QUDDIESA U ORDINAZZJONI PRESBITERALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
Bażilika tal-Vatikan
Ir-IV Ħadd tal-Għid, 7 ta’ Mejju 2017
Ħuti l-aktar għeżież,
Dawn uliedna ġew imsejħa għall-ordni tal-presbiterat. Nirriflettu fuq il-ministeru li għalih se jiġu mgħollija fil-Knisja. Kif tafu sewwa, ħuti, il-Mulej Ġesù hu s-Saċerdot il-Kbir waħdieni tat-Testment il-Ġdid, imma fih ukoll il-poplu kollu qaddis ta’ Alla ġie mwaqqaf bħala poplu saċerdotali. Mhux b’inqas, fost id-dixxipli kollha tiegħu, il-Mulej Ġesù jrid jagħżel lil xi wħud b’mod partikulari, biex huma u jħaddmu pubblikament f’ismu fil-Knisja l-uffiċċju saċerdotali għall-ġid tal-bnedmin kollha, jissoktaw il-missjoni personali tiegħu ta’ għalliem, saċerdot u ragħaj. Ġew magħżula mill-Mulej Ġesù mhux biex jagħmlu karriera, imma biex jagħtu dan is-servizz.
Kif, fil-fatt, għal dan kien ġie mibgħut mill-Missier, hekk hu wkoll bagħat fid-dinja l-ewwel lill-Appostli u mbagħad lill-Isqfijiet u s-suċċessuri tagħhom, li fl-aħħar ingħatawlhom bħala kollaboraturi l-presbiteri, li, imxierka magħhom fil-ministeru saċerdotali, huma msejħin għall-qadi tal-Poplu ta’ Alla.
Wara riflessjoni matura u talb, issa ġejna biex ngħollu għall-ordni tal-presbiteri lil dawn ħutna, biex għall-qadi ta’ Kristu, Mgħallem, Saċerdot, Ragħaj, jikkoperaw biex jibnu l-Ġisem ta’ Kristu li hu l-Knisja f’Poplu ta’ Alla u Tempju qaddis tal-Ispirtu s-Santu.
Fil-fatt huma sa jsiru ħaġa waħda ma’ Kristu s-Saċerdot il-Kbir u Etern, sa jiġu kkonsagrati bħala veri saċerdoti tat-Testment il-Ġdid, u b’dan il-ministeru, li jgħaqqadhom fis-saċerdozju mal-Isqof tagħhom, isiru predikaturi tal-Vanġelu, Ragħajja tal-Poplu ta’ Alla, u jippresiedu l-azzjonijiet tal-kult, speċjalment fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju tal-Mulej.
U intom, uliedi l-aktar għeżież, li wasaltu biex tiġi mgħollija għall-ordni tal-presbiterat, qisu li bit-tħaddim tal-ministeru tat-Tagħlim Imqaddes sa jkollkom sehem mill-missjoni ta’ Kristu, l-Imgħallem waħdieni. Qassmu lil kulħadd dik il-Kelma ta’ Alla, li intom stess irċivejtu bil-ferħ, sa minn ċkunitkom. Aqraw u mmeditaw ta’ spiss il-Kelma ta’ Alla biex temmnu dak li tkunu qrajtu, tgħallmu dak li tkunu fhimtu bil-fidi, u tgħixu dak li tkunu għallimtu.
Ħa jkun mela għajxien għall-Poplu ta’ Alla t-tagħlim tagħkom, sempliċi, kif kien jitkellem il-Mulej, li kien jidħol fil-qalb. Tagħmlux omeliji intellettwali u elaborati żżejjed: tkellmu b’mod sempliċi, kellmu lill-qlub. U din il-prietka tkun ta’ għajxien veru. U ħa tkun il-ferħ u l-għajnuna tal-fidili anki l-fwieħa ta’ ħajjitkom, għax il-kelma mingħajr l-eżempju tal-ħajja ma tiswiex, aħjar terġa’ lura mnejn tkun ġiet. Il-ħajja doppja hi marda kerha, fil-Knisja.
Mela agħrfu dak li qed tagħmlu. Imitaw dak li tiċċelebraw, għax bis-sehem tagħkom fil-misteru tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej, intom iġġorru l-mewt ta’ Kristu fil-ġisem tagħkom u timxu miegħu lejn ħajja ġdida. Presbiteru li studja forsi ħafna teoloġija u għamel lawrja waħda, jew tnejn, jew tlieta, b’daqshekk ma tgħallimx jerfa’ s-Salib ta’ Kristu, dan ma jiswilux. Ikun studjuż bravu, professur tajjeb, imma mhux saċerdot.
Bil-Magħmudija daħħlu fidili ġodda fil-Poplu ta’ Alla. Bis-Sagrament tal-Penitenza aħfru d-dnubiet f’isem Kristu u l-Knisja. Nitlobkom, nitlobkom f’isem Kristu u l-Knisja li tkunu ħanina, dejjem; mhux li tgħabbu fuq dahar il-fidili toqol li ma jistgħux iġorru, u li lanqas intom ma tistgħu ġġorruh. Minħabba f’dan Ġesù ċanfar lill-imgħallmin tal-liġi u sejħilhom uċuħ b’oħra. Biż-żejt imqaddes serrħu lill-morda. Wieħed mid-dmirijiet – forsi ta’ dwejjaq, anki ta’ tbatija – hu li tmorru tfittxu lill-morda. Agħmluh dan. Iva, sew li jmorru l-fidili lajċi, id-djakni, imma tibqgħux lura milli tmissu l-ġisem ta’ Kristu batut fil-morda: dan iqaddes lilkom, iqarribkom lejn Kristu. Intom u tiċċelebraw ir-riti u tgħollu f’ħafna waqtiet tal-ġurnata t-talb ta’ tifħir u ta’ supplika, issiru leħen għall-Poplu ta’ Alla u għall-bnedmin kollha.
Fl-għarfien li ġejtu magħżula minn fost il-bnedmin u għalihom biex tfittxu l-ħwejjeġ ta’ Alla, ħaddmu bil-ferħ u l-karità sinċiera l-opra saċerdotali ta’ Kristu. Kunu hienja, qatt imdejqa. Hienja. Bil-ferħ tal-qadi ta’ Kristu, imqar qalb it-tbatijiet, qalb it-tilwim, qalb l-istess dnubiet tagħkom. Żommu dejjem quddiem għajnejkom l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb, li ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi. Nitlobkom, tkunux “sinjuri”, tkunux “kjeriċi tal-Istat”, imma ragħajja, ragħajja tal-Poplu ta’ Alla.
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard