QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 24 ta’ Mejju 2015

 

“Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom…  Ħudu l-Ispirtu s-Santu” (Ġw 20:21,22), hekk jgħidilna Ġesù.  It-tiswib ta’ l-Ispirtu li seħħ dak in-nhar tal-Qawmien fil-għaxija jtenni ruħu nhar Għid il-Ħamsin, imsaħħaħ minn wirjiet esterjuri ta’ l-għaġeb.  Nhar l-Għid fil-għaxija Ġesù jidher lill-Appostli u jonfoħ fuqhom l-Ispirtu tiegħu (ara Ġw 20:22); fl-għodwa ta’ Għid il-Ħamsin it-tiswib iseħħ b’mod ta’ barra minn hawn li kważi jtarrax, bħal riħ qawwi li b’saħħa kbira jaħbat għad-dar u jidħol b’saħħa fi mħuħ u qlub l-Appostli.  B’konsegwenza, huma jirċievu enerġija hekk qawwija li timbuttahom biex joħorġu jxandru b’diversi ilsna l-ġrajja tal-Qawmien ta’ Kristu: “Mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra” (Atti 2:4).  Flimkien magħhom kien hemm Marija, Omm Ġesù, l-ewwel dixxiplu, u li hemm saret Omm il-Knisja li kienet għadha kif qed titwieled.  Bis-sliem tagħha, bit-tbissima tagħha, bil-maternità tagħha, hi sieħbet dan il-ferħ ta’ l-Għarusa żagħżugħa, il-Knisja ta’ Ġesù.

 

Il-Kelma ta’ Alla, speċjalment il-lum, qed tgħidilna li l-Ispirtu jaħdem, fil-persuni u fil-komunitajiet li huma mimlija bih, u jagħtihom il-ħila li recipere Deum“capax Dei”, jgħidu s-Santi Padri.  U x’jagħmel l-Ispirtu s-Santu permezz ta’ din il-ħila ġdida li jagħtina?  Iwassalna lejn il-verità kollha (Ġw 16:13), iġedded il-wiċċ ta’ l-art (Salm 103) u jagħti l-frott tiegħu (Gal 5:22-23).  Imexxi, iġedded u jagħmel il-frott. 

 

Fil-Vanġelu, Ġesù jwiegħed lid-dixxipli tiegħu li, meta Hu jerġa’ lura għand il-Missier, jiġi l-Ispirtu s-Santu li “iwassalkom għall-verità kollha” (Ġw 16:13).  Isejjaħlu propju “Spirtu tal-verità” u jfissrilhom li l-azzjoni tiegħu sa tkun dik li jwassalhom dejjem iżjed biex jifhmu minn dak li Hu, il-Messija, qal u għamel, b’mod partikulari dwar il-mewt u l-qawmien tiegħu.  Lill-Appostli, li ma jifilħux għall-iskandlu tal-passjoni ta’ l-Imgħallem tagħhom, l-Ispirtu sa jagħtihom muftieħ ġdid ta’ kif jaqraw il-verità u l-ġmiel ta’ l-istorja tas-salvazzjoni.  Dawn l-irġiel, li għall-bidu kienu kollha beżgħana u mwerwra, magħluqa fiċ-Ċenaklu biex jevitaw li jkollhom iħabbtu wiċċhom mar-riperkussjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, issa ma jibqgħux jistħu juru li huma dixxipli ta’ Kristu, ma jtertrux iżjed bil-biża’ quddiem il-qrati tal-bnedmin.  Grazzi għall-Ispirtu s-Santu li bih huma mfawra, huma jifhmu “il-verità kollha”, jiġifieri li l-mewt ta’ Ġesù m’hix it-telfa tiegħu, imma l-espressjoni l-aktar għolja ta’ l-Imħabba ta’ Alla; Imħabba li fil-Qawmien tirbaħ fuq il-mewt u tgħolli lil Ġesù bħala l-Ħaj, il-Mulej, il-Feddej tal-bniedem, is-Sid ta’ l-istorja u tad-dinja.  U din ir-realtà, li tagħha huma xhieda, issir il-Bxara t-Tajba li huma jħabbru lil kulħadd.

 

Imbagħad, l-Ispirtu s-Santu jġedded – imexxi u jġedded – iġedded il-wiċċ ta’ l-art.  Is-Salm jgħid: “Tibgħat in-nifs tiegħek… u inti ġġedded il-wiċċ ta’ l-art” (Salm 104:30).  Ir-rakkont ta’ l-Atti ta’ l-Appostli dwar it-twelid tal-Knisja jsib korrispondenza sinifikattiva f’dan is-Salm, li hu innu kbir ta’ tifħir lil Alla l-Ħallieq.  L-Ispirtu s-Santu li Kristu bagħat minn għand il-Missier, u l-Ispirtu Ħallieq li ta l-ħajja lil kull ħaġa, huma l-istess wieħed.  Għalhekk ir-rispett lejn il-ħolqien hu esiġenza tal-fidi tagħna: il-“ġnien” li fih qed ngħixu ma ġiex fdat f’idejna biex nisfruttawh, imma biex nikkultivawh u nieħdu ħsiebu b’rispett (ara Ġen 2:15).  Imma dan hu possibbli biss jekk Adam – il-bniedem magħġun mit-tajn ta’ l-art – min-naħa tiegħu jħalli lill-Ispirtu s-Santu jġeddu, jekk iħalli lill-Missier jagħġnu mill-ġdid fuq il-mudell ta’ Kristu, Adam il-ġdid.  Allura iva, imġeddin mill-Ispirtu, nistgħu ngħixu fil-ħelsien ta’ wlied, f’armonija mal-ħolqien kollu, u f’kull ħlejqa nistgħu nagħrfu mera tal-glorja tal-Ħallieq, kif jistqarr Salm ieħor: “Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha!” (Salm 8:2,10).  Imexxi, iġedded u jagħti, jagħti l-frott.

 

Fl-Ittra tiegħu lill-Galatin San Pawl irid juri liema hu l-“frott” li jidher fil-ħajja ta’ dawk li jimxu skond l-Ispirtu (ara 5:22).  Minn naħa hemm il-“ġisem”, bil-lista ta’ vizzji tiegħu li l-Appostlu jsemmilna, u li huma l-opri tal-bniedem egoist, qalbu magħluqa għall-azzjoni tal-grazzja ta’ Alla.  Min-naħa l-oħra, fil-bniedem li bil-fidi jħalli l-Ispirtu ta’ Alla jidħol fih, iwarrdu d-doni divini, miġburin hawn f’disa’ virtujiet hienja li Pawlu jsejħilhom “il-frott ta’ l-Ispirtu”.  Minn hawn joħroġ l-appell, imtenni fil-bidu u fl-aħħar, bħala programm ta’ ħajja: “Imxu fl-Ispirtu” (Gal 5:16,25).

 

Id-dinja għandha bżonn ta’ rġiel u nisa li ma jingħalqux fihom infushom, imma huma mimlija bl-Ispirtu s-Santu.  L-għeluq tal-qalb għall-Ispirtu s-Santu m’huwiex biss nuqqas ta’ libertà, imma anki dnub.  Hemm ħafna modi kif wieħed jista’ jingħalaq għall-Ispirtu s-Santu: fl-egoiżmu biex jieħu vantaġġ personali, fil-legaliżmu riġidu – bħall-atteġġjament ta’ l-għorrief tal-liġi li Ġesù jsejħilhom uċuħ b’oħra –, fin-nuqqas ta’ memorja għal dak li għallimna Ġesù, f’li wieħed jgħix il-ħajja Nisranija mhux bħala qadi imma għall-interess pesonali, u l-bqija.  Mill-banda l-oħra, id-dinja għandha bżonn tal-kuraġġ, tat-tama, tal-fidi u tal-perseveranza tad-dixxipli ta’ Kristu.  Id-dinja għandha bżonn tal-frott, tad-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu, kif isemmi San Pawl: “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5:22).  Id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu ġie mxerred b’abbundanza fuq il-Knisja u fuq kull wieħed u waħda minna, biex nistgħu ngħixu b’fidi ġenwina u mħabba bieżla, biex nistgħu nxerrdu ż-żerriegħa tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi.  Imqawwija mill-Ispirtu – li jmexxina, iwassalna għall-verità, li jġedded lilna u lid-dinja kollha, u li jagħtina l-frott tiegħu – imsaħħin fl-Ispirtu u minn din il-kotra ta’ doni, insiru kapaċi neħduha bla kompromessi kontra d-dnub, li nissieltu bla kompromessi kontra l-korruzzjoni, li minn jum għall-ieħor qed tixtered dejjem iżjed fid-dinja, u niddedikaw ħajjitna b’perseveranza paċenzjuża għall-opri tal-ġustizzja u tal-paċi.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard