KONĊISTORJU ORDINARJU PUBBLIKU

GĦALL-ĦOLQIEN TA’ KARDINALI ĠODDA

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħamis 28 ta’ Ġunju 2018

 

“Kienu mexjin fit-triq, telgħin lejn Ġerusalemm, u Ġesù kien miexi quddiemhom[1]” (Mk 10:32).

 

Il-bidu ta’ din is-silta eżemplari ta’ Mark tgħinna dejjem naraw kif il-Mulej jieħu ħsieb tal-poplu tiegħu b’pedagoġija unika. Fi triqtu lejn Ġerusalemm, Ġesù jimxi qabel (primerear) dawk li huma tiegħu.

 

Ġerusalemm tirrappreżenta s-siegħa tad-determinazzjonijiet u d-deċiżjonijiet il-kbar. Ilkoll nafu li, fil-ħajja, il-mumenti importanti u kruċjali jħallu l-qalb titkellem u turi l-fehmiet u t-tensjonijiet li hemm ġo fiha. Dawn il-punti fejn tiltaqa’ l-eżistenza jisfidawna u joħorġu mistoqsijiet u xewqat mhux dejjem trasparenti tal-qalb umana. Hu dak li, b’sempliċità u realiżmu kbir, tixkef din is-silta tal-Vanġelu li għadna kemm smajna. Quddiem it-tielet tħabbira tal-Passjoni u l-aktar waħda iebsa, l-Evanġelista ma jibżax jikxef ċerti sigrieti tal-qalb tad-dixxipli: ifittxu l-ewwel postijiet, għira bejniethom, komplotti, arranġamenti u ftehim; loġika li mhux biss tnixxef u teqred minn ġewwa r-relazzjonijiet ta’ bejniethom, imma fuq kollox tagħlaqhom fihom infushom u ddaħħalhom f’diskussjonijiet bla siwi u li ftit fihom x’tomgħod. Imma Ġesù ma jiqafx fuq dawn, imma jibqa’ miexi, jimxi qabilhom (primerea) u b’qawwa jgħidilhom: “Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom” (Mk 10:43). B’din l-imġiba, il-Mulej jipprova jerġa’ jiċċentra l-ħarsa u l-qalb tad-dixxipli tiegħu, u ma jħallix li d-diskussjonijiet vojta tagħhom fuqhom infushom isibu wisa’ fi ħdan il-komunità. X’jiswielna li niksbu d-dinja kollha jekk aħna mfarrkin minn ġewwa? X’jiswielna li niksbu d-dinja kollha jekk ngħixu l-ħin kollu fi kwistjonijiet bejnietna li jaqtgħulek in-nifs u jnixxfuk, waqt li jbattlu l-qalb u l-missjoni? F’din is-sitwazzjoni – kif osserva xi ħadd – diġà nistgħu nilmħu l-intriċċi tal-palazz, anki fil-kurji ekkleżjastiċi.

 

“Fostkom ma għandux ikun hekk”: it-tweġiba tal-Mulej li, qabel kollox, biha jrid jistedinhom u fl-istess waqt jieħu r-riskju li jipprova joħroġ l-aħjar li hemm fid-dixxipli u hekk ma jħallihomx jirvinaw lilhom infushom u jisfaw ilsiera ta’ dik il-loġika mondana li tisraq il-ħarsa minn dak li hu importanti. “Fostkom ma għandux ikun hekk”: hu l-leħen tal-Mulej li jsalva lill-komunità milli tħares wisq lejh nfisha flok iddawwar ħarsitha, ir-riżorsi tagħha, ix-xewqat u l-qalb tagħha lejn dak li jiswa: il-missjoni.

 

U hekk Ġesù jgħallimna li l-konverżjoni, il-bidla tal-qalb u r-riforma tal-Knisja hi u dejjem sa nsibuha fl-atteġġjament missjunarju, għax titlob li wieħed jieqaf jara u jieħu ħsieb tal-interessi tiegħu, biex jara u jieħu ħsieb tal-interessi tal-Missier. Il-konverżjoni mid-dnubiet tagħna, mill-egoiżmi tagħna mhijiex u qatt ma tista’ tkun fini fiha nfisha, imma timmira prinċipalment li tikber fil-fedeltà u d-disponibbiltà biex tħaddan il-missjoni. U dan b’tali mod li, fis-siegħa tal-verità, speċjalment fil-mumenti diffiċli ta’ ħutna, aħna nkunu lesti tassew li nsieħbu u nilqgħu lil kull wieħed u waħda u lil kulħadd, u ma ninbidlux f’nies li kapaċi ħafna biex jirrifjutaw, jew għax għandna viżjoni dejqa tal-affarijiet[2] jew, agħar minn hekk, għax qed niddiskutu u naħsbu bejnietna min sa jkun l-iżjed importanti. Meta ninsew il-missjoni, meta nitilfu minn taħt għajnejna l-wiċċ konkret ta’ ħutna, ħajjitna tingħalaq fit-tiftix tal-interessi tagħna u tas-sigurtajiet tagħna. U hekk tibda tikber fina l-korla, id-diqa u s-sens ta’ rifjut. Ftit ftit jibda dejjem jonqos iżjed l-ispazju għall-oħrajn, għall-komunità ekkleżjali, għall-foqra, għas-smigħ ta’ leħen il-Mulej. Hekk nitilfu l-ferħ u l-qalb tispiċċa tinxef (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 2).

 

“Fostkom ma għandux ikun hekk”, jgħidina l-Mulej, “[…] min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd” (Mk 10:43,44). Din hi l-beatitudni u l-magnificat li ta’ kuljum aħna msejħin nintonaw. Hi l-istedina li jagħmlilna l-Mulej biex ma ninsewx li l-awtorità fil-Knisja tikber b’din il-ħila li nippromovu d-dinjità tal-ieħor, li nidilku lill-ieħor, biex infejqulu l-ġrieħi tiegħu u t-tama tiegħu spiss imkasbra. Ifisser niftakru li aħna qegħdin hawn għax aħna mistiedna “nħabbru l-ħelsien lill-imjassrin, inwasslu l-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irroddu l-ħelsien lill-maħqurin u nxandru sena tal-grazzja tal-Mulej” (Lq 4:18-19).

 

Għeżież ħuti Kardinali u neo-Kardinali! Aħna u mexjin fi triqitna lejn Ġerusalemm, il-Mulej jimxi qabilna biex ifakkarna għal darb’oħra li l-unika awtorità kredibbli hi dik ta’ min jaf jinżel f’riġlejn l-oħrajn biex jaqdi lil Kristu. Hi dik ta’ min ma jinsiex li Ġesù, qabel ma baxxa rasu fuq is-salib, ma beżax jitbaxxa quddiem id-dixxipli u jaħslilhom saqajhom. Din hi l-ogħla onorifiċenza li nistgħu niksbu, l-aqwa promozzjoni li jistgħu jagħtuna: naqdu lil Kristu fil-poplu fidil ta’ Alla, f’min hu bil-ġuħ, minsi, fil-ħabs, marid, bil-vizzju tad-droga, abbandunat, f’persuni konkreti bl-istejjer u t-tamiet tagħhom, bix-xewqat u d-delużjonijiet tagħhom, bit-tbatijiet u l-ġrieħi tagħhom. Hekk biss l-awtorità tar-ragħaj ikollha t-togħma tal-Vanġelu u ma tkunx bħal “strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku” (1 Kor 13:1). Ħadd minna m’għandu jħossu “superjuri” għal ħadd. Ħadd minna ma għandu jħares lejn l-oħrajn minn fuq għal isfel. Nistgħu nħarsu hekk lejn persuna biss meta rridu ngħinuha tqum fuq saqajha.

 

Nixtieq niftakar magħkom f’parti mit-testment spiritwali ta’ San Ġwanni XXIII, li meta kien terraq sew ’il quddiem fil-mixja tiegħu, seta’ jgħid: “Imwieled fqir, imma minn nies ta’ ġieħ u umli, nista’ nħossni tassew kuntent li sa mmut fqir, la nkun qassamt skont il-bosta ħtiġijiet u ċirkustanzi tal-ħajja sempliċi u modesta tiegħi, għall-qadi tal-foqra u tal-Knisja Mqaddsa li temgħetni, dak li għadda minn taħt idejja – li kien pjuttost limitat ħdejn ta’ oħrajn – matul is-snin tas-saċerdozju u l-episkopat tiegħi. Dak li minn barra deher għani, spiss kien jaħbi taħtu x-xewk tal-faqar li fnieni, li żammni milli nagħti lill-oħrajn b’qalb kbira daqskemm xtaqt. Irrodd ħajr lil Alla għal din il-grazzja tal-faqar li lejh wegħedt fedeltà f’żgħożiti; faqar tal-ispirtu, bħala saċerdot għall-Qalb ta’ Ġesù, u faqar materjali, li qawwieni fil-ħsieb tiegħi li qatt ma nitlob xejn – flus, pożizzjonijiet jew favuri – qatt, la għalija, la għall-qraba u l-ħbieb tiegħi” (29 ta’ Ġunju 1954).

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Il-verb proago hu l-istess wieħed li bih Kristu Rxoxt ħabbar lid-dixxipli li kien se “jmur qabilhom” fil-Galilija (ara Mk 16:7).

[2] Ara Jorge Mario Bergoglio, Ejercicios Espirituales a los Obispos españoles, 2006.