KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA MAL-MISSJUNARJI TAL-ĦNIENA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan, Altar tal-Katedra

It-Tlieta fit-II ġimgħa tal-Għid, 10 ta’ April 2018

 

Għadna kemm smajna fil-Ktieb tal-Atti: “B’qawwa kbira l-Appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna” (Atti 4:33).

 

Dan kollu parti mill-Qawmien ta’ Ġesù: minnu toħroġ ix-xhieda tal-Appostli u, permezz tagħha, jitnisslu l-fidi u l-ħajja ġdida tal-membri tal-komunità, bl-istil evanġeliku skjett tagħha.

 

Mill-Qari tal-Quddiesa tal-lum joħorġu tajjeb dawn iż-żewġ aspetti inseparabbli: it-twelid mill-ġdid tal-persuna u l-ħajja tal-komunità. U allura, waqt li ndur fuqkom, għeżież ħuti, naħseb fil-ministeru tagħkom li bdejtu tiżvolġu sa mill-Ġublew tal-Ħniena. Ministeru li jimxi f’dawn iż-żewġ direzzjonijiet: il-qadi tal-persuni, biex “jerġgħu jitwieldu mill-għoli”, u l-qadi tal-komunitajiet, biex jgħixu bil-ferħ u l-koerenza l-kmandament tal-imħabba.

 

Il-Kelma ta’ Alla f’dan is-sens illum toffri żewġ indikazzjonijiet li rrid infakkarkom fihom, jiena u naħseb proprju fil-missjoni tagħkom.

 

Il-Vanġelu jfakkar li min hu msejjaħ jagħti xhieda tal-Qawmien ta’ Kristu għandu hu stess, l-ewwel nett, “jitwieled mill-għoli” (ara Ġw 3:7). Inkella nispiċċaw insiru bħal Nikodemu li, imqar jekk kien mgħallem f’Iżrael, ma fehemx il-kliem ta’ Ġesù meta qallu li biex “jara s-saltna ta’ Alla” ried “jitwieled mill-għoli”, jitwieled “mill-ilma u l-Ispirtu” (ara vv. 3-5). Nikodemu ma fehemx il-loġika ta’ Alla, li hija l-loġika tal-grazzja, tal-ħniena, li biha min jiċċekken jitkabbar, min joqgħod l-aħħar jiġi l-ewwel, min jagħraf li hu marid jiġi mfejjaq. Dan ifisser inħallu l-ewwel post lill-Missier, lil Ġesù u lill-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna. Attenti: mhux qed ngħid li nsiru qassisin “ippossessati”, bħallikieku konna depożitarji ta’ xi kariżma straordinarja. Le. Qassisin normali, sempliċi, umli, bilanċjati, imma li kapaċi l-ħin kollu nħallu lill-Ispirtu jnissilna mill-ġdid, doċli għall-qawwa tiegħu, ħielsa minn ġewwa – qabelxejn minna nfusna – għax misjuqa mir-“riħ” tal-Ispirtu li jonfoħ fejn irid hu (ara Ġw 3:8).

 

It-tieni indikazzjoni hi dwar il-qadi lill-komunità: inkunu qassisin li kapaċi “nerfgħu” fid-“deżert” tad-dinja s-sinjal tas-salvazzjoni, jiġifieri s-Salib ta’ Kristu, bħala għajn ta’ konverżjoni u ta’ tiġdid għall-komunità kollha u għad-dinja stess (ara Ġw 3:14-15). B’mod partikulari, irrid nisħaq li l-Mulej li miet u rxoxta hu l-qawwa li toħloq il-komunjoni fil-Knisja u, permezz tal-Knisja, fost il-bnedmin kollha. Dan qalu Ġesù qabel il-Passjoni: “U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw 12:32). Din il-qawwa ta’ komunjoni dehret sa mill-bidu fil-komunità ta’ Ġerusalemm fejn – kif jgħidilna l-Ktieb tal-Atti – “il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda” (4:32). Kienet komunjoni li kienet tinbidel fi qsim konkret tal-ġid, fejn “kellhom kollox flimkien” (v. ibid.) u “ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn” (v. 34). Imma dan l-istil ta’ ħajja tal-komunità kien anki “jittieħed” minn barra: il-preżenza ħajja ta’ Kristu Rxoxt tipproduċi qawwa li tiġbed lejha u li, permezz tax-xhieda tal-Knisja u permezz tad-diversi xorta ta’ tħabbir tal-Bxara t-Tajba, tfittex tilħaq lil kulħadd, ħadd eskluż. Intom, għeżież ħuti, qiegħdu għall-qadi ta’ dan id-dinamiżmu anki l-ministeru speċifiku tagħkom ta’ Missjunarji tal-Ħniena. Fil-fatt, kemm il-Knisja u kemm id-dinja tal-lum għandhom partikularment bżonn tal-Ħniena biex l-għaqda mixtieqa minn Alla fi Kristu tegħleb l-għemil negattiv tal-ħażin li japprofitta minn tant mezzi ta’ żmienna, fihom infushom tajbin, imma li, użati ħażin, flok jgħaqqdu, jifirdu. Aħna konvinti li “l-għaqda hi aqwa mill-kunflitt” (Evangelii gaudium, 228), imma nafu wkoll li mingħajr il-Ħniena dan il-prinċipju m’għandux il-qawwa li jitwettaq fil-konkret tal-ħajja u tal-istorja.

 

Għeżież ħuti, morru lura minn din il-laqgħa ferħana li ġejtu mwettqa fil-ministeru tal-Ħniena. Imwettqa qabelxejn fil-fiduċja grata li intom l-ewwel nies li ġejtu msejħa titwieldu dejjem mill-ġdid “mill-għoli”, mill-imħabba ta’ Alla. U fl-istess waqt imwettqa fil-missjoni li toffru lil kulħadd is-sinjal ta’ Ġesù “merfugħ” mill-art, biex il-komunità tkun sinjal u strument ta’ għaqda fid-dinja.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard