Konċistorju Ordinarju Pubbliku għall-Ħatra ta' Kardinali Ġodda

Omelija tal-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku

Bażilika tal-Vatikan

Is-Sibt 22 ta' Frar, 2014

 

Ġesu’ kien miexi quddiemhom...” (Mk 10, 32) 

F’dan il-waqt ukoll, Ġesu’ jimxi quddiemna.  Huwa dejjem ikun quddiemna.  Huwa dejjem ikun qabilna u jiftħilna t-triq...  Din hija l-fiduċja tagħna u l-ferħ tagħna.:  inkunu dixxipli tiegħu, inkunu miegħu, nimxu warajh, fuq il-passi tiegħu...

Meta flimkien mal-Kardinali ikkonċelebrajna l-ewwel quddiesa fil-Kappella Sistina, “nimxu” kienet l-ewwel kelma li l-Mulej qiegħed quddiemna: nimxu, u mbagħad, nibnu u nistqarru.

Illum terġa’ tiġi dik il-kelma, imma bħala azzjoni, bħala l-azzjoni ta’ Ġesu’ li tkompli: “Ġesu’ kien miexi...”.  Fl-Evanġelju, dan jolqotna: Ġesu’ jimxi ħafna, u jgħallem fit-triq lil dawk li huma tiegħu.  Dan huwa importanti.  Ġesu’ ma ġiex biex jgħallem xi filosofija, xi ideoloġija ... imma “triq”, triq li rridu nimxu miegħu, u t-triq nitgħallmuha waqt li nibdew nimxuha, interrquha.  Iva, għeżież Ħuti, dan huwa l-ferħ tagħna: nimxu ma’ Ġesu’.

U din mhix ħaġa ħafifa, mhix ħaġa komda, għaliex it-triq li Ġesu’ għażel hija t-triq tas-salib.  Meta kienu fit-triq, Huwa kien jitkellem mad-dixxipli tiegħu fuq dak li kien se jseħħ għaliH f’Ġerusalemm: iħabbar minn qabel il-passjoni, il-mewt u l-qawmien.  U huma “stgħaġbu” u kienu “mimlijin bil-biżgħa”.  Mistgħaġbin, ċertament, għaliex għalihom li tmur Ġerusalemm kien ifisser jieħdu sehem mit-trijonf tal-Messija, tar-rebħa tiegħu – dan jidher wara mit-talba ta’ Ġakbu u Ġwanni; u mimlijin bil-biżgħa minħabba dak li Ġesu’ kien jeħtieġlu jgħaddi minnu, u li huma wkoll irriskjaw li jgħaddu.

B’mod differenti mid-dixxipli ta’ dak iż-żmien, aħna nafu li Ġesu’ rebaħ, u m’għandniex għalfejn nibżgħu mis-Salib, anzi, fis-Salib għandna t-tama tagħna.  Madankollu, aħna wkoll dejjem bħala bnedmin, aħna midinbin, u aħna esposti għat-tentazzjoni li naħsbu bħala bnedmin u mhux bħal Alla.

U meta naħsbu bil-mod tad-dinja, x’inhi l-konsegwenza?  Jgħidilna l-Evanġelju: “Il-ħdax l-oħra saħnu għal Ġakbu u Ġwanni” (v 41).  Saħnu.  Tirbaħ il-mentalita’ tad-dinja, jidħlu l-ġlied, il-għira, il-partiti...

Hekku, din il-Kelma li llum il-Mulej qiegħed itennielna hija ħafna ta’ ġid!  Tnaddafna minn ġewwa. Tqiegħed dawl fil-kuxjenzi tagħna, u tgħinna li nkunu ħaġa waħda għal kollox ma’ Ġesu’, u biex nagħmlu dan flimkien, fil-mument li fih il-Kulleġġ tal-Kardinali qiegħed jikber biż-żieda ta’ Membri ġodda.

“Għalhekk, Ġesu’ sejjħilhom lejH...” (Mk 10, 42).  Dan hu l-ġest l-ieħor tal-Mulej.  Matul it-triq, wieħed jinduna li jkun hemm bżonn li jitkellem mat-Tnax, jieqaf, u jsejjħilhom lejH.  Ħuti, inħallu lill-Mulej Ġesu’ isejjħila lejH!  InħalluH isejħilna flimkien lejH.  U nisimgħuH, bil-ferħ li flimkien nilqgħu il-Kelma tiegħu, li nħallu lilna nfusna niġu mgħallmin minnha u mill-Ispirtu Qaddis, sabiex insiru dejjem aktar qalb waħda u ruħ waħda, madwaru.

U kif aħna hekk, imsejħin flimkien, “imsejħin għaliH” mill-Imgħallem waħdieni tagħna, ngħidilkom dak li l-Knisja teħtieġ: teħtieġ lilkom, il-kollaborazzjoni tagħkom, u qabel dan ukoll tal-komunjoni tagħkom, miegħi u bejnietkom.  Il-Knisja teħtieġ il-kuraġġ tagħkom biex ixxandru l-Evanġelju f’kull okkażżjoni f’waqtha u barra minn waqtha, u biex tagħtu xhieda għall-verita’.   Il-Knisja għandha bżonn it-talb tagħkom, biex il-merħla ta’ Kristu timxi tajjeb, it-talb – ma ninsewhx – li flimkien max-xandir tal-Kelma, huwa l-ewwel dmir tal-Isqof.  Il-Knisja teħtieġ il-kompassjoni tagħkom fuq kollox f’dan il-waqt ta’ niket u tbatija f’tant Pajjiżi fid-dinja.  Ejjew nuru flimkien li aħna qrib b’mod spiritwali ta’ tant komunitajiet ekkleżjali, ta’ tant insara li qegħdin ibatu diskriminazzjoni u persekuzzjoni.  Jeħtieġilna niġġieldu kontra kull diskriminazzjoni!  Il-Knisja teħtieġ it-talb tagħna għalihom sabiex ikunu qawwijin fil-fidi u jkunu jafu imorru kontra l-ħażen bit-tajjeb.  U din it-talba tagħna ssir għal kull raġel u mara li qed isofru inġustizzja minħabba l-konvinzjonijiet reliġjużi tagħhom.

Il-Knisja teħtieġna sabiex inkunu nies ta’ paċi u nagħmlu l-paċi bil-ħidma tagħna, bix-xewqat tagħna, bit-talb tagħna.  Nagħmlu l-paċi!  Inkunu bennejja tal-paċi!  Għalhekk nitolbu għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn il-popli li f’dawn iż-żminijiet huma ppruvati mill-vjolenza, billi jiġu mwarrbin u mill-gwerra.

Ħuti l-aktar għeżież, grazzi!  Grazzi!  Ejjew nimxu flimkien wara l-Mulej, u nħallu lilna nfusna dejjem inkunu msejjħin minnu, f’nofs il-Poplu fidil, il-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla, fidil għal ommna l-Knisja mqaddsa.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.