QUDDIESA TAL-LEJL TAL-MILIED

 KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Is-Sibt 24 ta’ Diċembru 2016

 

 

Għax dehret il-grazzja ta’ Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha” (Tit 2:11). Kliem l-Appostlu Pawlu jikxef il-misteru ta’ dan il-lejl qaddis: feġġet il-grazzja ta’ Alla, ir-rigal tiegħu mogħti b’xejn; fit-Tifel li ngħatalna titlaħħam l-imħabba ta’ Alla għalina.

 

Hu lejl ta’ glorja, dik il-glorja mħabbra mill-anġli f’Betlehem u anki minna fid-dinja kollha. Hu lejl ta’ hena, għax mil-lum u għal dejjem Alla, l-Etern, l-Infinit, hu Alla magħna: mhux imbiegħed, m’hemmx bżonn infittxuh fid-dawrien tas-smewwiet jew f’xi idea mistika; hu qrib tagħna, sar bniedem u mhu sa jinfired qatt mill-umanità tagħna, li issa hu għamel tiegħu. Hu lejl ta’ dawl: dak id-dawl, imħabbar minn qabel minn Isaija (ara 9:1), li kellu jdawwal lil min miexi f’art id-dlam, deher u dawwar lir-ragħajja ta’ Betlehem (ara Lq 2:9).

 

Ir-ragħajja sempliċement jiskopru li “tweldilna tifel” (Is 9:5) u jifhmu li din il-glorja kollha, dan l-hena kollu, dan id-dawl kollu qegħdin f’post wieħed, f’dak is-sinjal li l-anġlu wriehom: “Issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12). Dan hu s-sinjal ta’ dejjem biex nistgħu nsibu lil Ġesù. Mhux biss dakinhar, imma anki llum. Jekk irridu niffesteġġjaw il-veru Milied, ejjew nikkontemplaw dan is-sinjal: is-sempliċità dgħajfa ta’ tarbija ċkejkna tat-twelid, il-ħlewwa li biha hi mqiegħda, iż-żegħila ħelwa tal-faxex li fihom hi mfisqija. Hemm qiegħed Alla.

 

U b’dan is-sinjal jidher kemm il-Vanġelu hu paradoss: isemmi l-imperaturi, il-gvernatur, il-kbarat ta’ dak iż-żmien, imma Alla ma jmurx hemm; ma jidhirx fis-sala nobbli ta’ palazz irjali, imma fil-faqar ta’ stalla; mhux fl-isplendur tad-dehra, imma fis-sempliċità tal-ħajja; mhux fis-setgħa, imma f’ċokon li jgħaġġeb. U biex niltaqgħu miegħu jeħtieġ immorru hemm, fejn hu jinsab: jeħtieġ immejlu rasna, nitbaxxew, niċċekknu. It-Tifel li jitwieled qed jagħmlilna sfida: qed isejħilna nitilqu l-illużjonijiet ta’ dak li jgħaddi wara ftit biex immorru għall-essenzjal, biex inħallu warajna l-pretensjonijiet tagħna li qatt ma jissodisfaw ruħhom b’xejn, biex inwarrbu għall-ġenb dak li qatt ma jimliena u d-dwejjaq għal dik il-ħaġa li dejjem ħa tonqosna. Nagħmlu sew inħallu dawn l-affarijiet warajna biex fis-sempliċità ta’ Alla-tarbija nsibu mill-ġdid il-paċi, il-ferħ, it-tifsira mdawla tal-ħajja.

 

Inħallu t-Tarbija fil-maxtura tisfidana, imma nħallu wkoll jisfidawna lit-trabi li, illum, mhumiex imqiegħda f’benniena u mżiegħla mill-imħabba ta’ omm u ta’ missier, imma huma mitluqa fil-“maxturi ta’ dinjità”: fil-kenn taħt l-art biex jiskampaw il-bumbardamenti, fuq il-bankina ta’ xi belt kbira, f’qiegħ xi dgħajsa mgħobbija bl-immigranti. Inħallu jisfidawna t-trabi li mank jitħallew jitwieldu, dawk li qed jibku għax m’hemm ħadd li jitma’ l-ġuħ tagħhom, dawk li f’idejhom mhux ġugarelli għandhom, imma armi.

 

Il-misteru tal-Milied, li hu dawl u ferħ, jisfida u jheżżeż, għax hu fl-istess waqt misteru ta’ tama u ta’ niket. Miegħu jġib togħma ta’ niket, għax l-imħabba mhix milqugħa, il-ħajja hi mormija. Hekk ġralhom Ġużeppi u Marija, li sabu l-bibien magħluqa f’wiċċhom u kellhom iqiegħdu lil Ġesù f’maxtura, “għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (v. 7). Ġesù jitwieled miċħud minn xi wħud u fl-indifferenza ta’ ħafna iżjed. Anki llum jista’ jkun hemm l-istess indifferenza, meta l-Milied isir festa fejn il-protagonisti huma aħna, minflok Hu; meta d-dwal tal-kummerċ jixħtu fid-dell id-dawl ta’ Alla; meta nitħabtu bla nifs għar-rigali u nibqgħu ma nħossux għal min hu mwarrab. Din il-mondanità qed iżżomm lill-Milied ostaġġ: jeħtieġ neħilsuh!

 

Imma l-Milied għandu fuq kollox togħma ta’ tama għax, minkejja d-dlamijiet tagħna, naraw jilma d-dawl ta’ Alla. Id-dawl ħlejju tiegħu ma jbeżżax; Alla, innamrat magħna, jiġbidna lejh bil-ħlewwa tiegħu, meta jitwieled fqir u dgħajjef fostna, bħala wieħed minna. Jitwieled Betlehem, li tfisser “dar il-ħobż”. Donnu b’hekk irid jgħidilna li qed jitwieled bħala ħobż għalina; jiġi fil-ħajja tagħna biex jagħtina ħajtu; jiġi fid-dinja tagħna biex iġibilna mħabbtu. Ma jiġix biex jibla’ u jikkmanda, imma biex jitma’ u jaqdi. Hekk naraw li hemm rabta diretta bejn il-maxtura u s-salib, fejn Ġesù jsir ħobż maqsum: hi r-rabta diretta tal-imħabba li tingħata biex tifdina, li tagħti d-dawl lil ħajjitna, paċi lil qlubna.

 

F’dak il-lejl fehmuh dan ir-ragħajja, li kienu fost l-imwarrba ta’ dak iż-żmien. Imma ħadd mhu iżjed imwarrab f’għajnejn Alla, u sewwa sew huma li kienu l-mistiedna tal-Milied. Min kien żgur minnu nnifsu, jaħseb li jaf u jista’ jagħmel kollox waħdu, baqa’ d-dar f’nofs il-ħwejjeġ tiegħu; imma r-ragħajja “marru, jgħaġġlu” (ara Lq 2:16). Ejjew aħna wkoll illejla nħallu lil Ġesù jisfidana u jsejħilna għandu, immorru għandu bil-fiduċja, ibda minn dak li fih inħossuna mwarrba, ibda mil-limitazzjonijiet tagħna, ibda mid-dnubiet tagħna. Inħallu tmissna din il-ħlewwa li ssalvana. Nersqu lejn Alla li jersaq lejna, nieqfu nħarsu lejn il-presepju, nistħajlu t-twelid ta’ Ġesù: id-dawl u l-paċi, il-faqar estrem u ċ-ċaħda. Mar-ragħajja ejjew nidħlu fil-Milied veru, lil Ġesù ejjew nagħtuh dak li aħna, l-emarġinazzjoni tagħna, il-ġrieħi mhux imfejqa tagħna, id-dnubiet tagħna. Hekk, f’Ġesù, induqu l-ispirtu veru tal-Milied: il-ġmiel li aħna maħbuba minn Alla. Ma’ Marija u Ġużeppi noqogħdu quddiem il-maxtura, quddiem Ġesù li jitwieled bħal ħobż għall-ħajja tiegħi. Nikkontemplaw l-imħabba tiegħu umli u bla tarf, ngħidulu sempliċement grazzi: grazzi li dan kollu għamiltu għalija.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard