QUDDIESA TAL-GĦELUQ TAL-ĠUBLEW TAL-ĦNIENA

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Univers

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 20 ta’ Novembru 2016

 

Is-solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Univers tinkuruna s-sena liturġika u din is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena. Il-Vanġelu fil-fatt jippreżentalna r-regalità ta’ Ġesù fil-qofol tal-ħidma salvifika tiegħu, u dan jagħmlu b’mod sorprendenti. “Il-Messija, il-Maħtur ta’ Alla, is-sultan” (Lq 23:35,37) jidher bla ebda setgħa jew glorja: narawh fuq is-salib, fejn iktar jidher bħal wieħed mirbuħ milli bħala rebbieħ. Ir-regalità tiegħu hi paradossali: it-tron tiegħu hu s-salib; il-kuruna tiegħu tax-xewk; m’għandux xettru, imma jagħtuh qasba f’idu; ma jxiddx ilbies fin, imma hu mċaħħad mill-istess libsa tiegħu; m’għandux ċrieket ileqqu, imma jdejh minfuda mill-imsiemer; m’għandu l-ebda teżor, imma hu mibjugħ għal tletin biċċa tal-fidda.

 

Tabilħaqq is-saltna ta’ Ġesù mhix ta’ din id-dinja (ara Ġw 18:36); imma sewwasew fih, jgħidilna l-Appostlu Pawlu fit-Tieni Qari, għandna l-fidwa u l-maħfra (ara Kol 1:13-14). Għax il-kobor tas-saltna tiegħu mhix is-setgħa kif tifhimha d-dinja, imma l-imħabba ta’ Alla, imħabba li għandha l-ħila tilħaq u tfejjaq kollox. Għax din l-imħabba Kristu tbaxxa sa ħdejna, għammar fil-miżerja umana tagħna, daq l-ibxex qagħda tagħna: l-inġustizzja, it-tradiment, l-abbandun; ġarrab il-mewt, il-qabar, art l-imwiet. Hekk is-Sultan tagħna wasal sa truf l-univers biex jgħannaq miegħu u jifdi lil kull ħlejqa ħajja. Ma kkundannaniex, lanqas rebaħna għalih, qatt ma mess il-libertà tagħna, imma sar għalina triq ta’ mħabba umli li kollox tagħder, kollox tittama, kollox tissaporti (ara 1 Kor 13:7). Din l-imħabba waħidha rebħet u tkompli tirbaħ lill-għedewwa kbar tagħna: id-dnub, il-mewt, il-biża’.

 

Illum, għeżież ħuti, qed nipproklamaw din ir-rebħa waħdanija, li biha Ġesù sar is-Sultan taż-żminijiet kollha, is-Sid tal-istorja: bil-qawwa bla tarf tal-imħabba waħidha, li hi n-natura ta’ Alla, l-istess ħajtu, u li ma tintemm qatt (ara 1 Kor 13:8). Bil-ferħ qed naqsmu flimkien il-ġmiel li hemm f’li jkollna lil Ġesù bħala s-sultan tagħna: l-awtorità ta’ mħabbtu tibdel id-dnub fi grazzja, il-mewt f’qawmien, il-biża’ f’fiduċja.

 

Imma ma jkunx biżżejjed li nemmnu f’Ġesù bħala Sultan tal-univers u ċentru tal-istorja, mingħajr ma nħalluh ikun Sid ta’ ħajjitna: kollu għalxejn jekk ma nilqgħuhx personalment u jekk ma nilqgħux ukoll il-mod ta’ kif hu jsaltan. F’dan jgħinuna l-persunaġġi li jippreżentalna l-Vanġelu tal-lum. Barra Ġesù, għandna tliet figuri oħra: il-poplu li jħares, il-grupp li jinsab qrib tas-salib, u ħalliel imsallab biswit Ġesù.

 

Qabelxejn, il-poplu: il-Vanġelu jgħid li “waqaf hemm, iħares” (Lq 23:35): ħadd ma jlissen kelma, ħadd ma jersaq. Il-poplu jibqa’ mbiegħed, jara x’inhu jiġri. Hu l-istess poplu li għall-bżonnijiet tiegħu ġmielu kien jagħfas fuq Ġesù, u issa jżomm ’il bogħod. Quddiem iċ-ċirkustanzi tal-ħajja u t-tamiet mhux imwettqa tagħna, anki aħna nistgħu ninħakmu mit-tentazzjoni li nżommu d-distanzi mir-regalità ta’ Ġesù, li ma nilqgħux għalkollox l-iskandlu tal-imħabba umli tiegħu, li jħabbat lill-jien tagħna, li jiskomodana. Nippreferu nibqgħu wara t-tieqa, noqogħdu ma’ ġenb, pjuttost milli nersqu qrib biex insiru proxxmu. Imma l-poplu qaddis, li għandu lil Ġesù b’Sultan, hu msejjaħ jimxi fit-triq tiegħu ta’ mħabba konkreta; biex jistaqsi lilu nnifsu, kull wieħed u waħda, ta’ kuljum: “X’qed titlob minni l-imħabba, fejn qed teħodni? Xi tweġiba ħa nagħtih lil Ġesù bil-ħajja tiegħi?”.

 

Hemm it-tieni grupp, li fih jiġbor bosta persunaġġi: il-mexxejja tal-poplu, is-suldati u ħalliel. Dawn kollha kienu qed jiddieħku b’Ġesù. Jagħmlulu l-istess provokazzjoni: “Salva lilek innifsek!” (ara Lq 23:35,37,39). Hi tentazzjoni agħar minn dik tal-poplu. Hawn qed jittentaw lil Ġesù bl-istess mod li għamel ix-Xitan lejn il-bidu tal-Vanġelu (ara Lq 4:1-13), biex jiċħad li jsaltan bil-mod ta’ Alla, imma jagħmel hekk bil-loġika tad-dinja: jinżel mis-salib u jeqred lill-għedewwa tiegħu! Jekk hu Alla, ħa juri s-setgħa u s-superjorità tiegħu! Din it-tentazzjoni hi attakk dirett fuq l-imħabba: “salva lilek innifsek” (vv. 37,39); mhux lill-oħrajn, imma lilek innifsek. Jispikka l-jien bil-qawwa tiegħu, il-glorja tiegħu, is-suċċess tiegħu. Hi l-agħar tentazzjoni, l-ewwel u l-aħħar waħda tal-Vanġelu. Imma quddiem dan l-attakk fuq l-istess identità tiegħu, Ġesù ma jitkellimx, ma jirreaġixxix. Ma jiddefendix ruħu, ma jipprovax jikkonvinċi, ma jagħmel l-ebda apoloġetika tar-regalità tiegħu. Pjuttost jibqa’ jħobb, jaħfer, jgħix il-mument tat-tiġrib skont ir-rieda tal-Missier, ċert li l-imħabba se tħalli l-frott tagħha.

 

Biex nilqgħu r-regalità ta’ Ġesù, aħna msejħin neħduha qatta’ bla ħabel kontra din it-tentazzjoni, insammru ħarsitna fuq il-Kurċifiss, biex insiru dejjem iżjed fidili lejh. Kemm drabi, imma, anki fostna, fittixna li nissodisfaw ruħna b’dak li toffrilna din id-dinja. Kemm drabi konna ttentati ninżlu minn fuq is-salib. Il-qawwa tal-poter u tas-suċċess li tiġbidna lejha dehritilna triq eħfef u iqsar biex inxerrdu l-Vanġelu, u malajr insejna kif taħdem is-saltna ta’ Alla. Din is-Sena tal-Ħniena stednitna niskopru mill-ġdid il-qalba, nerġgħu lura għall-essenzjal. Dan iż-żmien ta’ ħniena jsejħilna nħarsu lejn il-wiċċ veru tas-Sultan tagħna, dak li jiddi fl-Għid, u biex niskopru mill-ġdid il-wiċċ żagħżugħ u sabiħ tal-Knisja, li jilma l-aktar meta hi tilqa’, teħles, tkun fidila, fqira fil-mezzi u għanja fl-imħabba, missjunarja. Il-ħniena, li daħħlitna fil-qalba tal-Vanġelu, qed issejħilna wkoll biex inwarrbu drawwiet u konswetudnijiet li jistgħu jxekklu l-qadi tas-saltna ta’ Alla; biex insibu l-orjentament tagħna biss fir-regalità dejjiema u umli ta’ Ġesù, mhux fl-adattament għar-regalitajiet prekarji u għall-poteri li jinbidlu ma’ kull żmien.

 

Fil-Vanġelu jidher persunaġġ ieħor, eqreb lejn Ġesù, il-ħalliel li talbu u qallu: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek” (v. 42). Din il-persuna, b’sempliċi ħarsa lejn Ġesù, emmnet fis-saltna tiegħu. U ma ngħalqitx fiha nfisha, imma bl-iżbalji tagħna, bid-dnubiet u l-inkwiet tagħha daret għand Ġesù. Talbitu jiftakar fiha u daqet il-ħniena ta’ Alla: “Illum tkun fil-Ġenna miegħi” (v. 43). Malli nagħtuh il-possibbiltà, Alla jiftakar fina. Hu lest iħassar għalkollox u għal dejjem id-dnub, għax il-memorja tiegħu ma żżommx fiha l-ħażen li sar u mhux dejjem ħsiebha biex tiftakar fit-tort li jkun sarilha, mhux bħal tagħna. Alla mhux tad-dnub għandu memorja, imma tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna, uliedu maħbuba. U jemmen li hu dejjem possibbli terġa’ tibda mill-ġdid, tqum mill-ġdid.

 

Ħa nitolbu aħna wkoll id-don ta’ din il-memorja miftuħa u ħajja. Nitolbu l-grazzja li ma nagħlqu qatt il-bibien tar-rikonċiljazzjoni u tal-maħfra, imma li nagħrfu mmorru lil hemm mill-ħażen u d-differenzi, u niftħu kull triq ta’ tama possibbli. Kif Alla jemmen fina, wisq lil hemm mill-merti tagħna, hekk aħna wkoll imsejħin inxerrdu t-tama u nagħtu opportunità lill-oħrajn. Għax, anki jekk qed nagħlqu l-Bieb Imqaddes, se jibqa’ dejjem miftuħ beraħ għalina l-bieb veru tal-ħniena, li hi l-Qalb ta’ Kristu. Mill-kustat imċarrat tal-Irxoxt sal-aħħar taż-żminijiet jibqgħu jnixxu l-ħniena, il-faraġ u t-tama.

 

Ħafna pellegrini għaddew mill-Bibien Imqaddsa u lil hemm mill-istorbju tal-kronaka tal-aħbarijiet iggustaw it-tjieba kbira tal-Mulej. Ħa rroddu ħajr ta’ dan u niftakru li aħna ġejna mlibbsa l-ħniena biex inxiddu fuqna s-sentimenti tal-ħniena, biex insiru aħna wkoll strumenti ta’ ħniena. Nibqgħu mexjin, flimkien. Ħa timxi magħna Marija, li wkoll kienet qrib is-salib, hemm hi wilditna bħala Omm ħelwa tal-Knisja li lil kulħadd tixtieq tkennen taħt il-mant tagħha. Hi taħt is-salib rat lill-ħalliel it-tajjeb jirċievi l-maħfra u ħadet lid-dixxiplu ta’ Ġesù għandha bħala binha. Hi Omm il-ħniena, u f’idejha nafdaw ruħna: kull sitwazzjoni tagħna, kull talba tagħna, taħt l-għajnejn tagħha tal-ħniena, ma tibqax bla tweġiba.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard