VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIS-SRI LANKA U L-FILIPPINI

(12-19 TA’ JANNAR 2015)

QUDDIESA MA’ L-ISQFIJIET, IS-SAĊERDOTI U R-RELIĠJUŻI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Katidral ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, Manila

Il-Ġimgħa 16 ta’ Jannar 2015

 

“Tħobbni int?” [in-nies: “Iva!”]  Grazzi!  Imma jien kont qed naqra l-kelma ta’ Ġesù!  Jgħid il-Mulej: “Tħobbni int?…  Irgħa n-ngħaġ tiegħi” (Ġw 21:15,16).  Kliem Ġesù lil Pietru fil-Vanġelu tal-lum hu l-ewwel kliem li nixtieq ngħid lilkom, għeżież ħuti Isqfijiet u Saċerdoti, Reliġjużi rġiel u nisa, u Seminaristi żgħażagħ.  Dan il-kliem ifakkarna f’ħaġa essenzjali: kull ministeru pastorali jitwieled mill-imħabba.  Kull ministeru pastorali jitwieled mill-imħabba!  Kull ħajja kkonsagrata hi sinjal ta’ l-imħabba rikonċiljatriċi ta’ Kristu.  Bħal Santa Tereża ta’ Ġesù Bambin, fil-varjetà tas-sejħat tagħna, kull wieħed u waħda minna hu msejjaħ, b’xi mod, biex ikun l-imħabba fil-qalb tal-Knisja.

 

Insellmilkom minn qalbi.  U nitlobkom biex twasslu l-imħabba tiegħi lil ħutkom kollha anzjani u morda u lil dawk kollha li ma setgħux jingħaqdu magħna hawn il-lum.  Waqt li l-Knisja fil-Filippini qed tħares ’il quddiem lejn il-ħames ċentinarju ta’ l-evanġelizzazzjoni tagħha, inħossuna grati għall-wirt li ħallewlna tant isqfijiet, saċerdoti u reliġjużi tal-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija.  Huma ħabirku mhux biss biex jippriedkaw il-Vanġelu u jibnu l-Knisja f’dan il-pajjiż, imma anki biex isawru soċjetà mnebbħa mill-messaġġ evanġeliku tal-karità, tal-maħfra u tas-solidarjetà għall-qadi tal-ġid komuni.  Il-lum intom qed tkomplu twettqu dik l-opra ta’ mħabba.  Bħalhom, intom imsejħin tibnu pontijiet, tirgħu l-merħla ta’ Kristu, u tħejju toroq validi għall-Vanġelu fl-Asja fiż-żerniq ta’ era ġdida.

 

L-imħabba ta’ Kristu ġġegħelna naħsbu dan” (2 Kor 5:14).  Fl-Ewwel Qari tal-lum San Pawl jgħidilna li l-imħabba li aħna msejħin inxandru hi mħabba li ġġib rikonċiljazzjoni, li ħierġa mill-qalb tal-Feddej mislub.  Aħna msejħin biex “nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu” (2 Kor 5:20).  Dan tagħna hu ministeru ta’ rikonċiljazzjoni.  Inħabbru l-Bxara t-Tajba ta’ l-imħabba, tal-ħniena u tal-kompassjoni bla tarf ta’ Alla.  Inxandru l-ferħ tal-Vanġelu.  Għax il-Vanġelu hu l-wegħda tal-grazzja ta’ Alla, li waħidha tista’ tagħti l-milja u l-fejqan mill-ġdid lid-dinja marida tagħna.  Il-Vanġelu jista’ jnebbaħ għall-binja ta’ ordni soċjali tabilħaqq ġust u mifdi.

 

Li nkunu ambaxxaturi ta’ Kristu jfisser qabel xejn li nistiednu lil kull persuna għal laqgħa mġedda ma’ Sidna Ġesù (ara Evangelii gaudium, 3).  Il-laqgħa personali tagħna miegħU.  Din l-istedina trid tkun fiċ-ċentru tat-tifkira li ħa tagħmlu ta’ l-evanġelizzazzjoni tal-Filippini.  Imma l-Vanġelu hu wkoll sejħa għall-konverżjoni, għal eżami tal-kuxjenza tagħna, bħala individwi u bħala poplu.  Kif l-Isqfijiet tal-Filippini ġustamet għallmu, il-Knisja fil-Filippini hi msejħa tagħraf u tiġġieled il-kawżi tan-nuqqas ta’ ugwaljanza u l-inġustizzja, li għandhom għeruq fondi, li qed jheddu l-wiċċ tas-soċjetà Filippina, f’kuntrast ovvju mat-tagħlim ta’ Kristu.  Il-Vanġelu jsejjaħ lil kull Nisrani jgħix ħajja onesta, integra u impenjata għall-ġid komuni.  Imma jsejjaħ ukoll lill-komunitajiet Insara biex joħolqu “ċrieki ta’ onestà”, xbieki ta’ solidarjetà li jistgħu jinfirxu fis-soċjetà biex jibdluha bix-xhieda profetika tagħhom.

 

Il-foqra.  Il-foqra huma fil-qalba tal-Vanġelu; jekk inneħħu l-foqra mill-Vanġelu, ma nistgħux nifhmu b’mod sħiħ il-messaġġ ta’ Ġesù Kristu.  Bħala ambaxxaturi ta’ Kristu, aħna, isqfijiet, saċerdoti u reliġjużi, irridu nkunu minn ta’ l-ewwel li nilqgħu l-grazzja tiegħu ta’ rikonċiljazzjoni fil-qlub tagħna.  San Pawl jgħid dan xi jfisser.  Ifisser li nirrifjutaw il-perspettivi tad-dinja, u nħarsu lejn kull ħaġa mill-ġdid fid-dawl ta’ Kristu.  Dan jitlob li aħna nkunu l-ewwel nies li neżaminaw il-kuxjenza tagħna, li nagħrfu l-fallimenti u l-waqgħat tagħna u naqbdu t-triq tal-konverżjoni kontinwa, tal-konverżjoni ta’ kuljum.  Kif nistgħu nxandru lill-oħrajn l-element ġdid u l-qawwa ħelliesa tas-Salib, jekk propju aħna ma nħallux il-Kelma ta’ Alla theżżeż il-kburija tagħna, il-biża’ tagħna li ninbidlu, il-kompromessi msejkna tagħna mal-mentalità ta’ din id-dinja, il-mondanità spiritwali tagħna (ara Evangelii gaudium, 93)?

 

Għalina saċerdoti u persuni kkonsagrati, konverżjoni għall-[element] ġdid tal-Vanġelu titlob laqgħa ta’ kuljum mal-Mulej fit-talb.  Il-qaddisin jgħallmuna li din hi l-għajn ta’ kull żelu appostoliku!  Għar-reliġjużi, li jgħixu l-ġdid tal-Vanġelu jfisser isibu dejjem mill-ġdid fil-ħajja u fl-appostolat tal-komunità l-inċentiv għal għaqda dejjem ikbar mal-Mulej fl-imħabba perfetta.  Għalina lkoll, ifisser ngħixu b’mod li nistgħu nirriflettu l-faqar ta’ Kristu, li ħajtu kollha kienet iddur ma’ li jwettaq ir-rieda tal-Missier u jaqdi lill-oħrajn.  It-theddida l-kbira għal dan, naturalment, hi li naqgħu f’ċertu materjaliżmu li jista’ jgħolli rasu f’ħajjitna u jikkomprometti x-xhieda li noffru.  Huwa biss jekk insiru foqra aħna stess, u ma noqogħdux nogħġbu lilna nfusna, li nistgħu nidentifikaw ruħna ma’ l-iċken fost ħutna.  Naraw l-affarijiet taħt dawl ġdid u hekk inkunu nistgħu nwieġbu b’onestà u integrità għall-isfida li nħabbru r-radikalità tal-Vanġelu f’soċjetà iktar imdorrija għall-esklużjoni, il-polarizzazzjoni u n-nuqqas skandaluż ta’ l-ugwaljanza.

 

Hawn nixtieq ngħid kelma speċjali lis-saċerdoti u reliġjużi żgħażagħ u lis-seminaristi preżenti.  Nitlobkom taqsmu l-ferħ u l-entużjażmu ta’ mħabbitkom lejn Kristu u lejn il-Knisja ma’ kulħadd, imma fuq kollox ma’ sħabkom ta’ l-età tagħkom.  Kunu preżenti qalb iż-żgħażagħ li forsi jħossuhom imħawda u mirbuħa, imma li xorta jibqgħu jaraw il-Knisja bħala s-sieħba tagħhom fil-mixja u għajn ta’ tama.

 

Kunu qrib ta’ dawk li, huma u jgħixu qalb soċjetà mtaqqla mill-faqar u l-korruzzjoni, jaħbtu jaqtgħu qalbhom, huma ttentati jabbandunaw kollox, jitilqu l-iskola u jgħixu fit-triq.  Xandru l-ġmiel u l-verità taż-żwieġ Nisrani lil soċjetà li hi mġarrba minn modi mħawda ta’ kif tħares lejn is-sesswalità, iż-żwieġ u l-familja.  Kif tafu, dawn ir-realtajiet qed jisfaw dejjem iżjed taħt l-attakk ta’ qawwiet b’saħħithom li qed jheddu li jbiċċru l-pjan kreattiv ta’ Alla u jittradixxu l-valuri veri li nebbħu u sawru dak li hu sabiħ fil-kultura tagħkom.

 

Fil-fatt, il-kultura Filippina ntgħaġnet mill-kreattività tal-fidi.  Il-Filippini huma magħrufa kullimkien għall-imħabba tagħhom lejn Alla, għall-pjetà ħajja tagħhom u għad-devozzjoni kbira u kollha mħabba tagħhom lejn il-Madonna u r-Rużarju tagħha.  Dan il-wirt kbir fih potenzjal missjunarju qawwi.  Hu l-mod li bih il-poplu tagħkom inkultura l-Vanġelu u qed ikompli jilqa’ l-messaġġ tiegħu (ara Evangelii gaudium, 122).  Fl-impenn tagħkom ta’ tħejjija għall-ħames ċentinarju, ibnu fuq din il-bażi b’saħħitha.

 

Kristu miet għal kulħadd, biex, magħqudin miegħU fil-mewt tiegħu, nistgħu ngħixu mhux iżjed għalina nfusna imma għaliH (ara 2 Kor 5:15).  Għeżież Isqfijiet, Saċerdoti u Reliġjużi, nitlob lil Marija, Omm il-Knisja, biex tqanqal fikom kollha kotra hekk kbira ta’ żelu, li tistgħu tħabirku biex toffru ruħkom għall-qadi ta’ l-aħwa.  B’dan il-mod, jalla l-imħabba rikonċiljatriċi ta’ Kristu tinfed b’mod iktar sħiħ it-tessut tas-soċjetà Filippina u, permezz tagħkom, l-irkejjen l-aktar imbiegħda tad-dinja.  Amen.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard