ORDINAZZJONI SAĊERDOTALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 17 ta’ April 2016

 

Ħuti l-iktar għeżież,

 

Dawn uliedna u ħutna ġew imsejħa għall-ordni tal-presbiterat. Kif tafu tajjeb, Sidna Ġesù hu l-uniku Qassis il-Kbir tat-Testment il-Ġdid, imma Fih anki l-poplu kollu qaddis ta’ Alla sar poplu saċerdotali. Madankollu, minn fost id-dixxipli kollha tiegħu, il-Mulej Ġesù ried jagħżel xi wħud b’mod partikulari, biex f’ismu jeżerċitaw pubblikament fil-Knisja l-uffiċċju saċerdotali għall-ġid tal-bnedmin kollha, u hekk jissoktaw il-missjoni personali tiegħu ta’ għalliem, saċerdot u ragħaj.

 

Wara riflessjoni matura, issa qed ngħollu għall-ordni tal-presbiteri lil dawn ħutna, biex għall-qadi ta’ Kristu, Għalliem, Saċerdot, Ragħaj, jikkoperaw biex jibnu l-Ġisem ta’ Kristu li hu l-Knisja f’Poplu ta’ Alla u Tempju qaddis ta’ l-Ispirtu.

 

Huma fil-fatt ħa jsiru ħaġa waħda ma’ Kristu l-Qassis il-Kbir u Etern, jiġifieri sa jiġu kkonsagrati bħala veri saċerdoti tat-Testment il-Ġdid, u b’dan it-titlu, li jwaħħadhom fis-saċerdozju ma’ l-Isqof tagħhom, isiru predikaturi tal-Vanġelu, Ragħajja tal-Poplu ta’ Alla, u jippresiedu fuq l-għemejjel tal-kult, speċjalment fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju tal-Mulej.

 

U intom, uliedi u ħuti l-aktar għeżież, li ħa tiġu mgħollija għall-ordni tal-presbiterat, qisu li intom u tħaddmu dan il-ministeru tat-Tagħlim Imqaddes sa tkunu qed tieħdu sehem fil-missjoni ta’ Kristu, l-Imgħallem waħdieni. Qassmu lil kulħadd il-Kelma ta’ Alla, dik il-Kelma li intom stess ilqajtu bil-ferħ. Ftakru fl-istorja tagħkom, ta’ dak id-don tal-Kelma li l-Mulej takom permezz ta’ ommkom, tan-nanna – kif jgħid San Pawl –, tal-katekisti u tal-Knisja kollha. Aqraw u mmeditaw ta’ spiss il-Kelma tal-Mulej biex temmnu dak li qrajtu, tgħallmu dak li fhimtu mill-fidi, tgħixu dak li għallimtu.

 

Ħa jkun mela t-tagħlim tagħkom ikel li jitma’ lill-Poplu ta’ Alla, u l-fwieħa ta’ ħajjitkom ferħ u qawwa tal-fidili ta’ Kristu, biex bil-kelma u bl-eżempju – dawn imorru flimkien: kelma u eżempju – tibnu d-dar ta’ Alla, li hi l-Knisja. Intom tissoktaw fikom l-opra ta’ Kristu li biha hu jqaddes lill-bnedmin. Permezz tal-ministeru tagħkom, is-sagrifiċċju spiritwali tal-fidili jsir perfett, biex, imwaħħad mas-sagrifiċċju ta’ Kristu, permezz ta’ jdejkom, f’isem il-Knisja kollha, jiġi offrut bla tixrid ta’ demm fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjoni tal-Misteri Mqaddsa.

 

Agħrfu xi tkunu tagħmlu. Ixbhu dak li tiċċelebraw biex, bis-sehem tagħkom fil-misteru tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej, iġġorru f’ġisimkom il-mewt ta’ Kristu u timxu Miegħu lejn ħajja ġdida. Ġorru fikom stess il-mewt ta’ Kristu, u imxu ma’ Kristu lejn ħajja ġdida. Bla salib m’intom sa ssibu qatt lill-veru Ġesù; u salib bla Kristu m’għandux sens.

 

Bil-Magħmudija sieħbu fidili ġodda mal-Poplu ta’ Alla. Bis-Sagrament tal-Penitenza aħfru d-dnubiet f’isem Kristu u l-Knisja. U, nitlobkom, f’isem l-istess Ġesù Kristu, il-Mulej, u f’isem il-Knisja, nitlobkom turu ħniena, ħafna ħniena. Biż-żejt imqaddes isserrħu lill-morda. Intom u tiċċelebraw ir-riti mqaddsa u tgħollu fil-bosta ħinijiet tal-ġurnata t-talbiet ta’ tifħir u ta’ supplika, issiru leħen il-Poplu ta’ Alla u l-bnedmin kollha.

 

Kunu konxji li ġejtu magħżula minn fost il-bnedmin. Magħżula, tinsewhx dan. Magħżula! Hu l-Mulej li sejħilkom, wieħed wieħed. Magħżula minn fost il-bnedmin għall-ġid tagħhom, u mhux għall-ġid tagħkom infuskom!

 

F’komunjoni ta’ wlied ma’ l-Isqof tagħkom, ħabirku biex ixxierku lill-fidili f’familja waħda ħalli twassluhom għand Alla l-Missier permezz ta’ Kristu fl-Ispirtu s-Santu. Żommu dejjem quddiem għajnejkom l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb, li ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi; biex ifittex u jsalva lil min kien mitluf.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard