QUDDIESA TA’ L-ORDINAZZJONI PRESBITERALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika tal-Vatikan     

Ir-IV Ħadd ta’ l-Għid, 11 ta’ Mejju 2014

 

Għall-Omelija, il-Papa tkellem kif jissuġġerixxi r-Rit ta’ l-Ordinazzjoni tal-Presbiteri, billi waqaf fuq xi partijiet.

 

Ħuti l-aktar għeżież, dawn uliedna u ħutna ġew imsejħa għall-Ordni tal-Presbiterat.  Kif tafu tajjeb, il-Mulej Ġesù hu l-qassis il-kbir il-waħdieni tat-Testment il-Ġdid; imma fih anki l-poplu qaddis kollu ta’ Alla ġie mwaqqaf bħala poplu saċerdotali.  Imma, minn fost id-dixxipli kollha tiegħu, il-Mulej Ġesù jrid jagħżel lil xi wħud b’mod partikulari, biex f’ismu jħaddmu pubblikament fil-Knisja l-uffiċċju saċerdotali għall-ġid tal-bnedmin kollha, u hekk jissoktaw il-missjoni personali tiegħu ta’ mgħallem, saċerdot u ragħaj.

 

Wara riflessjoni matura, wasalna biex ngħollu għall-ordni tal-presbiterat lil dawn ħutna, biex għas-servizz ta’ Kristu mgħallem, saċerdot u ragħaj, jikkoperaw biex jibnu l-ġisem ta’ Kristu, li hu l-Knisja, f’poplu ta’ Alla u tempju qaddis ta’ l-Ispirtu.

 

Għalhekk huma sa jsiru ħaġa waħda ma’ Kristu, saċerdot kbir u etern; fi kliem ieħor, sa jiġu kkonsagrati bħala saċerdoti veri tat-Testment il-Ġdid, u b’dan l-uffiċċju, li jgħaqqadhom mas-saċerdozju ta’ l-Isqof tagħhom, isiru predikaturi tal-Vanġelu, rgħajja tal-poplu ta’ Alla, u jippresiedu l-atti tal-kult, speċjalment fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju tal-Mulej.

 

U intom, ħuti u wliedi l-aktar għeżież, li sa tiġu mgħollija għall-ordni tal-presbiterat, ftakru li intom u twettqu l-ministeru tat-tagħlim imqaddes sa tkunu qed tieħdu sehem fil-missjoni ta’ Kristu, l-imgħallem il-waħdieni.  Qassmuha lil kulħadd dik il-Kelma, li intom stess ilqajtu bil-ferħ, minn għand ommijietkom, minn għand il-katekisti tagħkom.  Aqraw u mmeditaw ta’ spiss il-kelma tal-Mulej biex temmnu dak li tkunu qrajtu, tgħallmu dak li tkunu fhimtu bil-fidi, tgħixu dak li tkunu għallimtu.  Mela ħalli t-tagħlim tagħkom – li m’hux tagħkom – ikun ta’ nutriment għall-poplu ta’ Alla: intom m’intomx is-sidien ta’ dan it-tagħlim!  Hu t-tagħlim tal-Mulej, u intom għandkom tibqgħu fidili lejn it-tagħlim tal-Mulej!  Mela ħalli jkun it-tagħlim tagħkom ta’ nutriment għall-poplu ta’ Alla, il-fwieħa ta’ ħajjitkom ferħ u sostenn għall-fidili ta’ Kristu, biex bil-kliem u bl-eżempju tagħkom tibnu d-dar ta’ Alla, li hi l-Knisja.

 

U hekk intom tissoktaw l-opra ta’ tqaddis li beda Kristu.  Permezz tal-ministeru tagħkom is-sagrifiċċju spiritwali tal-fidili jsir perfett, għax jingħaqad mas-sagrifiċċju ta’ Kristu, li permezz ta’ jdejkom u f’isem il-Knisja kollha jiġi offrut mingħajr tixrid ta’ demm fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri mqaddsa.

 

Mela agħrfu dak li intom tagħmlu, imitaw dak li tiċċelebraw, biex bis-sehem tagħkom fil-misteru tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej, iġġorru f’riġlejkom il-mewt ta’ Kristu u miegħu timxu f’ħajja ġdida.

 

Bil-Magħmudija sa żżidu fidili ġodda mal-poplu ta’ Alla; bis-sagrament tal-Penitenza taħfru d-dnubiet f’isem Kristu u l-Knisja.  U hawn irrid nieqaf u nitlobkom, għall-imħabba ta’ Ġesù Kristu: tegħjew qatt turu ħniena!  Nitlobkom!  Ħa jkollkom dik il-ħila li taħfru kif kellu l-Mulej, li ma ġiex biex jikkundanna, imma biex jaħfer!  Ħa jkollkom il-ħniena, ħafna!  U jekk jiġikom l-iskruplu li qed “taħfru żżejjed”, ftakru f’dak is-saċerdot qaddis li kellimtkom dwaru, li kien imur f’riġlejn it-tabernaklu u jgħidlu: “Mulej, aħfirli li ħfirt iżżejjed.  Imma int kont li tajtni l-eżempju ħażin!”.  U jien ngħidilkom, tassew: nitnikket ħafna meta nsib nies li m’għadhomx imorru jqerru għax ġew imċanfra, għajtu magħhom.  Ħassew li l-bibien tal-knisja ġew imsabbta f’wiċċhom!  Nitlobkom, tagħmlux hekk: ħniena, ħniena!  Ir-ragħaj it-tajjeb jidħol mill-bieb u l-bieb tal-ħniena huma l-pjagi tal-Mulej: jekk intom fil-ministeru tagħkom ma tidħlux mill-pjagi tal-Mulej, ma tkunux rgħajja tajba.

 

Biż-Żejt imqaddes isserrħu lill-morda; meta tiċċelebraw ir-riti mqaddsa u x’ħin fid-diversi ħinijiet tal-ġurnata tgħollu ’l fuq it-talba ta’ tifħir u ta’ supplika, issiru l-leħen tal-poplu ta’ Alla u tal-bnedmin kollha.

 

Konxji li ġejtu magħżula minn qalb il-bnedmin u mwaqqfa għall-istess ġid tagħhom biex tieħdu ħsieb il-ħwejjeġ ta’ Alla, wettqu bil-ferħ u l-imħabba sinċiera l-ħidma saċerdotali ta’ Kristu, bl-għan waħdieni li togħġbu lil Alla u mhux lilkom infuskom.

 

U aħsbu f’dak li qal Santu Wistin dwar ir-rgħajja li kienu jfittxu jogħġbu lilhom infushom, li kienu jużaw lin-nagħġiet tal-Mulej bħala ikel u biex jilbsu, biex ixiddu fuqhom il-kobor ta’ ministeru li ma nafux jekk kienx tassew ta’ Alla.  Fl-aħħar nett, intom u tieħdu sehem fil-missjoni ta’ Kristu, ras u ragħaj, f’komunjoni ta’ wlied ma’ l-Isqof tagħkom, ħabirku biex tiġbru lill-fidili f’familja waħda, biex twassluhom għand Alla l-Missier permezz ta’ Kristu fl-Ispirtu s-Santu.  Żommu dejjem quddiem għajnejkom l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb, li ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi, u biex ifittex isalva dak li kien mitluf.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard