VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIS-SRI LANKA U L-FILIPPINI

(12-19 TA’ JANNAR 2015)

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Rizal Park, Manila

Il-Ħadd 18 ta’ Jannar 2015

 

“Tweldilna tifel, ingħatalna iben” (Is 9:5).  Għalija hu ta’ ferħ partikulari li niċċelebra magħkom il-Ħadd tas-Santo Niño (il-Bambin Imqaddes).  Ix-xbieha tat-Tfajjel Imqaddes Ġesù sieħbet sa mill-bidu tiegħu t-tixrid tal-Vanġelu f’dan il-pajjiż.  Liebes l-ilbies regali, inkurunat u bix-xettru, il-globu u s-salib f’idejh, Hu jfakkarna kontinwament fir-rabta bejn is-Saltna ta’ Alla u l-misteru tat-tfulija spiritwali.  Hu jkellimna dwar dan fil-Vanġelu tal-lum: “Min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken, ma jidħolx fiha” (Mk 10:15).  Il-Bambin Imqaddes ikompli jxandar li d-dawl tal-grazzja ta’ Alla idda fuq dinja li kienet qed tgħammar fid-dlamijiet, u jwasslilha l-Bxara t-Tajba tal-ħelsien tagħha mill-jasar, u jmexxina fit-triq tal-paċi, tas-sewwa u tal-ġustizzja.  Barra minn hekk, hu jfakkarna li ġejna msejħa biex inxerrdu s-Saltna ta’ Kristu fid-dinja.

 

Matul iż-żjara tiegħi smajtkom tkantaw l-innu “Aħna lkoll ulied Alla”.  Dan hu dak li l-Bambin Imqaddes ġie biex jgħidilna.  Ifakkarna fl-identità l-aktar profonda tagħna.  Aħna lkoll ulied Alla, membri tal-familja ta’ Alla.  Il-lum San Pawl qalilna li fi Kristu sirna wlied adottivi ta’ Alla, aħwa ta’ Kristu.  Dan hu dak li aħna.  Din hi l-identità tagħna.  Ilmaħna espressjoni mill-isbaħ ta’ dan meta l-Filippini nġabru lkoll madwar ħuthom milquta mit-tifun.

 

L-Appostlu jgħidilna li, sa mill-mument li Alla għażilna, aħna ġejna mbierka bil-kotra!  Alla “berikna b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet fi Kristu” (Efes 1:3).  Dawn il-kelmiet jidwu b’mod speċjali fil-Filippini, għax huma l-ewwel pajjiż Kattoliku fl-Asja; dan diġà hu don speċjali ta’ Alla, barka speċjali.  Imma hu wkoll vokazzjoni.  Il-Filippini huma msejħa jkunu missjunarji eċċellenti tal-fidi fl-Asja.

 

Alla għażilna u berikna għal skop: biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu (Efes 1:4).  Hu għażel lil kull wieħed u waħda minna biex inkunu f’din id-dinja xhieda tal-verità tiegħu u tal-ġustizzja tiegħu.  Ħalaq id-dinja bħal ġnien il-ġmiel tiegħu u talabna nieħdu ħsiebu.  Madankollu, bid-dnub, il-bniedem sfigura dak il-ġmiel naturali; bid-dnub, il-bniedem qered ukoll l-għaqda u l-ġmiel tal-familja tagħna tal-bnedmin, u ħoloq stutturi soċjali li għamlu mill-faqar, l-injoranza u l-korruzzjoni realtà permanenti.

 

Xi kultant, meta naraw il-problemi, id-diffikultajiet u l-inġustizzji, aħna ttentati nċedu l-armi.  Kważi jidher li l-wegħdiet tal-Vanġelu ma jistgħu qatt jitwettqu, m’humiex reali.  Imma l-Bibbja tgħidilna li t-theddida kbira għall-pjan ta’ Alla għalina hi u minn dejjem kienet il-gidba.  Ix-xitan hu missier il-gidba.  Spiss hu jaħbi l-perikli tiegħu taħt dak li jidher sofistikat, il-faxxinu ta’ li nkunu “moderni”, li nkunu “bħall-oħrajn kollha”.  Hu jiddistrana bl-illużjoni ta’ pjaċiri li jgħaddu u passatempi superfiċjali.  B’dan il-mod aħna naħlu d-doni li rċivejna minn għand Alla, u minflok, noqogħdu nilagħbu bi ħwejjeġ vojta; inberbqu flusna fil-logħob ta’ l-azzard u fix-xorb; ningħalqu fina nfusna.  Ninsew li għandna nibqgħu tfal minn ġewwa.  Dan hu d-dnub: meta fil-qalb tagħna ninsew li aħna wlied Alla.  It-tfal, fil-fatt, kif jgħallimna l-Mulej, għandhom ċertu għerf tagħhom, li m’hux l-għerf tad-dinja.  U għalhekk il-messaġġ tal-Bambin Imqaddes hu daqshekk importanti.  Hu jkellem lil kull wieħed u waħda minna fil-fond ta’ qalbna.  Ifakkarna x’inhi l-identità profonda tagħna, dak li aħna msejħa nkunu bħala familja ta’ Alla.

 

Il-Bambin Imqaddes ifakkarna wkoll li din l-identità rridu nħarsuha.  Kristu Tarbija hu l-protettur ta’ dan il-pajjiż kbir.  Meta Hu ġie f’din id-dinja, l-istess ħajtu sabet ruħha mhedda minn re korrott.  Ġesù nnifsu sab ruħu fil-bżonn tal-protezzjoni.  Hu kellu ħarries tiegħu fuq din l-art: San Ġużepp.  Kellu familja hawn fid-dinja: il-Familja Mqaddsa ta’ Nazareth.  B’dan il-mod Hu jfakkarna fl-importanza li nħarsu l-familji tagħna u lil dik il-familja kbira li hi l-Knisja, il-familja ta’ Alla, u lid-dinja, il-familja umana tagħna.  B’xorti ħażina l-lum il-familja għandha bżonn li tiġi mħarsa minn attakki perikulużi u minn programmi li jmorru kontra dak kollu li aħna nżommu b’veru u qaddis, dak kollu li fil-kultura tagħna hu l-aktar nobbli u sabiħ.

 

Fil-Vanġelu Ġesù jilqa’ lit-tfal, jgħannqahom miegħu u jberikom.  Anki aħna għandna d-dmir li nħarsu, niggwidaw u ninkuraġġixxu liż-żgħażagħ tagħna, u ngħinuhom jibnu soċjetà denja tal-wirt spiritwali u kulturali kbir tagħha.  B’mod speċifiku, għandna bżonn inħarsu lejn kull tifel u tifla bħala don li jrid jiġi milqugħ, maħbub u mħares.  U rridu nieħdu ħsieb taż-żgħażagħ, u ma nħallux lil min jisirqilhom it-tama u jikkundannahom għall-ħajja fit-triq.

 

Hi tarbija dgħajfa li ġġib it-tjieba ta’ Alla, il-ħniena u l-ġustizzja fid-dinja.  Hu waqaf kontra d-diżonestà u l-korruzzjoni, li huma l-wirt tad-dnub, u rebaħ fuqhom bil-qawwa tas-salib.  Issa, fi tmiem iż-żjara tiegħi fil-Filippini, nafdakom f’idejH, f’idejn Ġesù li ġie fostna bħala tarbija.  Hu jista’ jagħmel li l-poplu maħbub kollu ta’ dan il-pajjiż jaħdem magħqud, fejn wieħed jipproteġi lill-ieħor, ibda mill-familji u l-komunitajiet tagħkom, fil-bini ta’ dinja ta’ ġustizzja, onestà u paċi.  Il-Bambin Imqaddes jissokta jbierek il-Filippini u jwieżen l-Insara ta’ dan in-nazzjon kbir fis-sejħa tagħhom li jkunu xhieda u missjunarji tal-ferħ tal-Vanġelu, fl-Asja u fid-dinja kollha.

 

Nitlobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-Mulej iberikkom!

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard