Il-qari li toffrilna l-Knisja llum nistgħu niddeskrivuh bħala djalogu bejn l-ilmenti ta’ Alla u l-ġustifikazzjonijiet tal-bniedem.   Alla, il-Mulej, jilmenta.  Jilmenta li ma kienx mismugħ matul il-mixja tal-istorja.  Dejjem l-istess: “Isimgħu kliemi… Jien inkun Alla tagħkom.. Int tkun hieni…..” – “Iżda huma ma semgħux, ma tawx widen għal kelmti, anzi: baqgħu jwebbsu rashom skont l-ebusija ta’ qalbhom.  Minflok daru lejja tawni spallejhom (Ġer 7, 23-24).  Hi l-istorja tal-infedeltà tal-pooplu t’Alla.

U dan l-ilment ta’ Alla jsir għax dak li għamel il-Mulej kienet biċċa xogħol kbira u kbira ħafna: biex ineħħi l-idolatrija mill-poplu tiegħu, ħalli jagħmlu mans għal Kelmtu.  Iżda huma kienu jibqgħu mexjin f’dit-triq għal xi żmien u mbagħad jerġħu lura.  U hekk baqgħu sejrin għal sekli sħaħ, sal-waqt li fih ġie Ġesù.

Ġara l-istess mal-Mulej, ma’ Ġesù.  Uħud kienu jgħidu: “Dan hu l-Iben t’Alla, huwa Profeta kbir!”; oħrajn, dawk li jitkellem dwarhom l-Evanġelju, kienu jgħidu: “Le, dan saħħar li jfejjaq bis-setgħa ta’ Satana”.  Il-poplu ta’ Alla kien waħdu, u dil-klassi ta’ mexxejja – id-dutturi tal-liġi, is-Saduċej, il-Fariżej – kienu magħluqin fl-ideat tagħhom, fil-pastorali tagħhom, fl-ideoloġija tagħhom.  U din il-klassi kienet dik li ma semegħtx il-Kelma tal-Mulej, u biex tiġġustifika ruħha tgħid dak li smajna fl-Evanġelju: “Dar-raġel, Ġesù, ikeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Belżebub!” (Mt 11,15).  L-istess bħal meta jingħad: “Hu suldat ta’ Belżebub jew ta’ Satana jew tal-klikka ta’ Satana”, l-istess ħaġa.  Kienu jiġġustifikaw ruħhom li ma semgħux is-sejħa tal-Mulej.  Ma setgħux jisimgħuha: kienu magħluqin ħafna u ħafna, bogħod mill-poplu, u dan hu minnu.  Ġesù jħares lejn il-poplu u jitqanqal, għax jarahom qieshom “nagħaġ mingħajr ragħaj”, hekk jgħid l-Evanġelju.  U jmur għand il-foqra, imur għand il-morda, imur għand kulħadd, għand ir-romol, għand il-lebbrużi biex ifejjaqhom.  U jkellimhom b’tali mod li jiġbed l-ammirazzjoni tal-poplu: “Imma dan jitkellem bħal wieħed li għandu s-setgħa!”, jitkellem differenti minn dil-klassi ta’ mexxejja li tbegħdet mill-poplu.  U kien jinteressaha biss minn dak li jolqot lilha: mill-grupp tagħhom, mill-partit, mill-ġlied intern.  U l-poplu hemm…. Kienu abbandunaw il-merħla.  U dawn in-nies kienu midinbin?  Iva, iva, aħna lkoll midinbin.  Aħna lkoll li qegħdin hawn, aħna midinbin.  Imma dawn kienu xi ħaġa aktar minn midinbin: il-qalb ta’ dan-nies, ta’ dan il-grupp żgħir, maż-żmien kienet ibbieset ħafna, tant li kien impossibbli li huma jisimgħu l-leħen tal-Mulej.  U bħala midinbin żelqu u saru korrotti.  Diffiċli ħafna għal min hu korrott li jerġa’ lura.  Il-midneb iva, għax il-Mulej hu ħanin u jistenniena lkoll.  Imma l-korrott huwa mehdi biss bl-affarijiet tiegħu, u dawn kienu korrotti.  Għaldqastant kienu jiġġustifikaw ruħhom, għax bis-sempliċità tiegħu, imma bl-qawwa tiegħu ta’ Alla, Ġesù kien itihom fastidju.  U pass wara ieħor jispiċċaw jikkonvinċu ruħhom li kellhom joqtlu lil Ġesù, u wieħed minnhom qal: “Aħjar li jmut bniedem wieħed għall-poplu kollu”.

Dawn kienu tilfu t-triq.  Irreżistew is-salvazzjoni tal-imħabba tal-Mulej u b’hekk żelqu mill-fidi, minn teoloġija tal-fidi għal teoloġija tad-dmir: “Għandkom tagħmlu din u l-oħra….”.  U Ġesù jċanfarhom b’dak l-aġġettiv tant ikraħ: “ipokriti!  Intom tgħabbu lill-poplu b’piżijiet kbar.  U intom?  Lanqas terfgħu mqar sebgħa wieħed!  Ipokriti!”.  Irrifjutaw l-imħabba tal-Mulej u dar-rifjut wassalhom biex jimxu fi triq li ma kinitx dik tad-djalettika tal-libertà li joffri l-Mulej, imma dik tal-loġika ta’ dak li hu meħtieġ, fejn m’hemmx lok għall-Mulej.  Fid-djalettika tal-libertà hemm il-Mulej twajjeb, li jħobbna, li jħobbna ħafna!  Iżda, fil-loġika tan-neċessarju m’hemmx lok għal Alla: irid isir hekk, għandu isir hekk, dejjem x’jeħtieġ isir…….. . Saru nies ta’ “kif għandek iġġib ruħek”.  Bnedmin ta’ manjieri tajbin, imma ta’ drawwiet ħżiena.  Ġesù jsejħilhom “oqbra mbajda”.  Dan hu s-swied il-qalb tal-Mulej, id-dulur ta’ Alla, l-ilment ta’ Alla.

“Ejjew naduraw lill-Mulej għax hu jħobbna”.  “Duru lejja b’qalbkom kollha” – jgħdilina – “għax jien ħanin u twajjeb”.  Dawn li kienu jiġġustifikaw ruħhom la jifhmu x’inhi l-ħniena u l-anqas x’inhi l-ħasra.  Iżda, dak il-poplu li kien iħobb ħafna lil Ġesù, kellu bżonn il-ħniena u kien imur jitlobha lill-Mulej.

Tul dit-triq tar-Randan, jagħmlilna tajjeb lilna lkoll, naħsbu dwar din l-istedina tal-Mulej biex inħobbu, naħsbu f’din id-djalettika tal-libertà fejn hemm l-imħabba u nistaqsu lilna nfusna, ilkoll kemm aħna: Imma jien ninsab f’dit-triq”  Jew ninsab fil-periklu li niġġustifika ruħi u miexi fi triq oħra?, it-triq “taċ-ċirkostanzi” li ma twassal għal ebda wegħda.  U nitolbu lill-Mulej biex itina l-grazzja li nimxu dejjem fit-triq tas-salvazzjoni, li ninfetħu għas-salvazzjoni li tiġi biss minn Alla u mill-fidi, mhux minn dak li kienu jordnaw “dawn id-dutturi tad-dmir”, li kienu tilfu l-fidi u kienu jmexxu l-poplu b’dit-teoloġija pastorali tad-dover.  Nitolbuha aħna dil-grazzja:  Mulej, tini l-grazzja li ninfetaħ għas-salvazzjoni tiegħek.  Għalhekk jiġi r-Randan.  Alla jħobbna lkoll: iħobbna lkoll!  Nagħmlu l-isforz li ninfetħu: dan biss jitlob minna: “Iftaħli l-bieb.  Il-bqija nagħmlu jien”.  Inħalluh jidħol fina, imellisna, itina s-salvazzjoni.  Hekk ikun.

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber