ORDINAZZJONI SAĊERDOTALI TA’ DJAKNI TAD-DJOĊESI TA’ RUMA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Ir-IV Ħadd ta’ l-Għid, 26 ta’ April 2015

 

Ħuti l-aktar għeżież,

 

Dawn uliedna ġew imsejħa għall-Ordni tal-Presbiterat.  Nagħmlu sew nirriflettu ftit fuq x’ministeru ħa jiġu mgħollija għalih fil-Knisja.  Kif tafu tajjeb, il-Mulej Ġesù hu l-Qassis il-Kbir il-waħdieni tat-Testment il-Ġdid, imma fiH anki l-poplu qaddis kollu ta’ Alla ġie mwaqqaf bħala poplu saċerdotali.  Ilkoll kemm aħna!  Madankollu, minn fost id-dixxipli kollha tiegħu, il-Mulej Ġesù jrid jagħżel xi wħud b’mod partikulari, biex f’ismu jħaddmu pubblikament fil-Knisja l-uffiċċju saċerdotali għall-ġid tal-bnedmin kollha, u hekk jissoktaw il-missjoni personali tiegħu ta’ mgħallem, saċerdot u ragħaj.

 

Kif, fil-fatt, Hu ġie mibgħut mill-Missier għal dan, hekk Hu min-naħa tiegħu bagħat fid-dinja l-ewwel lill-Appostli u mbagħad lill-Isqfijiet u s-suċċessuri tagħhom, u lil dawn fl-aħħar ingħatawlhom bħala kollaboraturi tagħhom il-presbiteri, li, imsieħba magħhom fil-ministeru saċerdotali, huma msejħin għall-qadi tal-Poplu ta’ Alla.

 

Huma rriflettew fuq din il-vokazzjoni tagħhom, u issa ġew hawn biex jirċievu l-ordni tal-presbiteri.  U l-Isqof jidħol għar-riskju – qed jirriskja! – u jagħżel lilhom, kif il-Missier irriskja għal kull wieħed u waħda minna.

 

Fil-fatt huma sa jitwaħħdu u jsiru jixbhu lil Kristu s-Saċerdot il-Kbir u Etern, jew aħjar, se jiġu kkonsagrati bħala veri saċerdoti tat-Testment il-Ġdid, u b’dan l-uffiċċju, li jseħibhom fis-saċerdozju ma’ l-Isqof tagħhom, isiru ħabbâra tal-Vanġelu, Rgħajja tal-Poplu ta’ Alla, u jippresiedu l-azzjoni tal-kult, speċjalment fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju tal-Mulej.

 

U intom, li wasaltu biex tirċievu l-ordni tal-presbiterat, qisu li meta tħaddmu l-ministeru tat-Tagħlim Imqaddes, sa tieħdu sehem fil-missjoni ta’ Kristu, l-Imgħallem waħdieni.  Qassmu lil kulħadd dik il-Kelma ta’ Alla, li intom stess ilqajtu bil-ferħ.  Aqraw u mmeditaw ta’ spiss il-Kelma tal-Mulej biex temmnu dak li tkunu qrajtu, tgħallmu dak li tkunu fhimtu bil-fidi, u tgħixu dak li tkunu għallimtu.

 

U dan ikun l-ikel li jitma’ lill-Poplu ta’ Alla; biex l-omeliji tagħkom ma jdejqux lin-nies; l-omeliji tagħkom jaslu propju fil-qalb tan-nies għax ikunu ħarġu minn ġo qalbkom, għax dak li intom tgħidu lilhom hu dak li intom iġġorru f’qalbkom.  Hekk iwwassluha l-Kelma ta’ Alla u hekk it-tagħlim tagħkom ikun ferħ u sostenn għall-fidili ta’ Kristu; il-fwieħa ta’ ħajjitkom tkun ix-xhieda, biex l-eżempju jibni, imma l-kliem bla eżempju hu kliem vojt, huma ideat u qatt ma jistgħu jaslu għall-qalb u jafu saħanistra jagħmlu l-ħsara: ma jagħmlux ġid!  Intom sa tissoktaw l-opra ta’ tqaddis li beda Kristu.  Bil-ministeru tagħkom, is-sagrifiċċju spiritwali tal-fidili jsir perfett, għax imsieħeb mas-sagrifiċċju ta’ Kristu, li b’idejkom, f’isem il-Knisja kollha, jiġi ssagrifikat, anki jekk mingħajr tixrid ta’ demm, fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjoni tal-Misteri Mqaddsa.

 

Għalhekk, meta intom tiċċelebraw il-Quddiesa, agħrfu dak li qed tagħmlu.  Tagħmluhx bl-għaġla!  Ixbhu dak li tiċċelebraw – m’huwiex rit artifiċjali, rit artifiċjali – għax bih, intom u tieħdu sehem fil-misteru tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej, iġġorru f’ġisimkom il-mewt ta’ Kristu u timxu miegħU lejn ħajja ġdida.

 

Bil-Magħmudija intom issieħbu fidili ġodda fil-Poplu ta’ Alla.  Qatt m’għandkom tiċħdu l-Magħmudija lil min jitlobhielkom!  Bis-Sagrament tal-Penitenza taħfru d-dnubiet f’isem Kristu u l-Knisja.  U jien, f’isem Ġesù Kristu, il-Mulej, u l-Għarusa tiegħu, il-Knisja Mqaddsa, nitlobkom ma tegħjew qatt turu ħniena.  Fil-konfessjonarju intom ħa tpoġġu biex taħfru, u mhux biex tikkundannaw!  Ixbhu lill-Missier li ma jegħja qatt jaħfer.  Biż-żejt imqaddes intom se sserrħu lill-morda u l-batuti.  Meta tiċċelebraw ir-riti mqaddsa u tgħollu f’diversi sigħat tal-ġurnata t-talba ta’ tifħir u ta’ supplika, issiru l-leħen tal-Poplu ta’ Alla u tal-bnedmin kollha.

 

Intom tafu li ġejtu magħżula minn fost il-bnedmin u mqiegħda għas-servizz tagħhom fil-ħwejjeġ ta’ Alla: għalhekk wettqu bil-ferħ u l-imħabba sinċiera l-uffiċċju saċerdotali ta’ Kristu, bl-għan waħdieni li togħġbu lil Alla u mhux lilkom infuskom.  Kemm hi ħaġa kerha tara saċerdot li qed jgħix għall-pjaċir tiegħu nnifsu, li “jgħix ta’ pagun”!

 

Fl-aħħar nett, meta tieħdu sehem fil-missjoni ta’ Kristu, Ras u Ragħaj, f’komunjoni ta’ wlied ma’ l-Isqof tagħkom, ħabirku biex tiġbru lill-fidili f’familja waħda – kunu ministri ta’ l-għaqda fil-Knisja, fil-familja –, biex twassluhom għand Alla l-Missier permezz ta’ Kristu fl-Ispirtu s-Santu.  U żommu dejjem quddiem għajnejkom l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb, li ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi; mhux biex jibqa’ magħluq fil-kumditajiet tiegħu, imma biex joħroġ ifittex u jsalva dak li kien mitluf.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard