QUDDIESA BL-ORDINAZZJONI EPISKOPALI TA’ MONS. FABIO FABENE,

SOTTO-SEGRETARJU TAS-SINODU TA’ L-ISQFIJIET

 OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika tal-Vatikan

Il-Ġimgħa 30 ta’ Mejju 2014

 

Ħuti u wliedi l-għeżież, nirriflettu bir-reqqa fuq kemm hi għolja r-responsabbiltà fil-Knisja li qed jiġi fdat biha dan ħuna.

 

Sidna Ġesù Kristu, mibgħut mill-Missier biex jifdi lill-bnedmin, min-naħa tiegħu bagħat fid-dinja lit-Tnax-il Appostlu, biex, mimlija bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, iħabbru l-Vanġelu lill-ġnus kollha, u waqt li jiġbruhom taħt l-istess Ragħaj wieħed, iqaddsuhom u jmexxuhom lejn is-salvazzjoni.

 

Bl-għan li jissoktaw minn nisel għal nisel dan il-ministeru Appostoliku, it-Tnax ġabru magħhom xi kollaboraturi u, bit-tqegħid ta’ l-idejn, għaddewlhom id-don ta’ l-Ispirtu li huma rċivew minn għand Kristu, li jagħti l-milja tas-sagrament ta’ l-Ordni.  Hekk, permezz tas-suċċessjoni qatt ma taqta’ ta’ l-isqfijiet fit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja, inżamm dan il-ministeru ewlieni u l-ħidma tal-Feddej tissokta u tikber sat-temma ta’ żminijietna.

 

Fl-Isqof, imdawwar mill-presbiteri tiegħu, hu preżenti f’nofskom l-istess Sidna Ġesù Kristu, il-Qassis il-Kbir u għal dejjem.  Fil-fatt hu Kristu nnifsu li fil-ministeru ta’ l-Isqof jissokta jħabbar il-Vanġelu tal-fidwa u jqaddes lil min jemmen permezz tas-Sagramenti tal-fidi; hu Kristu li fil-paternità ta’ l-Isqof ikabbar b’membri ġodda lill-ġisem tiegħu li hu l-Knisja; hu Kristu li fl-għerf u l-prudenza ta’ l-Isqof imexxi lill-poplu ta’ Alla fil-pellegrinaġġ tiegħu fuq din l-art sa ma jasal għall-hena dejjiemi.

 

Mela ilqgħu bil-ferħ u l-gratitudni lil dan ħuna li aħna l-isqfijiet, bit-tqegħid ta’ l-idejn, il-lum qed inxierku fil-kulleġġ episkopali.  Agħtu lilu l-ġieħ li jixraq lill-ministru ta’ Kristu u lil min iqassam il-misteri ta’ Alla, li lilu hi fdata x-xhieda tal-Vanġelu u l-ministeru ta’ l-Ispirtu għat-tqaddis.  Ftakru fi kliem Ġesù lill-Appostli: “Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni” (Lq 10:16).

 

U int, Fabio, għażiż ħija, maħtur mill-Mulej, aħseb fuq kif int ġejt magħżul minn fost il-bnedmin u għall-bnedmin ġejt maħtur fil-ħwejjeġ li huma ta’ Alla.  Ġejt magħżul minn qalb il-merħla: jalla qatt ma tinħakem mill-vanità, mill-kburija, mis-suppervja.  U ġejt maħtur għall-bnedmin: jalla l-imġiba tiegħek tkun dejjem waħda ta’ qadi.  Bħal Ġesù, hekk int.  Fil-fatt l-episkopat hu l-isem ta’ servizz ta’ qadi, u mhux ta’ ġieħ, għax l-isqof aktar hu magħmul biex jaqdi milli biex jaħkem, skond l-amar ta’ l-Imgħallem: “Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom”.  Inħeġġek iżżomm dejjem quddiem għajnejk kliem Pawlu li smajna l-lum: għasses fuqek innifsek u għasses fuq il-poplu ta’ Alla.  Din l-għassa tfisser tishar, iżżomm għajnejk miftuħa, biex tħares ruħek minn tant dnubiet u minn tant imġibiet tad-dinja, u biex tħares il-poplu ta’ Alla mill-ilpup li Pawlu kien wissa li kellhom jiġu.

 

Xandar il-Kelma f’kull okkażjoni, f’waqtu u barra minn waqtu; ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim.  U, bit-talb u bl-offerta tas-Sagrifiċċju għall-poplu tiegħu, tixrob mill-milja tal-qdusija ta’ Kristu l-għana tal-grazzja divina li hu ta’ bosta xorta.  U tgħasses fuq il-poplu jfisser ukoll titlob, titlob għall-poplu, kif kien jagħmel Mosè: b’idejh merfugħa fil-għoli, dik it-talba ta’ interċessjoni, dik it-talba qalbiena wiċċ imb’wiċċ mal-Mulej b’riżq il-poplu.

 

Fil-Knisja fdata f’idejk kun ħarries fidil li tqassam il-misteri ta’ Kristu.  Imqiegħed mill-Missier f’ras il-familja tiegħu, imxi dejjem fuq l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb, li jagħraf in-nagħaġ tiegħu, in-nagħaġ tiegħu jagħrfu lilu u qatt ma waqaf jagħti ħajtu għalihom.

 

Ħobb bi mħabba ta’ missier u ta’ ħuhom lil dawk kollha li Alla jafdalek f’idejk: qabel xejn il-presbiteri u d-djakni, kollaboraturi tiegħek fil-ministeru; imma anki l-foqra, dawk li m’għandhomx min jaqbeż għalihom u dawk li għandhom bżonn min jilqagħhom u jgħinhom.  Sejjaħ lill-fidili biex jikkoperaw fil-ħidma appostolika u ismagħhom bil-qalb.

 

Kun il-ħin kollu attent għal dawk li m’humiex parti mill-maqjel waħdieni ta’ Kristu, għax anki huma ġew fdati lilek mill-Mulej.  U itlob għalihom.

 

Ftakar li fil-Knisja Kattolika, imxierka fir-rabta ta’ l-imħabba, int magħqud mal-Kulleġġ ta’ l-Isqfijiet u trid iġġorr fik l-għożża għall-Knejjes kollha, waqt li tgħin bil-qalb lil dawk li l-iżjed jeħtieġu l-għajnuna.  Dan naħseb li għalik sa jkun faċli fid-dmir li hu fdat lilek fis-Segreterija tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet.

 

Għasses, għasses bi mħabba fuq il-merħla kollha, li fiha l-Ispirtu s-Santu qed iqegħidek biex trieġi l-Knisja ta’ Alla.  Għasses, torqodx, għasses, ishar, u l-Mulej ikun miegħek, jimxi miegħek f’din l-għassa li jiena l-lum qed nafdalek f’isem il-Missier, li x-xbieha tiegħu qed tagħmel preżenti; f’isem Ġesù Kristu Ibnu, li minnu ġejt maħtur mgħallem, saċerdot u ragħaj; u f’isem l-Ispirtu s-Santu, li jagħti l-ħajja lill-Knisja u bil-qawwa tiegħu jwieżen id-dgħufija tagħna.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard