QUDDIESA TAL-LEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika tal-VatikanL-Erbgħa 24 ta’ Diċembru 2014

 

Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom” (Is 9:1).  “U dehrilhom [lir-rgħajja] anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom” (Lq 2:9).  Hekk il-liturġija ta’ dan il-lejl imqaddes tal-Milied tippreżentalna t-twelid tal-Feddej: bħala dawl li jinfed u jkisser l-aktar dalma qawwija.  Il-preżenza tal-Mulej qalb il-poplu tiegħu tkeċċi t-toqol tat-telfa u d-diqa tal-jasar, u treġġa’ lura l-ferħ u l-hena.

 

Anki aħna, f’dan il-lejl imqaddes, ġejna fid-dar ta’ Alla wara li froqna d-dlamijiet li bihom hi mdawra d-dinja, imma mmexxija mill-ħuġġieġa tal-fidi li ddawwal il-passi tagħna u mit-tama li nsibu d-“dawl il-kbir”.  Jekk niftħu qalbna, anki għalina hu possibbli nikkontemplaw il-miraklu ta’ dik it-tarbija-xemx li mad-dehra tagħha mill-għoli ddawwal ix-xefaq tagħna.

 

Il-bidu tad-dlamijiet li bihom hi mdawra d-dinja hu mitluf fil-lejl taż-żminijiet.  Ħsiebna jmur fuq dak il-waqt mudlam li fih twettaq l-ewwel krimini ta’ l-umanità, meta l-id ta’ Kajjin, mogħmija mill-għira, ħebbet għal ħuh Abel u qatlitu (ara Ġen 4:8).  Hekk, il-mixja tas-sekli baqgħet immarkata minn vjolenzi, gwerer, mibegħda, oppressjoni.  Imma Alla, li fil-bniedem maħluq fuq ix-xbieha u s-sura tiegħu kien qiegħed l-istess tamiet tiegħu, baqa’ jistenna.  Alla stenna.  Stenna hekk fit-tul li forsi f’ċertu punt messu telaq kollox.  Imma ma setax jerġa’ lura minn dak li wiegħed, għax ma setax jiċħad lilu nnifsu (ara 2 Tim 2:13).  Għalhekk baqa’ jistenna bis-sabar quddiem il-korruzzjoni tal-bnedmin u tal-popli.  Is-sabar ta’ Alla.  Kemm hi iebsa nifhmuha din: is-sabar ta’ Alla magħna!

 

Matul il-mixja ta’ l-istorja, id-dawl li jċarrat id-dalma jurina li Alla hu Missier u li l-fedeltà paċenzjuża tiegħu hi aktar b’saħħitha mid-dlamijiet u mill-korruzzjoni.  Din hi l-aħbar tal-lejl tal-Milied.  Alla ma jafx b’rabja u b’nuqqas ta’ sabar; hu dejjem hemm, bħall-missier tal-parabbola ta’ l-iben il-ħali, jistenna li jilmaħ mill-bogħod lil ibnu mitluf ġej lura; u ta’ kuljum, bis-sabar.  Is-sabar ta’ Alla.

 

Il-profezija ta’ Isaija tħabbar id-dehra ta’ dawl qawwi li jċarrat id-dalma.  Dan jitwieled f’Betlehem u jiġi milqugħ mill-idejn kollha mħabba ta’ Marija, mill-għożża ta’ Ġużeppi, mill-għaġeb tar-rgħajja.  Meta l-anġli ħabbru t-twelid tal-Feddej lir-rgħajja, dan għamluh b’dawn il-kelmiet: “U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12).  Is-“sinjal” hu sewwa sew l-umiltà ta’ Alla, l-umiltà ta’ Alla sa l-aktar punt estrem tagħha; hi l-imħabba li biha, f’dak il-lejl, Hu ħa fuqu d-dgħufija tagħna, it-tbatija tagħna, id-dwejjaq tagħna, ix-xewqat tagħna u l-limiti tagħna.  Il-messaġġ li kulħadd kien qed jistenna, dak li kulħadd kien qed ifittex fil-profond ta’ qalbu, ma kien xejn għajr il-ħlewwa ta’ Alla: Alla li jħares lejna b’għajnejn imfawra bl-imħabba, li jaċċetta l-miżerja tagħna, Alla li jieħu grazzja maċ-ċokon tagħna.

 

F’dan il-lejl qaddis, meta qed nikkontemplaw il-Bambin Ġesù li għadu kemm twieled u jinsab mimdud f’maxtura, aħna mistiedna nirriflettu.  Kif nistgħu nilqgħu l-ħlewwa ta’ Alla?  Qed inħalliH jilħaqni, inħallih jgħannaqni miegħu, jew qed inżommu milli jersaq qribi?  “Imma jien qed infittex lill-Mulej” – nistgħu nirribattu.  Madankollu, l-iktar ħaġa importanti m’hix li nfittxu jien, daqskemm li nħalli lilU jfittixni, isibni u jżiegħel bija kollu mħabba.  Din hi l-mistoqsija li l-Bambin qed jagħmlilna bis-sempliċi preżenza tiegħu: qed inħalli lil Alla jħobbni?

 

U mill-ġdid: għandna l-kuraġġ nilqgħu bil-ħlewwa s-sitwazzjonijiet diffiċli u l-problemi li niltaqgħu magħhom, jew nippreferu s-soluzzjonijiet impersonali, forsi effiċjenti imma neqsin mis-sħana tal-Vanġelu?  Din il-ħlewwa għandha bżonn id-dinja tal-lum!  Is-sabar ta’ Alla, il-qrubija ta’ Alla, il-ħlewwa ta’ Alla.

 

It-tweġiba tan-Nisrani ma tistax tkun differenti minn dik li Alla jagħti liċ-ċokon tagħna.  Il-ħajja rridu ngħixuha bi tjieba, bi ħlewwa.  Meta nintebħu li Alla ħa grazzja maċ-ċokon tagħna, li Hu nnifsu ċkien biex jiltaqa’ aħjar magħna, ma nistgħux ma niftħulux qalbna, u nitolbuh bil-ħerqa: “Mulej, għinni nkun bħalek, agħtini l-grazzja tal-ħlewwa fiċ-ċirkustanzi l-aktar iebsin tal-ħajja, agħtini l-grazzja li nkun qrib ta’ l-oħrajn f’kull ħtieġa, li jkolli qalb ħelwa f’kull kunflitt”.

 

Għeżież ħuti, f’dan il-lejl qaddis ejjew nikkontemplaw il-presepju: hemm “il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom” (Is 9:1).  Ratu n-nies sempliċi, in-nies li kienet lesta tilqa’ d-don ta’ Alla.  Għall-kuntrarju, ma rawhx l-arroganti, is-suppervi, dawk li jagħmlu l-liġijiet skond il-kriterji personali tagħhom, dawk li għandhom atteġġjamenti ta’ għeluq.  Inħarsu lejn il-presepju u nitolbu, u lill-Omm Verġni ngħidulha: “O Marija, urina lil Ġesù!”

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard