QUDDIESA TA’ BIL-LEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika tal-Vatikan - It-Tlieta 24 ta’ Diċembru 2013

 

1. “Il-poplu li kien miexi fid-dlam, ra dawl kbir” (Is 9:1).

 

Din il-profezija ta’ Isaija qatt ma tieqaf tqanqalna, speċjalment meta nisimgħuha fil-Liturġija tal-Lejl tal-Milied.  U din m’hix biss ħaġa emottiva, sentimentali; tqanqalna għax turina r-realtà profonda ta’ dak li aħna: aħna poplu f’mixja, u madwarna – u anki ġo fina – hemm id-dlam u d-dawl.  U f’dan il-lejl, waqt li l-ispirtu tad-dlam ikebbeb fih id-dinja, tiġġedded il-ġrajja li dejjem tħallina mistagħġba u tissorprendina: il-poplu li kien miexi, jilmaħ dawl kbir.  Dawl li jġagħilna nirriflettu fuq dan il-misteru: il-misteru li nimxu u naraw.

 

Nimxu.  Dan il-verb ifakkarna fil-medda ta’ l-istorja, f’dik il-mixja twila li hi l-istorja tas-salvazzjoni, ibda minn Abraham, missierna fil-fidi, li l-Mulej jum wieħed sejjaħlu biex jitlaq, biex joħroġ minn pajjiżu biex jimxi lejn art li Hu kien sa jurih.  Minn dak in-nhar, l-identità tagħna ta’ nies li nemmnu hi dik ta’ poplu pellegrin lejn l-art imwiegħda.  Din l-istorja dejjem għandha jakkumpanjaha lill-Mulej!  Hu jibqa’ dejjem fidil lejn il-patt tiegħu u lejn il-wegħdiet li għamel.  Għax hu fidil, “Alla hu dawl u ebda dlam ma hemm fih” (1 Ġw 1:5).  Imma min-naħa tal-poplu, insibu kemm mumenti ta’ dawl u ta’ dlam, ta’ fedeltà u ta’ infedeltà, ta’ ubbidjenza u ta’ ribelljoni; mumenti ta’ poplu pellegrin u mumenti ta’ poplu vagabond.

 

Anki fl-istorja personali tagħna nsibu mumenti ta’ dawl u oħrajn imdallma, dwal u dellijiet.  Jekk inħobbu lil Alla u lil ħutna, nimxu fid-dawl, imma jekk qalbna tingħalaq, jekk fina jirbħu l-kburija, il-gideb, li nfittxu l-interessi tagħna, allura fina u madwarna jaqgħu d-dlamijiet.  “Min jobgħodil ħuh, jinsab fid-dlam, jimxi fid-dlam, u ma jafx fejn hu sejjer, għax id-dlam għamielu għajnejh” (1 Ġw 2:11).  Poplu f’mixja, imma poplu pellegrin li ma jridx li jkun poplu vagabond.

 

2. F’dan il-lejl, tinstema’ mill-ġdid bħal raġġ ta’ dawl l-iżjed ċar it-tħabbira ta’ l-Appostlu: Għax dehret il-grazzja ta’ Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha” (Tit 2:11).

 

Il-grazzja li dehret fid-dinja hi Ġesù, imwieled minn Marija Verġni, veru Alla u veru bniedem.  Hu ġie fl-istorja tagħna, qasam magħna l-mixja tagħna.  Ġie biex jeħlisna mid-dlamijiet u jagħtina d-dawl.  Fih dehret il-grazzja, il-ħniena, il-ħlewwa tal-Missier: Ġesù hu l-Imħabba li saret laħam.  M’hux sempliċement għalliem għaref, m’hux xi ideal li lejh nimmiraw u li nafu li għadna mbegħdin sew minnu, hu s-sens ta’ ħajjitna u ta’ l-istorja li waqqaf l-għamara tiegħu f’nofsna.

 

3. Ir-rgħajja kienu l-ewwel nies li raw din l-“għamara”, li laqgħu l-bxara tat-twelid ta’ Ġesù.  Kienu l-ewwel għax kienu fost dawk ta’ l-aħħar, l-imwarrbin.  U kienu l-ewwel għax baqgħu jishru matul il-lejl, huma u jgħassu l-merħliet tagħhom.  Għall-pellegrin hi regola li jishar, u huma jishru.  Magħhom nieqfu quddiem il-Bambin, nieqfu fis-skiet.  Magħhom irroddu ħajr lill-Mulej li tana lil Ġesù, u magħhom inħallu jitla’ mill-qiegħ nett ta’ qalbna t-tifħir għall-fedeltà tiegħu: Inberkuk, Mulej Alla l-Aktar Għoli, li tbaxxejt għalina.  Int wisq kbir, imma għalina ċċekkint; int għani, imma għalina ftaqart; int tista’ kollox, imma għalina sirt dgħajjef.

 

F’dan il-Lejl naqsmu flimkien il-ferħ tal-Vanġelu: Alla jħobbna, tant iħobbna li tana lil Ibnu bħala ħuna, bħala dawl li jinfed id-dlamijiet tagħna.  Il-Mulej itennilna: “La tibżgħux” (Lq 2:10).  Kif qalu l-anġli lir-rgħajja: “La tibżgħux”.  U anki jien intenni lilkom ilkoll: La tibżgħux!  Missierna hu paċenzjuż, iħobbna, jagħtina lil Ġesù biex idawwalna fil-mixja tagħna lejn l-art imwiegħda.  Hu d-dawl li jdawwal id-dlamijiet.  Hu l-ħniena: Missierna jaħfrilna dejjem.  Hu l-paċi tagħna.  Amen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard