QUDDIESA U ORDINAZZJONI EPISKOPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Solennità ta’ San Ġużepp, Għarus tal-Verġni Mqaddsa Marija

It-Tnejn 19 ta’ Marzu 2018

 

Ħuti u wliedi l-aktar għeżież,

 

Nagħmlu tajjeb nirriflettu b’attenzjoni fuq liema responsabbiltà għolja fil-Knisja qed jiġu mgħollija għaliha dawn ħutna. Sidna Ġesù Kristu, mibgħut mill-Missier biex jifdi lill-bnedmin, min-naħa tiegħu bagħat fid-dinja t-Tnax-il Appostlu, biex, mimlija bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, ixandru l-Vanġelu lill-popli kollha u jiġbruhom taħt ragħaj wieħed, biex hekk iqaddsuhom u jmexxuhom lejn is-salvazzjoni.

 

Biex minn nisel għall-ieħor jissoktaw dan il-ministeru appostoliku, it-Tnax ġabru madwarhom kollaboraturi li bit-tqegħid tal-idejn għaddewlhom id-doni tal-Ispirtu li huma rċivew mingħand Kristu, li kien jagħti l-milja tas-sagrament tal-Ordni. Hekk, permezz tas-suċċessjoni ma taqta’ xejn tal-isqfijiet fit-tradizzjoni ħajja tal-Knisja, inżamm dan il-ministeru ewlieni, u l-ħidma tal-Feddej tissokta u tikber sa żminijietna. Fl-isqof imdawwar mill-presbiteri tiegħu jinsab fostkom l-istess Sidna Ġesù Kristu, il-qassis il-kbir ta’ dejjem.

 

Fil-fatt, huwa Kristu li, fil-ministeru tal-isqof jissokta jipprietka l-Vanġelu tas-salvazzjoni u jqaddes lil dawk li jemmnu, permezz tas-sagramenti tal-fidi. Huwa Kristu li fil-paternità tal-isqof ikabbar b’membri ġodda l-ġisem tiegħu, li hu l-Knisja. Hu Kristu li fl-għerf u l-prudenza tal-isqof imexxi lill-poplu ta’ Alla fil-pellegrinaġġ tiegħu fuq din l-art sa ma jasal għall-hena ta’ dejjem.

 

Mela, ilqgħu bil-ferħ u l-gratitudni lil dawn ħutna, li aħna l-isqfijiet bit-tqegħid tal-idejn illum qed inixierku mal-Kulleġġ episkopali. Agħtuhom il-ġieħ li jixraq lill-ministri ta’ Kristu u lil dawk li jqassmu l-misteri ta’ Alla, li f’idejhom huma fdati x-xhieda tal-Vanġelu u l-ministeru tal-Ispirtu għat-tqaddis tal-bnedmin. Ftakru fi kliem Ġesù lill-Appostli: “Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil Dak li bagħatni”.

 

U intom, ħuti l-aktar għeżież, magħżulin mill-Mulej, aħsbu kif intom ġejtu magħżula minn fost il-bnedmin, ġejtu mwaqqfin fil-ħwejjeġ li huma ta’ Alla. Mhux għal ħwejjeġ oħra. Mhux għax-xogħol, mhux għall-mondanità, mhux għall-politika. Fil-fatt, “episkopat” hi kelma oħra għal qadi, u mhux għal xi ġieħ. Għax l-isqof għandu iktar jaqdi milli jaħkem, skont l-amar tal-Imgħallem: “Min irid ikun l-ikbar fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom għandu jkun il-qaddej ta’ kulħadd”. Aħarbu kull tentazzjoni li ssiru prinċpijiet.

 

Xandru l-Kelma f’kull okkażjoni: f’ħinu u barra minn ħinu. Wissu, ċanfru, eżortaw b’qalb kbira u bit-tagħlim. U bit-talb u l-offerta tas-sagrifiċċju għall-poplu tagħkom, mill-milja tal-qdusija ta’ Kristu iksbu l-għana bla qies ta’ Alla. It-talb tal-isqof: l-ewwel xogħol tal-Isqof. Meta għand l-Appostli marru r-romol tal-Ellenisti jgergru għax ma tantx kienu qed jieħdu ħsiebhom, dawn inġabru u, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, ħolqu d-djakonat. U x’jgħid Pietru huwa u jfisser dan? “Intom agħmlu dan, dan u dan; u ħallu għalina t-talb u x-xandir tal-Kelma” (ara Atti 6:1-7). L-ewwel ħidma tal-isqof hi t-talb. Isqof li ma jitlobx ma jkunx iwettaq dmiru, ma jkunx iwettaq il-vokazzjoni tiegħu.

 

Fil-Knisja fdata lilkom kunu ħarriesa fidili u qassmu l-misteri ta’ Kristu, imqiegħda mill-Missier f’ras il-familja tiegħu; imxu dejjem fuq l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb, li jaf in-nagħaġ tiegħu, huma jafuh u għalihom ma qagħadx jaħsibha biex jagħti ħajtu.

 

Ħobbu bi mħabba ta’ missier u ta’ aħwa lil dawk kollha li Alla jafdalkom. Qabelxejn, il-presbiteri u d-djakni, kollaboraturi tagħkom fil-ministeru. Jekk jogħġobkom, kunu qrib tal-presbiteri: ħa jkunu jistgħu jsibu lill-isqof dakinhar stess li jfittxuh, jew l-aktar l-aktar l-għada. Qrib tas-saċerdoti. Imma anki qrib tal-foqra, ta’ min m’għandux min jaqbeż għalih u ta’ min għandu bżonn min jilqgħu u jgħinu. Sejħu lill-fidili biex jikkoperaw fil-ħidma appostolika u isimgħuhom minn qalbkom.

 

Kunu attenti għal dawk li ma jagħmlux parti mill-għalqa waħdanija ta’ Kristu, għax huma wkoll ġew fdati lilkom fil-Mulej. Ftakru li fil-Knisja Kattolika, imxierka fir-rabta tal-imħabba, intom magħquda mal-Kulleġġ tal-isqfijiet u jrid ikollkom fikom l-għożża għall-Knejjes kollha, u tgħinu mill-qalb lil dawk li huma l-iżjed fil-ħtieġa tal-għajnuna.

 

U ishru, ishru bi mħabba fuq il-merħla kollha li fiha l-Ispirtu s-Santu qed iqegħidkom biex tmexxu l-Knisja ta’ Alla. U dan agħmluh fl-isem tal-Missier, li tiegħu tagħmlu preżenti x-xbieha; fl-isem ta’ Ġesù Kristu, Ibnu, li fih intom imwaqqfin għalliema, saċerdoti u ragħajja. U fl-isem tal-Ispirtu s-Santu li jagħti ħajja lill-Knisja u bil-qawwa tiegħu jwieżen id-dgħufija tagħna.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard