KONĊISTORJU ORDINARJU PUBBLIKU

GĦALL-ĦOLQIEN TA’ KARDINALI ĠODDA

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Is-Sibt 19 ta’ Novembru 2016

 

Is-silta tal-Vanġelu li għadna kemm smajna (ara Lq 6:27-36) ħafna jsejħulha “d-diskors tal-pjanura”. Wara l-għażla tat-Tnax, Ġesù niżel mad-dixxipli tiegħu f’post fejn folla kbira ta’ nies kienet qed tistennieh biex tisimgħu u biex titfejjaq minnu. Is-sejħa tal-Appostli hi msieħba minn din il-“mixja” lejn il-pjanura, lejn il-laqgħa ma’ ġemgħa kbira ta’ nies li, kif jgħid it-test tal-Vanġelu, kienet “imħabbta” (ara v. 18). Il-ħatra tagħhom, flok ma żammithom fl-għoli fuq il-muntanja, fuq il-quċċata, twassalhom fil-qalba tal-folla, tqegħidhom f’nofs it-taħbit tagħha, livell wieħed ma’ ħajjithom. B’dan il-mod il-Mulej juri lilhom u lilna li l-vera quċċata nilħquha fil-pjanura, u l-pjanura tfakkarna li l-quċċata qiegħda f’ħarsa u speċjalment f’sejħa: “Ħennu, bħalma ħanin hu Missierkom” (v. 36).

 

Stedina msieħba minn erba’ kmandijiet, nistgħu ngħidu minn erba’ sejħat li l-Mulej qed jagħmlilhom biex jagħġen il-vokazzjoni tagħhom b’mod konkret, fil-ħajja ta’ kuljum. Huma erba’ azzjonijiet li jsawru, ilaħħmu u jagħmlu tanġibbli l-mixja tad-dixxiplu. Nistgħu ngħidu li huma erba’ tappi tal-mistagoġija tal-ħniena: ħobbu, agħmlu l-ġid, bierku u itolbu. Naħseb fuq dawn l-aspetti kollha nistgħu naqblu u jagħmlu sens ukoll. Huma erba’ azzjonijiet li faċli nwettqu ma’ ħbiebna, mal-persuni ftit jew wisq qrib tagħna, qribna fl-imħabba u r-rispett, fil-gost, fid-drawwiet li għandna.

 

Il-problema tqum meta Ġesù jippreżentalna d-destinatarji ta’ dawn l-azzjonijiet, u f’dan hu ċar ħafna, ma joqgħodx jilgħab bil-kliem u lanqas juża retorika. Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħitkom, itolbu għal min iżeblaħkom (ara vv. 27-28).

 

U dawn mhumiex azzjonijiet li jiġuna spontanji ma’ min għandna quddiemna bħala avversarju, bħala għadu. Quddiem dawn, l-ewwel imġiba naturali tagħna hi dik li nwaqqgħuhom għaċ-ċajt, niskreditawhom, nisħtuhom; f’ħafna każi nippruvaw “inxajtnuhom”, biex ikollna ġustifikazzjoni “qaddisa” ħalli neħilsu minnhom. Bil-maqlub, dwar l-għadu, dwar min jobogħdok, jisħtek jew jaqla’ fuqek, Ġesù jgħidlek: ħobbu, agħmillu l-ġid, bierku u itlob għalih.

 

Ninsabu quddiem waħda mill-karatteristiċi proprji tal-messaġġ ta’ Ġesù, hemm fejn huma moħbija l-qawwa u s-sigriet tiegħu; minn hemm toħroġ l-għajn tal-ferħ tagħna, il-qawwa tal-missjoni tagħna u t-tħabbira tal-Bxara t-Tajba. L-għadu hu dak li jiena rrid inħobb. Fil-qalb ta’ Alla m’hemmx għedewwa, Alla għandu biss ulied. Aħna nibnu u ntellgħu l-ħitan u nikklassifikaw il-persuni. Alla għandu biss ulied, u mhux eżattament biex jara kif jeħles minnhom. L-imħabba ta’ Alla għandha t-togħma tal-fedeltà lejn il-bnedmin, għax hi mħabba ġejja minn ġewwa, imħabba ta’ omm u missier li ma jistax jitlaq lil uliedu għal riħhom, imqar meta dawn ikunu żbaljaw. Il-Missier tagħna ma joqgħodx jistenna li jħobb lid-dinja meta nsiru tajbin, ma joqgħodx jistenna li jħobbna meta nsiru inqas inġusti jew insiru perfetti; iħobbna għax għażel li jħobbna, iħobbna għax tana l-istat ta’ wlied. Ħabbna mqar meta konna għedewwa tiegħu (ara Rum 5:10). L-imħabba bla kundizzjonijiet tal-Missier lejn kulħadd kienet, u hi, veru bżonn ta’ konverżjoni għall-qalb imsejkna tagħna li hi miġbuda biex tiġġudika, tifred, topponi u tikkundanna. Meta nafu li Alla jissokta jħobb anki lil min jirrifjutah, din hi għajn bla tarf ta’ fiduċja u stimolu għall-missjoni tagħna. L-ebda id imċappsa ma tista’ żżomm lil Alla milli jqiegħed f’dik l-id il-Ħajja li jixtieq jirregalalna.

 

Din tagħna hi epoka kkaratterizzata minn problematiċi u mistoqsijiet kbar fuq skala dinjija. Għaddejjin minn żmien fejn reġgħu qed jixterdu bil-kbir, fis-soċjetajiet tagħna, il-polarizzazzjoni u l-esklużjoni bħala l-uniku mod possibbli biex insewwu l-ġlied. Qed naraw, ngħidu aħna, kif fi żmien qasir min jinsab maġenbna mhux biss jikseb l-istatus ta’ xi ħadd anonimu jew ta’ immigrant jew ta’ rifuġjat, imma jsir theddida, jikseb l-istatus ta’ għadu. Għadu għax ġej minn art imbiegħda jew għax għandu drawwiet oħra. Għadu minħabba l-lewn tal-ġilda, minħabba l-ilsien jew il-qagħda soċjali, għadu għax jaħsibha differenti u anki għax għandu fidi oħra. Għadu għax… U, bla ma nintebħu, din il-loġika tbejjet fil-mod kif aħna ngħixu, naġixxu u nimxu. Hekk, kollox u kulħadd jibda jkollu t-togħma ta’ xi ħadd li hu kontrina. Ftit ftit id-differenzi jinbidlu f’sintomi ta’ ostilità, theddida u vjolenza. Kemm ġrieħi jitwessgħu minħabba f’din l-epidemija ta’ animosità u ta’ vjolenza, li tolqot il-ġisem ta’ ħafna li m’għandhomx leħen għax il-karba tagħhom iddgħajfet u ġiet imsikkta minħabba f’din il-marda tal-indifferenza! Kemm sitwazzjonijiet ta’ prekarjetà u ta’ tbatija jinżergħu minħabba f’din l-ostilità li qed tikber bejn il-popli, bejnietna! Iva, bejnietna, fil-komunitajiet tagħna, il-presbiterji tagħna, il-laqgħat tal-gruppi tagħna. Il-marda tal-polarizzazzjoni u tal-ostilità qed timpesta l-modi ta’ kif naħsbu, inħossu u naġixxu. M’aħniex meħlusa minn dan u rridu noqogħdu attenti li dan l-atteġġjament ma jokkupalniex qalbna, għax inkunu qed immorru kontra l-għana u l-universalità tal-Knisja li nistgħu mmissuha b’idejna f’dan il-Kulleġġ Kardinalizju. Ġejjin minn artijiet imbiegħda, għandna drawwiet, kuluri tal-ġilda, lingwi u kundizzjonijiet soċjali differenti; naħsbuha b’modi diversi u niċċelebraw anki l-fidi b’riti differenti. U xejn minn dan kollu ma jagħmilna għedewwa, imma bil-maqlub, hu wieħed mill-akbar għana li għandna.

 

Għeżież ħuti, Ġesù ma jieqaf qatt “jinżel mill-muntanja”, ma jieqaf qatt jipprova jdaħħalna f’salib it-toroq tal-istorja tagħna biex inħabbru l-Vanġelu tal-Ħniena. Ġesù jissokta jsejħilna u jibgħatna fil-“pjanura” tal-popli tagħna, jissokta jistedinna nqattgħu ħajjitna nimlew bit-tama lil niesna, bħala sinjali ta’ rikonċiljazzjoni. Bħala Knisja, nibqgħu niġu mistiedna niftħu għajnejna biex naraw il-ġrieħi ta’ tant ħutna mċaħħda mid-dinjità tagħhom, imċaħħda mid-dinjità tagħhom.

 

Għażiż ħija Kardinal ġdid, il-mixja lejn is-Sema tibda fil-pjanura, fil-ħajja ta’ kuljum miksura u maqsuma, ta’ ħajja mqattgħa u mogħtija. Fid-don ta’ kuljum u sieket ta’ dak li aħna. Il-quċċata li rridu nilħqu hi din il-kwalità ta’ mħabba; id-destinazzjoni u l-fini tagħna hi li nfittxu fil-pjanura tal-ħajja, flimkien mal-Poplu ta’ Alla, li ninbidlu f’persuni kapaċi jaħfru u jirrikonċiljaw.

 

Għażiż ħija, illum qed tiġi mitlub tħares fil-qalb tiegħek u f’dik tal-Knisja din l-istedina biex tkun ħanin bħall-Missier, għax taf li “jekk hemm xi ħaġa li bir-raġun kollu għandha tinkwetana u tħassibna fil-kuxjenza tagħna hi li tant minn ħutna qed jgħixu mingħajr il-qawwa, id-dawl u l-faraġ tal-ħbiberija ma’ Ġesù Kristu, mingħajr komunità ta’ fidi li tilqagħhom għandha, mingħajr ebda xefaq ta’ sens u ta’ ħajja (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 49).

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard