QUDDIESA TA’ NOFS IL-LEJL

IT-TWELID TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħamis 24 ta’ Diċembru 2015

 

F’dan il-lejl jixgħel “dawl kbir” (Is 9:1); fuqna lkoll jiddi d-dawl tat-twelid ta’ Ġesù.  Kemm hu minnu u jgħodd għal-lum kliem il-Profeta Isaija li għadna kemm smajna: “Int kattart il-ġens, kabbart l-hena” (9:2)!  Qalbna diġà kienet imfawra bil-ferħ għall-istennija ta’ dan il-waqt; issa, imma, dan is-sentiment jitkattar u jikber bla qies, għax il-wegħda seħħet, fl-aħħar twettqet.  Il-ferħ u l-kuntentizza jiżgurawna li l-messaġġ tal-misteru ta’ dan il-lejl tassew ġej minn Alla.  M’hemmx lok għad-dubju; inħalluh għax-xettiċi li biex jinterrogaw biss ir-raġuni ma jsibu qatt il-verità.  M’hemmx lok għall-indifferenza, li ssaltan fil-qalb ta’ min ma jafx kif iħobb, għax jibża’ li ħa jitlef xi ħaġa.  Titkeċċa kull diqa, għax it-tarbija Ġesù hi dik li tassew tfarraġ il-qalb.

 

Il-lum twieled l-Iben ta’ Alla: kollox inbidel.  Il-Feddej tad-dinja jiġi biex jieħu sehem fin-natura tagħna ta’ bnedmin, m’għadniex waħidna u mitluqa.  Il-Verġni toffrilna lil Binha bħala bidu ta’ ħajja ġdida.  Id-dawl veru jiġi biex idawwal il-ħajja tagħna, spiss magħluqa fid-dell tad-dnub.  Il-lum niskopru mill-ġdid min aħna!  F’dan il-lejl naraw il-mixja li għandna nterrqu biex nilħqu d-destinazzjoni tagħna.  Issa, jeħtieġ jintemm kull biża’ u twerwir, għax id-dawl qed jurina t-triq lejn Betlehem.  Ma nistgħux nibqgħu wieqfa.  M’hux permess lilna ma nitħarrkux.  Irridu mmorru naraw lill-Feddej tagħna mfisqi f’maxtura.  Araw x’inhi r-raġuni tal-ferħ u tal-kuntentizza tagħna: din it-Tarbija “twieldet għalina”, hi “mogħtija għalina”, kif iħabbar Isaija (ara 9:5).  Lil poplu li ilu elfejn sena miexi fit-toroq kollha tad-dinja biex lil kull bniedem jagħtih sehem f’dan il-ferħ, tiġi fdata l-missjoni li jxandar lill-“Prinċep tas-sliem” u jsir strument effikaċi tiegħu qalb il-ġnus.

 

Mela, meta nisimgħu lil min jitkellem fuq it-twelid ta’ Kristu, nibqgħu fis-skiet u nħallu lil din it-Tarbija tkellimna hi; nistampaw il-kelmiet tiegħu fil-qalb tagħna mingħajr ma nwarrbu ħarsitna minn fuq wiċċu.  Jekk naqbduh bejn dirgħajna u nħalluh jgħannaqna miegħu, iġibilna l-paċi tal-qalb li ma tintemm qatt.  Din it-Tarbija tgħallimna x’inhu tabilħaqq essenzjali fil-ħajja tagħna.  Jitwieled fil-faqar tad-dinja, għax għalih u għall-familja tiegħu m’hemmx post fil-lukanda.  Isib kenn u sostenn fi stalla u jitqiegħed f’maxtura ta’ l-annimali.  U safrattant, minn dan ix-xejn, joħroġ id-dawl tal-glorja ta’ Alla.  Minn hawn, għall-bnedmin ta’ qalb twajba tibda t-triq tal-ħelsien veru u tal-fidwa dejjiema.  Minn din it-Tarbija, li ġġorr fuq wiċċha l-marki tat-tjieba, tal-ħniena u ta’ l-imħabba ta’ Alla l-Missier, joħroġ għad-dixxipli kollha tagħha, kif jgħallem l-Appostlu Pawlu, l-impenn li “inwarrbu l-ħażen” u l-għana tad-dinja, biex ngħixu “bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba” (Tit 2:12).

 

F’soċjetà spiss xurbana bil-konsum u l-pjaċir, l-abbundanza u l-lussu, id-dehra ta’ barra u n-narċisiżmu, Hu jsejħilna għal imġiba fir-rażan, jiġifieri sempliċi, ibbilanċjata, koerenti, kapaċi tifhem u tgħix l-essenzjal.  F’dinja li ħafna drabi hi iebsa mal-midneb u ratba mad-dnub, hemm bżonn inrawmu sens qawwi tal-ġustizzja, fejn infittxu u nqiegħdu fil-prattika r-rieda ta’Alla.  F’kultura ta’ l-indifferenza, li mhux darba jew tnejn tispiċċa tkun qalbha ħażina u kiefra, l-istil ta’ ħajjitna għandu jkun mimli bit-tjieba, bl-empatija, bil-kompassjoni, bil-ħniena, waqt li ta’ kuljum jixrob mill-għajn tat-talb.

 

Kif ġralhom ir-ragħajja ta’ Betlehem, ħalli għajnejna wkoll jimtlew bl-għoġba, u nikkontemplaw f’Ġesù Tarbija lill-Iben ta’ Alla.  U, quddiemu, ħa tnixxi minn qlubna t-talba: “Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, u s-salvazzjoni tiegħek agħtina” (Salm 85:8).

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard