Omelija tal-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku

Konċelebrazzjoni Ewkaristika

fl-ex stadium Romagnoli 

Żjara Pastorali fil-Molise, Campobasso,

Is-Sibt, 5 ta’ Lulju 2014.

 

Lil dawk li jaqduh, il-għerf ħelishom mit-taħbit”  (Għerf 10,9)

L-ewwel qari  fakkarna fil-kwalitajiet tal-għerf divin, li jeħles mill-ħażen u mill-jasar lil dawk li   jaqdu  ‘l-Mulej.  Il-Mulej  ma jżommx ruħu newtrali,  imma bl-għerf tiegħu  jżomm  mal-persuni fraġli, mal-persuni diskriminati u maħkuma, li jintelqu f’idejh b’fiduċja.   Din  hi l-esperjenza ta’ Ġakobb u ta’ Ġużeppi , li nsibuha rakkuntata fit-Testment il-Qadim,  u minnha joħorġu  żewġ aspetti essenzjali tal-ħajja tal-Knisja: il-Knisja hi poplu li jaqdi ‘l Alla; il-Knisja hi poplu li jgħix  il-ħelsien mogħti lilu minn Alla.

L-ewwelnett aħna poplu li jaqdi lil Alla.  Naqduh b’diversi modi, l-aktar  bit-talb u bl-adorazzjoni, bit-tħabbir tal-Vanġelu u bix-xhieda tal-imħabba.   Il-Verġni Marija,  “il-qaddejja tal-Mulej”( Lk 1,38; ara 1,48)  hi dejjem ikona tal-Knisja. Wara  li  l-anġlu  ta  l-aħbar u nisslet fi ħdanha lil Ġesu’, hi malajr marret tħaffef biex tgħin lill-qariba tagħha Eliżabetta, li kienet imdaħħla  sew fiż-żmien. Hekk  Marija turina li t-triq privileġġata biex naqdu lill-Mulej  hi li naqdu lil ħutna fil-bżonn.

Fl-iskola tal-Omm, il-Knisja titgħallem tkun kuljum “qaddejja tal-Mulej”,   lesta li toħroġ biex tmur kulfejn  hemm bżonn, li tkun attenta u tieħu ħsieb iċ-ċkejknin u l-imwarrbin.  Iżda aħna lkoll msejħin  biex inwettqu l-qadi b’imħabba  fir-realtajiet ordinarji tal-ħajja, jiġifieri fil-familja, fil-parroċċa, fuq ix-xogħol, mal-ġirien......Din hi l-imħabba  li ngħixuha kuljum, il-karita’ ordinarja.

Ix-xhieda tal-imħabba hi t-triq per eċċellenza tal-evanġelizzazzjoni.  Il-Knisja, preżenza  ta’ omm u oħt li taqsam mal-oħrajn id-diffikultajiet u l-fraġilta’ tagħhom, dejjem kienet “fuq quddiem” f’din ix-xhieda. B’hekk, il-komunita’ nisranija tfittex li ssawwab fis-soċjeta’ dik “ir-ruħ b’dak l-iżjed” li jwasslek biex tħares aktar ‘l bogħod u  tittama.

Dan qed tagħmluh intom ukoll, għeżież ħuti ta’ din id-Djoċesi,  qed tagħmluh b’ħafna  ġenerożita’ u sostnuti miż-żelu pastorali tal-Isqof tagħkom. U lilkom  ilkoll, saċerdoti, persuni konsagrati, lajċi,  inħeġġiġkom biex tibqgħu miexja f’din it-triq billi taqdu lil Alla fis-servizz li tagħtu  lil ħutkom il-bnedmin u billi xxerrdu ma’ kullimkien il-kultura tas-solidarjeta’. Hemm  ħafna bżonnu dan l-impenn    meta  hemm sitwazzjonijiet  materjali u spiritwali li huma prekarji ħafna, speċjalment  fejn hemm il-problema tan-nuqqas ta’ xogħol, pjaga li titlob  sforz u kuraġġ minn kulħadd. Il-qagħda tax-xogħol hi sfida li titlob responsabbilta’  b’mod partikulari mill-istituzzjonijiet, mill-qasam imprenditorjali u finanzjarju.  Jeħtieġ li d-dinjita’ tal-bniedem tkun fiċ-ċentru ta’ kull perspettiva  u ta’ kull  azzjoni. L-interessi l-oħra, ukoll jekk leġittimi, huma sekondarji. Fiċ-ċentru hemm id-dinjita’ tal-persuna umana! Għaliex?  Għax il-bniedem hu xbieha t’Alla, il-bniedem ġie maħluq fuq ix-xbieha t’ Alla u aħna lkoll xbieha t’Alla!

Il-Knisja hi l-poplu  li jaqdi l-Mulej.  Allura l-poplu  jagħmel esperjenza tal-ħelsien u jgħix f’dan il-ħelsien li jagħtih il-Mulej.  Huwa dejjem il-Mulej li jagħtina l-veru ħelsien. Qabel kollox ninħelsu  mid-dnub, mill-egoiżmu fil-forom kollha tiegħu:  dan il-ħelsien iwassalna biex ningħataw għall-oħrajn u  dan nagħmluh bil-ferħ, bħalma għamlet il-Verġni ta’ Nażaret li kienet ħielsa minnha nnifisha u ma qagħditx taħseb fuq il-kundizzjoni tagħha  - xi ħaġa li bir-raġun  kollu setgħet għamlitha – imma  ħasbet f’min kien  aktar fil-bżonn f’dak il-mument.  Il-ħelsien tagħha f’Alla ssarraf  f’imħabba. Dan hu l-ħelsien li  Alla jagħtina  u jeħtieġ li ma nitilfuhx: il-ħelsien li naduraw lil Alla, li naqdu lil Alla u li naqduh ukoll f’ħutna l-bnedmin.

Bil-grazzja t’Alla,  nagħmlu l-esperjenza  ta’ dan il-ħelsien  fil-komunita’ nisranija meta  aħna nkunu lesti li naqdu lil xulxin.  Meta mingħajr għira, mingħajr partiti, mingħajr seksik..... nkunu lesti  li naqdu lil xulxin; iva naqdu lil xulxin! Allura l-Mulej jeħlisna mill-ambizzjoni u mir-rivalita’ li jeqirdu l-għaqda tal-komunjoni. Jeħlisna min-nuqqas ta’ fiduċja u mis-swied il-qalb – dan is-swied il-qalb hu perikuluż, għax inħossuna mdejqin; attenti għax dan hu perikoluż! Jeħlisna mill-biża’, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament,   jeħlisna milli noqogħdu nibku l-passat, milli ngergru. Anki fil-komunitajiet tagħna jkun hemm  dawn l-atteġġjamenti negattivi, li jwasslu biex il-persuni jaħsbu u jirreferu biss  għalihom infushom,  aktar lesti li jiddefendu ruħhom milli  jagħtu lilhom infushom. Imma,  la  kif għidna fis-Salm responsorjali: “Mulej, int l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi”,   Kristu jeħlisna minn dan in-negattiv kollu li jeżisti fil-ħajja tagħna.  U  allura  d-dixxipli,  aħna dixxipli tal-Mulej, minkejja li dejjem nibqgħu dgħajfa u midinba – għax ilkoll hekk aħna – minkejja dan kollu, aħna msejħin biex ngħixu  b’ferħ u b’kuraġġ il-fidi tagħna, il-komunjoni tagħna ma’ Alla u ma’ ħutna l-bnedmin, l-adorazzjoni lil Alla u msejħin biex naffrontaw b’qawwa l-għeja u t-tiġrib tal-ħajja.

Għeżież ħuti,  jalla l-Verġni mbierka, li intom tqimu taħt it-titlu tal-Madonna tal-Ħelsien, twassalkom biex tiksbu l-ferħ fil-qadi tal-Mulej u  biex timxu fit-triq tal-ħelsien li hu tana:  fil-ħelsien tal-adorazzjoni, tat-talb u tal-qadi lill-oħrajn. Jalla Marija tgħinkom  tkunu Knisja Omm, Knisja  li tilqa’ u li  hi attenta għal kulħadd.  Jalla Marija  dejjem tkun qrib tagħkom, qrib tal-morda tagħkom, tal-anzjani li huma l-għerf tal-poplu, taż-żgħażagħ tagħkom. Jalla hi tkun sinjal ta’ faraġ u ta’ tama għall-poplu tagħkom. Jalla l-Madonna tal-ħelsien timxi magħna, tgħinna, tfarraġna, tagħtina l-paċi u l-ferħ!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard.