QUDDIESA U ORDINAZZJONI EPISKOPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran

Bażilika ta’ San Ġwann Lateran

It-Tnejn 9 ta’ Novembru 2015

 

Aħwa u wlied għeżież, jagħmlilna tajjeb nirriflettu b’attenzjoni fuq x’responsabbiltà għolja fil-Knisja qed jingħata dan ħuna.

 

Sidna Ġesù Kristu, mibgħut mill-Missier biex jifdi lill-bnedmin, min-naħa tiegħu bagħat fid-dinja lit-Tnax-il Appostlu, biex, mimlija bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, iħabbru l-Vanġelu lill-ġnus kollha, u jiġbruhom mill-ġdid flimkien taħt Ragħaj wieħed, iqaddsuhom u jmexxuhom lejn is-salvazzjoni.

 

Biex iżommu ħaj minn nisel għal nisel dan il-ministeru Appostoliku, it-Tnax ġabru madwarhom kollaboraturi u għaddewlhom, bit-tqegħid ta’ l-idejn, id-don ta’ l-Ispirtu li rċivew minn għand Kristu, u b’hekk għaddewlhom il-milja tas-sagrament ta’ l-Ordni.  Hekk, permezz tas-suċċessjoni qatt ma taqta’ ta’ l-Isqfijiet fit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja, inżamm dan il-ministeru ewlieni u l-opra tal-Feddej tissokta u tiżviluppa sa żmienna.

 

Fl-Isqof imdawwar mill-presbiteri tiegħu hu preżenti fostkom l-istess Sidna Ġe Kristu, il-qassis il-kbir għal dejjem.

 

Fil-fatt, huwa Kristu li fil-ministeru ta’ l-Isqof jissokta jxandar il-Vanġelu tal-fidwa u jqaddes lil dawk li jemmnu permezz tas-sagramenti tal-fidi; hu Kristu li fil-paternità ta’ l-Isqof ikabbar b’membri ġodda lil ġismu li hu l-Knisja; hu Kristu li fl-għerf u l-għaqal prudenti ta’ l-Isqof jirgħa lill-poplu ta’ Alla fil-pellegrinaġġ ta’ din l-art sa l-hena dejjiem.

 

Mela ilqgħu bil-ferħ u l-gratitudni lil dan ħuna li aħna l-isqfijiet, bit-tqegħid ta’ jdejna, il-lum ħa nxierku fil-Kulleġġ Episkopali.  Agħtuh il-ġieħ li jixraq lill-ministeru ta’ Kristu u lil min iqassam il-misteri ta’ Alla, li lilu hi fdata x-xhieda tal-Vanġelu u l-ministeru ta’ l-Ispirtu għat-tqaddis.  Ftakru fi kliem Ġesù lill-Appostli: Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni” (Lq 10:16).

 

U int, għażiż ħija, maħtur mill-Mulej, aħseb fuq kif int ġejt magħżul minn fost il-bnedmin u għall-qadi tal-bnedmin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla.  Fil-fatt l-episkopat hu l-isem ta’ qadi, u mhux ta’ xi ġieħ, għax l-Isqof iktar qiegħed hemm biex jaqdi milli biex jaħkem, skond il-kmandament ta’ l-Imgħallem: “Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom” (Mt 20:26-27).

 

Xandar il-Kelma f’kull okkażjoni, f’ħinu u kull tant barra minn ħinu; wissi, ċanfar, imma dejjem bil-ħlewwa; sejjaħ b’kull tjieba u billi tgħallem.  Ħa jkun kliemek sempliċi, biex kulħadd jifhmu, u m’hux b’omeliji twal.  Ippermettili ngħidlek: ftakar f’missierek, meta ħa tant gost li sab qrib tar-raħal parroċċa oħra fejn kienet issir il-Quddiesa bla omelija!  L-omeliji huma sewwa sew it-trasmissjoni tal-grazzja ta’ Alla: sempliċi, biex kulħadd jifhimhom u kulħadd jixxennaq biex isir aħjar.

 

Fil-Knisja fdata f’idejk – hawn f’Ruma b’mod speċjali – nixtieq nafdalek il-presbiteri, is-seminaristi: int għandek din il-kariżma!  Kun ħarries fidil tal-misteri ta’ Kristu u qassamhom.  Imqiegħed mill-Missier fuq il-familja tiegħu, imxi dejjem fuq l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb, li jaf in-nagħaġ tiegħi, huma jafuh u għalihom ma ddejjaqx jagħti ħajtu.

 

Bil-qalb tiegħek, ħobb bi mħabba ta’ missier u ta’ l-aħwa lil dawk kollha li Alla qed jafdalek: kif għidtlek, fuq kollox lill-presbiteri u d-djakni, is-seminaristi; imma anki lill-foqra, lil dawk li m’għandhomx min jaqbeż għalihom u jridu min jilqagħhom u jgħinhom.  Sejjaħ lill-fidili biex jikkoperaw fil-ħidma appostolika u ismagħhom bil-qalb u bis-sabar: ħafna drabi trid sabar kbir… imma s-Saltna ta’ Alla hekk tinbena.

 

Ftakar li għandu jkollok attenzjoni sħiħa lejn dawk li m’humiex ġejjin mill-maqjel waħdieni ta’ Kristu, għax anki dawn fdalek il-Mulej.

 

Ftakar li fil-Knisja Kattolika, miġbura fir-rabta ta’ l-imħabba, int imxierek mal-Kulleġġ ta’ l-Isqfijiet u għandek iġġorr fik dik l-għożża għall-Knejjes kollha, taqbeż bil-qalb għal dawk li huma l-iżjed fil-ħtieġa ta’ l-għajnuna.  U, meta qegħdin hekk qrib tal-ftuħ tas-Sena tal-Ħniena, nitolbok bħala ħuk biex turi ħniena.  Il-Knisja u d-dinja għandhom bżonn ta’ ħafna ħniena.  Int għallem lill-presbiteri, lis-seminaristi t-triq tal-ħniena.  Bil-kliem, iva, imma fuq kollox bl-imġiba tiegħek.  Il-ħniena tal-Missier dejjem lesta biex tilqa’, dejjem hemm wisa’ f’qalbu, qatt ma jkeċċi lil ħadd.  Stenna, stenna…  Dan nawguralek: ħafna ħniena.

 

Għasses bi mħabba fuq il-merħla kollha, li fiha l-Ispirtu s-Santu qiegħdek biex tmexxi lill-Knisja ta’ Alla: fl-isem tal-Missier li x-xbieha tiegħu int tagħmel preżenti; fl-isem ta’ Ġesù Kristu Ibnu, li minnu ġejt maħtur għalliem, saċerdot u ragħaj; fl-isem ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jagħti l-ħajja lill-Knisja u bil-qawwa tiegħek iwieżen id-dgħufija tagħna.

 

Il-Papa, waqt ir-rit ta’ l-għoti taċ-Ċurkett Episkopali, żied dawn il-kelmiet:

 

Tinsiex li qabel dan iċ-ċurkett kien hemm dak tal-ġenituri tiegħek.  Aqbeż għall-familja.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard