ORDINAZZJONI EPISKOPALI

TA’ MONS. PETER BRIAN WELLS U

MONS. MIGUEL ÁNGEL AYUSO GUIXOT

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Is-Sibt 19 ta’ Marzu 2016

 

Ħuti u wliedi l-iktar għeżież,

 

Nagħmlu sew nirriflettu b’attenzjoni fuq x’responsabbiltà għolja fil-Knisja qed jingħataw dawn ħutna.

 

Sidna Ġesù Kristu, mibgħut mill-Missier biex jifdi lill-bnedmin, bagħat fid-dinja lit-Tnax-il Appostlu, biex, mimlija bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, ixandru l-Vanġelu lill-ġnus kollha u jiġbruhom flimkien taħt ragħaj wieħed, iqaddsuhom u jmexxuhom lejn is-salvazzjoni.

 

Biex jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra dan il-ministeru appostoliku, it-Tnax ġabru magħhom xi kollaboraturi u bit-tqegħid ta’ l-idejn għaddewlhom id-don ta’ l-Ispirtu li rċivew minn Kristu, li minnu tgħaddi l-milja tas-sagrament ta’ l-Ordni.  Hekk, permezz tas-suċċessjoni bla ma taqta’ ta’ l-isqfijiet fit-tradizzjoni ħajja tal-Knisja nżamm dan il-ministeru ewlieni u l-ħidma ta’ l-Ispirtu tissokta u tiżviluppa sa żmienna.  Fl-Isqof imdawwar mill-presbiteri tiegħu hemm preżenti fostkom l-istess Sidna Ġesù Kristu, il-Qassis il-kbir u għal dejjem.

 

Fil-fatt, hu Kristu li fil-ministeru ta’ l-Isqof jissokta jippriedka l-Vanġelu tas-salvazzjoni u jqaddes lil dawk li jemmnu, permezz tas-sagramenti tal-fidi.  Hu Kristu li fil-paternità ta’ l-Isqof jitma’ lil ġismu b’membri ġodda, dan il-ġisem li hu l-Knisja.  Hu Kristu li fl-għerf u l-għaqal ta’ l-Isqof imexxi l-poplu ta’ Alla fil-pellegrinaġġ tiegħu fuq din l-art sal-ferħ ta’ dejjem.  Kristu li jippriedka, Kristu li jibni lill-Knisja, jagħmilha għammiela, Kristu li jmexxi: dan hu l-Isqof.

 

Mela ilqgħu bil-ferħ u l-gratitudni lil dawn ħutna, li aħna l-Isqfijiet bit-tqegħid ta’ l-idejn il-lum qed inxierku mal-Kulleġġ Episkopali.  Agħtuhom il-ġieħ li jixraq lill-ministri ta’ Kristu u lil dawk li jqassmu l-misteri ta’ Alla, li lilhom hi fdata x-xhieda tal-Vanġelu u l-ministeru ta’ l-Ispirtu għat-tqaddis ta’ l-erwieħ.  Ftakru fi kliem Ġesù lill-Appostli: “Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni”.

 

U intom, aħwa l-iktar għeżież, magħżula mill-Mulej, irriflettu li ġejtu magħżula minn fost il-bnedmin u għall-bnedmin, ġejtu magħżula għall-ħwejjeġ ta’ Alla.  Fil-fatt “episkopat” hu l-isem ta’ qadi, u mhux ta’ xi ġieħ.  Għax l-Isqof iktar għandu d-dmir li jaqdi milli li jaħkem, skond il-kmandament ta’ l-Imgħallem: “Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd”.  Kunu qaddejja.  Ta’ kulħadd: ta’ l-ikbar u ta’ l-iżgħar.  Ta’ kulħadd.  Imma dejjem qaddejja, aqdu.

 

Xandru l-Kelma f’kull okkażjoni: f’ħinu u barra minn ħinu.  Wissu, ċanfru, eżortaw bl-ikbar tjieba u bit-tagħlim.  U permezz tat-talb u ta’ l-offerta tas-sagrfiċċju għall-poplu tagħkom, ixorbu mill-milja tal-qdusija ta’ Kristu l-għana bla qies tal-grazzja divina.  Tinsewx li l-ewwel xogħol ta’ l-Isqof hu t-talb.  Dan qalu Pietru, dak in-nhar ta’ l-għażla tas-seba’ djakni.  It-tieni ħidma, ix-xandir tal-Kelma.  Imbagħad jiġu l-ħwejjeġ l-oħra.  Imma l-ewwel it-talb.  Jekk isqof ma jitlobx, ma jista’ jagħmel xejn.

 

Fil-Knisja fdata f’idejkom kunu ħarriesa u qassâma fidili tal-misteri ta’ Kristu, imqiegħda mill-Missier f’ras il-familja tiegħu, u imxu dejjem fuq l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb, li jaf in-nagħaġ tiegħu: wara kull karta hemm persuna.  Wara kull ittra li tirċievu, hemm persuna.  Jalla dik il-persuna ma tkunx barranija għalikom u tkunu kapaċi ssiru tafuha.

 

Ħobbu bi mħabba ta’ missier u ta’ aħwa lil dawk kollha li Alla jafdalkom.  Qabel xejn lill-presbiteri u d-djakni.  Tibki meta tisma’ li presbiteru talab li jkellem lill-Isqof tiegħu u s-segretarja jew is-segretarju qallu: “Għandu ħafna x’jagħmel, qabel tliet xhur oħra ma jistax jarak”.  L-ewwel proxxmu ta’ l-Isqof hu l-presbiteru tiegħu, l-ewwel proxxmu.  Jekk int ma tħobbx lill-ewwel proxxmu, ma tkunx kapaċi tħobb lil kulħadd.  Kunu qrib tal-presbiteri, tad-djakni, tal-kollaboraturi tagħkom fil-ministeru; qrib tal-foqra, ta’ dawk li m’għandhomx min jiddefendihom u dawk li għandhom bżonn min jilaqgħhom u jgħinhom.  Ħarsu lejn il-fidili tagħkom f’għajnejhom!  Mhux fil-vojt, imma fl-għajnejn, biex taraw il-qalb.  U jalla dak il-fidil, sew jekk ikun presbiteru, sew jekk djaknu jew lajk, ikun jista’ jara l-qalb tiegħek.  Imma ħarsu dejjem fl-għajnejn.

 

Uru attenzjoni sħiħa lejn dawk li ma jagħmlux parti mill-maqjel waħdieni ta’ Kristu, għax anki dawn ġew fdati lilkom mill-Mulej.  Ftakru li fil-Knisja Kattolika, miġbura fir-rabta ta’ l-imħabba, intom imxerkin mal-Kulleġġ ta’ l-Isqfijiet u għandkom iġġorru fikom l-għożża għall-Knejjes kollha, u b’qalb ġeneruża tidħlu għal dawk li huma l-iktar fil-bżonn ta’ l-għajnuna.

 

U għassu bi mħabba fuq il-merħla kollha li fiha l-Ispirtu s-Santu qegħidkom biex trieġu lill-Knisja ta’ Alla.  U dan għamluh fl-isem tal-Missier, li tiegħu qed tagħmlu preżenti x-xbieha; f’isem Ġesù Kristu, Ibnu, li għamilkom għalliema, saċerdoti u ragħajja; u f’isem l-Ispirtu s-Santu, li jagħti l-ħajja lill-Knisja u bil-qawwa tiegħu jwieżen id-dgħufija tagħna.

 

Jimxi magħkom il-Mulej, ikun qrib tagħkom f’din it-triq li l-lum qed tibdew.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard