Żjara pastorali fil-Parroċċa Rumana

ta’ San Tumas Appostlu

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Il-Ħadd,  16 ta’ Frar, 2014

 

Jum wieħed, id-dixxipli ta’ Ġesu’ kienu qed jieklu l-qamħ, għaliex kienu bil-ġuħ; imma kien jum is-Sibt, u dak inhar ma setgħux jieklu l-qamħ.  Imma huma kielu, għamlu hekk [jitħnuh b’idejhom].  Il-fariżej qalu: “Araw x’inhuma jgħamlu!  Min jagħmel hekk imur kontra l-liġi u jħammeġ ruħu għaliex ma jwettaqx il-liġi!”.  Ġesu’ weġibhom:  “Ma jħammiġx ir-ruħ dak li aħna nieħdu minn barra.  Iħammeġ lir-ruħ dak li jiġi minn ġewwa, minn qalbek”.  U nemmen li llum jagħmlilna tajjeb naħsbu mhux jekk ruħna hijiex nadifa jew maħmuġa, imma naħsbu x’hemm fil-qalb tiegħi, x’għandi ġewwa fija, li jiena naf li għandi u li ħadd ma jafu.  Ngħidu l-verita’ lilna nfusna: u dan mhux ħaġa ħafifa!  Għaliex aħna dejjem infittxu li nitgħattew meta naraw xi ħaġa li ma tkunx tajba ġewwa fina, le?  Li ma toħroġx barra, le?  X’hemm fil-qalb tagħna: hemm imħabba?  Ejjew naħsbu: jiena nħobb lill-ġenituri tiegħi, lil uliedi, lil marti, lil żewġi, in-nies ta’ fejn ngħix, il-morda? ... Inħobb?  Hemm mibegħda? Jiena nobgħod lil xi ħadd?  Għaliex ħafna drabi aħna nsibu li hemm mibegħda, le?   “Jiena nħobb lil kulħadd, minbarra dak jew dik!”.  Din hija mibegħda, le?  X’hemm fil-qalb tiegħi, maħfra?  Hemm atteġġjament ta’ maħfra għal dawk li naqsuni, jew hemm atteġġjament ta’ vendetta – “inħallsu!” – (“jew inħallasha!”).  Jeħtieġilna nistaqsu lilna nfusna x’hemm ġewwa fina, għaliex dak li huwa ġewwa joħroġ barra u jagħmel il-ħażin, jekk hu ħażin; u jekk hu tajjeb, joħroġ barra u jagħmel it-tajjeb.  U huwa ħafna sabiħ li ngħidu l-verita lilna nfusna, u nistħu meta nsibu ruħna f’qagħada li m’hijiex kif jixtieqha Alla, ma tkunx tajba; meta l-qalb tiegħi hija f’qagħada ta’ mibegħda, ta’ vendetta, tant qagħadiet ta’ dnub.  Kif inhi qalbi?...

Ġesu’ qiegħed jgħidilna llum, per eżempju – nagħti biss eżempju: “Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ qabel: “La toqtolx”.  Imma jien ngħidilkom li min jinkorla għal ħuh, ikun joqtlu, f’qalbu”.  U min jinsulta lil ħuh, ikun joqtlu f’qalbu, min jobgħod lil ħuh, joqtol lil ħuh f’qalbu;  min jisparla kontra ħuh, ikun joqtlu f’qalbu.  Aħna, forsi, ma nintebħux b’dan, u mbagħad nitkellmu, “insemmu” lil dak u lill-ieħor, nisparlaw fuq dak jew l-ieħor...  U dan huwa toqtol lil ħuk.  Għalhekk huwa importanti nagħraf x’hemm ġewwa fija, x’ikun qed jiġri ġewwa qalbi.  Jekk wieħed jifhem lil ħuh, il-persuni, iħobb, għax jaħfer: jifhem, jaħfer, ikun paċenzjuż ...  Hija mħabba jew mibegħda?  Jeħtieġilna dan inkunu nafuh sewwa.  U nitolbu lill-Mulej żewġ grazzi.  L-ewwel:  Li nagħraf x’hemm f’qalbi, biex ma nitqarrqux, biex ma ngħixux imqarrqin.  It-tieni grazzja: li nagħmlu dak il-ġid li hemm fi qlubna u li ma nagħmlux il-ħażen li hemm fi qlubna.  E fuq din “la toqtolx” niftakru li l-kliem joqtol.  Ukoll il-ħsibijiet ħżiena kontra l-ieħor joqtlu.  Ħafna drabi, meta nisimgħu n-nies jitkellmu, jitkellmu mhux sewwa fuq l-oħrajn, jidher li d-dnub tal-kalunnja, il-dnub tal-malafama ġew imneħħija mill-Kmandamenti; u li titkellem ħażin fuq xi persuna huwa dnub.  U għaliex nitkellem ħażin fuq persuna?  Għaliex f’qalbi għandi mibegħda, antipatija, mhux imħabba.  Nitolbu dejjem din il-grazzja: li nkun naf x’qiegħed jiġri f’qalbi, biex inkun nista’ nagħmel għażla tajba, l-għażla tat-tajjeb.  U nitolbu l-Mulej jgħinna li nkunu nixtiequ t-tajjeb lil xulxin.  U jekk jien ma nkunx nista’ nixtieq it-tajjeb lil xi persuna, għaliex ma nkunx nista’?  Nitlob għal din il-persuna, biex jien inkun nista’ nixtieqilha t-tajjeb.  U hekk nimxi ‘l quddiem, fil-waqt li niftakar dejjem li dak li jħammeġ il-ħajja tagħna huwa dak il-ħażin li joħroġ minn qlubna.  Nitolbu l-Mulej jgħinna.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.