QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU 

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 20 ta’ Mejju 2018

 

Fl-Ewwel Qari tal-liturġija tal-lum, il-miġja tal-Ispirtu s-Santu f’Għid il-Ħamsin hi mqabbla ma’ “ħoss bħal ta’ riħ qawwi” (Atti 2:2). Xi trid tgħidilna din ix-xbieha? Ir-riħ qawwi jġagħalna naħsbu f’qawwa kbira, imma mhux magħluqa fiha nfisha: hi qawwa biex tibdel ir-realtà. Fil-fatt, ir-riħ iġib bidla: kurrenti sħan meta jagħmel il-ksieħ, friski meta tkun is-sħana, ix-xita meta hemm in-nixfa… hekk jagħmel. Anki l-Ispirtu s-Santu, fuq livell differenti għalkollox, hekk jagħmel: Hu l-qawwa divina li tibdel, li tibdel id-dinja. Is-Sekwenza fakkrithulna dan: l-Ispirtu “fl-għaja, lejn is-serħ twassalna; jekk imħeġġa wisq, trażżanna”; u hekk nitolbuh: “Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’, fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja, lill-miġruħ agħtih fejqan”. Hu jidħol fis-sitwazzjonijiet u jibdilhom; jibdel il-qlub u jibdel il-ġrajjiet.

 

Jibdel il-qlub. Ġesù kien qalilhom lill-Appostli tiegħu: “Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi” (Atti 1:8). U hekk seħħ tassew: dawk id-dixxipli, li qabel kienu mwerwrin bil-biża’, moħbija wara l-bibien magħluqa anki wara l-qawmien tal-Imgħallem, jiġu mibdula mill-Ispirtu u, kif iħabbar Ġesù fil-Vanġelu tal-lum, “jagħtu xhieda tiegħu” (ara Ġw 15:27). Minn ħosbiena jsiru qalbiena u, ibda minn Ġerusalemm, joħorġu sat-trufijiet tal-art. Beżgħana meta Ġesù kien għadu f’nofshom, issa mingħajru huma kuraġġjużi, għax l-Ispirtu bidlilhom qalbhom.

 

L-Ispirtu jiftaħ il-qlub issiġillati bil-biża’. Jgħinhom jirbħu r-reżistenzi. Lil min jikkuntenta bi ħwejjeġ ta’ nofs kedda, jimbuttah biex jingħata kollu kemm hu. Iwessa’ l-qlub dojoq. Iħeġġeġ għall-qadi lil min irid joqgħod imxaħxaħ fil-kumditajiet tiegħu. Iġiegħel jimxi lil min iħossu ġa wasal. Iġagħal joħlom lil min hu mħeddel. Din hi l-bidla tal-qalb. Ħafna jwegħdu staġuni ta’ bidla, bidu ġdid, tiġdid ta’ barra minn hawn, imma l-esperjenza tgħallimna li ebda tentattiv ta’ din id-dinja biex jinbidlu l-affarijiet ma jissodisfa għalkollox il-qalb tal-bniedem. Il-bidla tal-Ispirtu hi xort’oħra: ma taqlibx ta’ taħt fuq il-ħajja ta’ madwarna, imma tibdel il-qalb tagħna; ma jeħlisniex f’kolp mill-problemi, imma jeħlisna minn ġewwa biex naffrontawhom; ma jagħtiniex kollox dritt, imma jgħinna nimxu b’fiduċja, bla ma qatt naqtgħu qalbna mill-ħajja. L-Ispirtu jżomm żagħżugħa l-qalb – dik iż-żgħożija mġedda. Iż-żgħożija, minkejja t-tentattivi kollha biex intawluha, illum jew għada tgħaddi; mill-banda l-oħra, hu l-Ispirtu li jżommna milli naslu għall-unika xjuħija li tagħmlilna l-ħsara, dik interjuri. Kif jagħmel? Iġedded il-qalb, u jibdilha minn midinba f’maħfura. Din hi l-bidla l-kbira: minn ħatja jagħmilna ġusti u hekk kollox jinbidel, għax minn ilsiera tad-dnub insiru ħielsa, minn qaddejja wlied, minn mormija prezzjużi, minn delużi kollna tama. Hekk l-Ispirtu s-Santu jnissel mill-ġdid il-ferħ, hekk iwarrad is-sliem fil-qalb.

 

Mela llum ejja nitgħallmu x’għandna nagħmlu meta niġu bżonn ta’ bidla vera. Min m’għandux bżonnha? Fuq kollox meta nkunu mal-art, meta nkunu qed inbatu taħt it-toqol tal-ħajja, meta d-dgħufijiet tagħna jagħfsu fuqna, meta li tibqa’ miexi ’l quddiem issir ħaġa iebsa, u li tħobb jidher impossibbli. Hemm ikollna bżonn “duwa” qawwija li taħjina: huwa Hu, il-qawwa ta’ Alla. Hu, kif nistqarru fil-Kredu, “jagħti l-ħajja”. Kemm jiswielna ta’ ġid li ta’ kuljum nixorbu minn din id-duwa tal-ħajja! Ngħidu, ta’ kull filgħodu: “Ejja, Spirtu s-Santu, ejja fil-qalb tiegħi, ejja fil-ġurnata tiegħi”.

 

Wara l-qlub, l-Ispirtu jibdel il-ġrajjiet. Kif ir-riħ jonfoħ kullimkien, hekk Hu jilħaq imqar is-sitwazzjonijiet li l-inqas inkunu ħsibna fihom. Fl-Atti tal-Appostli – li hu ktieb li għad irridu nerġgħu niskopru, fejn l-Ispirtu hu protagonista – naraw dinamiżmu kontinwu, mimli sorpriżi. Meta d-dixxipli l-inqas li kienu qed jistennew, l-Ispirtu bagħathom għand il-pagani. Jiftaħ toroq ġodda, bħal fil-ġrajja tad-djaknu Filippu. L-Ispirtu jieħdu fit-triq tad-deżert, minn Ġerusalemm għal Gaża – kemm jinstema’ ta’ swied il-qalb illum dan l-isem! Jalla l-Ispirtu jibdel il-qlub u l-ġrajjiet u jġib il-paċi fl-Art Imqaddsa –. F’dik it-triq Filippu jipprietka lill-uffiċċjal Etjopiku u jgħammdu; imbagħad l-Ispirtu jieħdu f’Ażotu, imbagħad Ċesarija: dejjem f’sitwazzjonijiet ġodda, biex ixerred il-ġdid ta’ Alla. Imbagħad hemm Pawlu, li, “imġiegħel mill-Ispirtu” (Atti 20:22), jivvjaġġa sal-iktar trufijiet imbiegħda, iwassal il-Vanġelu lil ġnus li qatt ma kien ra qabel. Meta hemm l-Ispirtu, dejjem se tiġri xi ħaġa, meta jonfoħ hu, qatt ma jista’ jkun hemm kwiet, qatt.

 

Meta l-ħajja tal-komunitajiet tagħna tgħaddi minn perjodi ta’ “għeja”, fejn nippreferu l-kwiet tad-dar mill-ġdid ta’ Alla, dan ikun sinjal ħażin. Ifisser li nkunu qed infittxu kenn mir-riħ tal-Ispirtu. Meta ngħixu bl-awtokonservazzjoni u ma mmorrux għand min hu mbiegħed, dan mhux sinjal tajjeb. L-Ispirtu jonfoħ, imma aħna nniżżlu l-purtieri. U safrattant, mhux darba u tnejn rajnieh iwettaq l-għeġubijiet. Spiss, proprju fil-perjodi mudlama, l-Ispirtu qanqal il-qdusija li dawlet l-aktar! Għax hu r-ruħ tal-Knisja, dejjem jaħjiha bit-tama, jimlieha bil-ferħ, ikattarha bil-ġdid, jagħtiha frott ta’ ħajja ġdida. Bħal meta, f’familja, titwieled tarbija: taqleb il-ħinijiet ta’ taħt fuq, ittellef l-irqad, imma ġġib ferħ li jġedded il-ħajja, jimbuttaha ’l quddiem, iwessgħalha l-imħabba. Araw, l-Ispirtu jġib “togħma ta’ tfulija” fil-Knisja. Iwettaq dejjem twelid ġdid. Ikebbes mill-ġdid l-imħabba tal-bidu. L-Ispirtu jfakkar lill-Knisja li, minkejja s-sekli tagħha ta’ storja, hi għadha dejjem fl-għoxrinijiet tagħha, l-Għarusa żagħżugħa li magħha l-Mulej mitluf fl-imħabba. Mela ejja ma negħjew qatt nistiednu lill-Ispirtu fl-ambjenti tagħna, nitolbuh qabel kull ħidma tagħna: “Ejja, Spirtu s-Santu!”.

 

Hu jġib il-qawwa tiegħu ta’ bidla, qawwa unika li, biex ngħidu hekk, fl-istess waqt timxi ’l ġewwa u timxi ’l barra. Timxi ’l ġewwa, jiġifieri timbuttana lejn iċ-ċentru, għax taħdem fil-ġewwieni tal-qalb tagħna. Iġġib l-għaqda fil-qsim, il-paċi fid-diqa, il-qawwa fit-tiġrib. Dan ifakkarhulna Pawlu fit-Tieni Qari, meta jikteb li l-frott tal-Ispirtu hu hena, sliem, fedeltà, rażan (ara Gal 5:22). L-Ispirtu jagħti l-intimità ma’ Alla, il-qawwa ġewwenija biex nibqgħu mexjin ’il quddiem. Imma fl-istess waqt hu qawwa li toħroġna ’l barra, jiġifieri timbuttana lejn l-estern. Dak li jwassalna għall-qalba hu l-istess wieħed li jibgħatna fit-trufijiet, lejn kull periferija umana; Dak li jurina lil Alla, jibgħatna għand ħutna. Jibgħatna, jagħmilna xhieda u għalhekk isawwab – jikteb mill-ġdid Pawlu – imħabba, sabar, tjieba, ħlewwa. Fl-Ispirtu Konsolatur biss nistgħu llissnu kliem ta’ ħajja u nagħmlu tabilħaqq il-qalb lill-oħrajn. Min jgħix skont l-Ispirtu jinsab f’din it-tensjoni spiritwali: iħossu fl-istess ħin miexi lejn Alla u lejn id-dinja.

 

Nitolbuh li nkunu hekk. Spirtu s-Santu, riħ qawwi ta’ Alla, onfoħ fuqna. Onfoħ fil-qlub tagħna u agħtina n-nifs tal-ħlewwa tal-Missier. Onfoħ fuq il-Knisja u oħroġha sat-trufijiet tal-art biex, imwassla minnek, ma twassal lil ħadd għajrek. Onfoħ fuq id-dinja l-fewġa ħelwa tas-sliem u l-frisk farraġi tat-tama. Ejja, Spirtu s-Santu, ibdilna minn ġewwa u ġedded il-wiċċ tal-art. Amen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard