QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 8 ta’ Ġunju 2014

 

Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu” (Atti 2:4).

 

Hu u jkellem lill-Appostli fl-Aħħar Ikla, Ġesù jgħidilhom li, wara t-tluq tiegħu minn din id-dinja, kien sa jibgħatilhom id-don tal-Missier, jiġifieri l-Ispirtu s-Santu (ara Ġw 15:26).  Din il-wegħda titwettaq bil-qawwa kollha nhar Għid il-Ħamsin, meta l-Ispirtu s-Santu jinżel fuq id-dixxipli miġbura fiċ-Ċenaklu.  Dak it-tiswib, anki jekk staordinarju, ma baqax l-uniku u limitat għal dak il-waqt biss, imma hu ġrajja li ġġeddet u għadha tiġġedded.  Kristu msebbaħ fuq il-lemin tal-Missier jissokta jwettaq il-wegħda tiegħu, u jibgħat fuq il-Knisja lill-Ispirtu li jagħti l-ħajja, li jgħallimna u jfakkarna u jagħtina l-kelma.

 

L-Ispirtu s-Santu jgħallimna: hu l-Imgħallem ġewwieni tagħna.  Imexxina fit-triq it-tajba, fis-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna.  Hu jgħallimna t-triq li għandna nimxu.  Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, il-Kristjaneżmu kien jissejjaħ “it-triq” (ara Atti 9:2), u Ġesù nnifsu hu t-Triq.  L-Ispirtu s-Santu jgħallimna nimxu warajh, nimxu fuq il-passi tiegħu.  Iktar milli mgħallem ta’ xi duttrina, l-Ispirtu s-Santu hu mgħallem tal-ħajja.  U ċertament jagħmel parti mill-ħajja t-tagħlim, l-għarfien, imma fi ħdan dan ix-xefaq usa’ u iktar armonjuż ta’ l-eżistenza Kristjana.

 

L-Ispirtu s-Santu jfakkarna, ifakkarna dak kollu li qal Ġesù.  Hu l-memorja ħajja tal-Knisja.  U waqt li jfakkarna, jgħinna nifhmu kliem il-Mulej.

 

U din li niftakru permezz ta’ l-Ispirtu u grazzi għall-Ispirtu ma tirriduċix ruħha għal xi fatt mnemoniku, imma hi aspett essenzjali tal-preżenza ta’ Kristu fina u fil-Knisja tiegħu.  L-Ispirtu tal-verità u ta’ l-imħabba jfakkarna dak kollu li Kristu qal, idaħħalna dejjem iżjed b’mod sħiħ fit-tifsira ta’ kliemu.  Aħna lkoll għandna din l-esperjenza: f’mument minnhom, f’xi sitwazzjoni, titfaċċa idea, u mbagħad oħra li torbot ma’ xi silta mill-Iskrittura…  Hu l-Ispirtu li jgħaddina minn din it-triq: it-triq tal-memorja ħajja tal-Knisja.  U dan jitlob minna tweġiba: iktar ma hi ġeneruża t-tweġiba tagħna, iktar kliem Ġesù fina jsir ħajja, isir mod ta’ mġiba, għażliet, ġesti, xhieda.  Fis-sustanza, l-Ispirtu jfakkarna fil-kmandament ta’ l-imħabba, u jsejħilna ngħixuh.

 

Nisrani bla memorja m’hux Nisrani veru: hu Nisrani ta’ nofs kedda, hu raġel jew mara li safa lsir tal-mument, li ma jafx jgħożż l-istorja tiegħu, ma jafx jaqraha u jgħixha bħala storja ta’ salvazzjoni.  Imma bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, nistgħu ninterpretaw it-tnebbiħ ġewwieni u l-ġrajjiet tal-ħajja fid-dawl ta’ kliem Ġesù.  U hekk jikber fina l-għerf tal-memorja, l-għerf tal-qalb, li hu don ta’ l-Ispirtu.  Jalla l-Ispirtu s-Santu jqanqal fina lkoll il-memorja Kristjana!  U dak in-nhar, ma’ l-Appostli, kien hemm il-Mara tal-memorja, dik li sa mill-bidu kienet taħseb fuq dawk il-ħwejjeġ kollha bejnha u bejn ruħha.  Kien hemm Marija, Ommna.  Ħa tgħinna Hi f’din it-triq tal-memorja.

 

L-Ispirtu s-Santu jgħallimna, ifakkarna, u – aspett ieħor – jagħtina l-kelma, biex illissnuha ma’ Alla u mal-bnedmin.  Ma jeżistux Insara muti, muti fir-ruħ tagħhom; le, m’hemmx lok għal dan.

 

Jagħtina li nitkellmu ma’ Alla fit-talb.  It-talb hu don li nirċevuh b’xejn; hu djalogu miegħU fl-Ispirtu s-Santu, li jitlob fina u jagħtina li nduru lejn Alla u nsejħulu Missier, Pa, Abbà (ara Rum 8:15; Gal 4:4); u din m’hix xi sempliċi espressjoni, imma r-realtà, aħna tassew ulied Alla.  “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla” (Rum 8:14).

 

Jagħtina li nitkellmu fl-att tal-fidi.  Ħadd minna ma jista’ jgħid: “Ġesù hu l-Mulej” – għadna kemm smajnieha l-lum – mingħajr ma jqanqlu l-Ispirtu s-Santu.  Hu l-Ispirtu s-Santu li jagħtina li nitkellmu mal-bnedmin fi djalogu ta’ bejn l-aħwa.  Jgħinna nitkellmu ma’ l-oħrajn waqt li fihom nagħrfu lil ħutna; nitkellmu bi ħbiberija, bi ħlewwa, b’umiltà, u nifhmu l-weġgħat u t-tamiet, in-niket u l-ferħ ta’ l-oħrajn.

 

Imma hemm iżjed minn hekk: l-Ispirtu s-Santu jgħallimna nitkellmu mal-bnedmin anki fil-profezija, jiġifieri nsiru “kanali” umli u doċli tal-Kelma ta’ Alla.  Il-profezija ssir b’sinċerità, biex tixkef il-kontradizzjonijiet u l-inġustizzji, imma dejjem bi ħlewwa u b’għan kostruttiv.  Milquta mill-Ispirtu ta’ mħabba, nistgħu nsiru sinjali u għodda ta’ Alla li jħobb, li jaqdi, li jagħti ħajtu.

 

Fi ftit kliem: l-Ispirtu s-Santu jgħallimna t-triq; ifakkarna u jfissrilna kliem Ġesù; jgħallimna nitolbu u nsejħu lil Alla Missier, jurina kif nitkellmu mal-bnedmin fid-djalogu fratern u kif nipprofetizzaw.

 

Dak in-nhar ta’ Għid il-Ħamsin, meta d-dixxipli “imtlew bl-Ispirtu s-Santu”, kien il-Magħmudija tal-Knisja, li twieldet “biex toħroġ”, biex “titlaq” u tħabbar lil kulħadd il-Bxara t-Tajba.  Il-Knisja Omm, li titlaq biex taqdi.  Niftakru wkoll fl-Omm l-oħra, l-Omm tagħna li minnufih telqet, biex tmur taqdi.  Il-Knisja Omm u Ommna Marija: it-tnejn li huma verġni, it-tnejn li huma ommijiet, it-tnejn li huma nisa.  L-amar ta’ Ġesù lill-Appostli kien wieħed ċar: ma kellhomx jitilqu minn Ġerusalemm qabel ma jirċievu mill-għoli l-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu (ara Atti 1:4,8).  MingħajrU m’hemmx missjoni, m’hemmx evanġelizzazzjoni.  Għalhekk, flimkien mal-Knisja kollha, ma’ Ommna l-Knisja Kattolika, insejħulu: Ejja, Spirtu s-Santu!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard