żieda. Ma jħallix it-tiftixa għal darb’oħra, ma jgħidx: “Il-lum diġà wettaqtu dmiri, fil-kas nara għada”, imma dlonk imidd għonqu għax-xogħol; qalbu tibqa’ tinkwieta sa ma ssib lil dik in-nagħġa waħda li ntilfitlu. Meta jsibha, jinsa t-taħbit u l-għeja kollha u kollu kuntent jerfagħha fuq spallejh. Xi drabi għandu joħroġ ifittixha, jitkellem, jipperswadi; drabi oħra aħjar jibqa’ quddiem it-tabernaklu, jissielet mal-Mulej għal dik in-nagħġa.

 

Araw il-qalb li tfittex: hi qalb li ma tipprivatizzax il-ħinijiet u l-ispazji. Ħażin għal dawk ir-ragħajja li jipprivatizzaw il-ministeru tagħhom! M’hux għajjur għat-trankwillità leġittima tiegħu – leġittima, qed ngħid, lanqas għal dik –, u qatt ma jippretendi li ma jtellfuhx. Ir-ragħaj skond il-qalb ta’ Alla ma jiddefendix il-kumditajiet tiegħu, ma joqgħodx jaħseb kif ħa jiddefendi l-fama tajba tiegħu, imma jisfa kkalunnjat, bħal Ġesù. Bla ma jibża’ mill-kritika li ssirlu, hu dispost li jirriskja, basta jkun jixbah lill-Imgħallem tiegħu. “Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom…” (Mt 5:11).

 

Ir-ragħaj skond Ġesù għandu qalbu ħielsa biex iħalli warajh l-affarijiet tiegħu, ma jgħaddix ħajtu jgħodd x’għandu u s-sigħat ta’ servizz li għamel: ma hux xi kontabbli ta’ l-ispirtu, imma Samaritan tajjeb li jfittex lil min hu fil-bżonn. Hu ragħaj, mhux xi spettur tal-merħla, u jiddedika ruħu għall-missjoni mhux b’xi ħamsin jew sittin fil-mija, imma bil-persuna kollha tiegħu. Joħroġ ifittex u jsib, u jsib għax jirriskja. Jekk ir-ragħaj ma jirriskjax, ma jsibx. Ma jiqafx wara d-delużjonijiet u fit-taħbit ma jċedix; fil-fatt hu rasu iebsa għat-tajjeb, midluk minn dik l-ebusija tar-ras divina biex ħadd ma jintilef. Għalhekk mhux biss iżomm il-bibien miftuħa, imma joħroġ ifittex lil min mill-bieb m’għadux irid jidħol. U bħal kull Nisrani tajjeb, u bħala eżempju għal kull Nisrani, dejjem issibu lest joħroġ minnu nnifsu. L-epiċentru ta’ qalbu jinsab barra minnu: hu ddeċentrat minnu nnifsu, iċċentrat biss f’Ġesù. M’hux miġbud lejn il-jien tiegħu, imma mill-Int ta’ Alla u mill-aħna tal-bnedmin.

 

It-tieni kelma: ninkludu. Kristu jħobb u jagħraf lin-nagħġiet tiegħu, għalihom jagħti ħajtu u l-ebda waħda minnhom ma hi barranija għalih (ara Ġw 10:11-14). Il-merħla tiegħu hi l-familja u l-ħajja tiegħu. M’hux kap li n-nagħaġ tiegħu jibżgħu minnu, imma r-Ragħaj li jimxi magħhom u jsejħilhom b’isimhom (ara Ġw 10:3-4). U jixtieq jiġbor lin-nagħaġ kollha li għadhom m’humiex jgħixu Miegħu (ara Ġw 10:16).

 

Hekk ukoll is-saċerdot ta’ Kristu: hu midluk għall-poplu, mhux biex jagħżel il-proġetti tiegħu, imma biex ikun qrib tan-nies tad-demm u l-laħam li Alla, permezz tal-Knisja, fdalu f’idejh. Ħadd ma hu eskluż mill-qalb tiegħu, mit-talb tiegħu u mit-tbissima tiegħu. B’ħarsa kollha mħabba u qalb ta’ missier hu jilqa’, jinkludi u, meta jkollu jikkoreġi, dan dejjem biex iqarreb lejh; ma jistmerr lil ħadd, imma għal kulħadd lest iħammeġ idejh. Ir-Ragħaj it-Tajjeb ma jafx x’inhuma ngwanti. Ministru tal-komunjoni li jiċċelebra u li jgħix, ma joqgħodx jistenna li l-oħrajn isellmulu u jgħaddulu l-kumplimenti, imma hu l-ewwel wieħed li jnewwel idejh, u jirrifjuta t-tpaċpiċ fieragħ fuq l-oħrajn, il-ġudizzji u l-ilsna velenużi. Bis-sabar jisma’ l-problemi u jsieħeb il-passi tal-persuni, u b’kompassjoni ġeneruża jxerred il-maħfra divina. Ma jgħajjatx ma’ min iħalli jew jitlef it-triq, imma dejjem lest biex jerġa’ jilqa’ u jsewwi t-tilwim. Hu bniedem li jaf jinkludi.

 

Nifirħu. Alla “jifraħ” (Lq 15:5) bil-kbir: il-ferħ tiegħu ġej mill-maħfra, mill-ħajja ġdida, mill-iben li jerġa’ jieħu n-nifs ġdid ta’ daru. Il-ferħ ta’ Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb m’hux ferħ għalih innifsu, imma hu ferħ għall-oħrajn u ma’ l-oħrajn, il-ferħ veru ta’ l-imħabba. Dan hu wkoll il-ferħ tas-saċerdot. Hu jħalli tibdlu dik il-ħniena li tingħata b’xejn. Fit-talb jiskopri l-faraġ ta’ Alla u jesperimenta li xejn m’hu iktar b’saħħtu mill-imħabba tiegħu. Għalhekk iħossu seren minn ġewwa, u jifraħ li jista’ jkun kanal ta’ ħniena, li jqarreb lill-bniedem lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Id-diqa għalih m’hix normali, imma hi biss ħaġa li tgħaddi u tibqa’ sejra; l-ebusija hi barranija għalih, għax hu ragħaj skond il-Qalb ħelwa ta’ Alla.

 

Għeżież saċerdoti, fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika nerġgħu nsibu ta’ kuljum din l-identità tagħna ta’ ragħajja. Kull darba nistgħu tassew nagħmlu tagħna l-kliem tiegħu: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom”. Dan hu s-sens ta’ ħajjitna, hu l-kliem li bih, b’xi mod, nistgħu nġeddu ta’ kuljum il-wegħdiet ta’ l-Ordinazzjoni tagħna. Nirringrazzjakom ta’ l-“iva” tagħkom, u ta’ tant “iva” oħra moħbija fil-ħajja ta’ kuljum, li l-Mulej biss jaf. Grazzi ta’ l-“iva” tagħkom biex tagħtu ħajjitkom magħquda ma’ Ġesù: hawn hi l-għajn safja tal-ferħ tagħna.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard