QUDDIESA F’JUM IL-KATEKISTI

FL-OKKAŻJONI TAS-SENA TAL-FIDI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru - Il-Ħadd 29 ta’ Settembru 2013

 

1. “Ħażin għalihom dawk li fSijon għandhom moħħhom mistrieħ,fuq sodod ta l-avorju mimduda” (Għam 6:1,4), jieklu, jixorbu, ikantaw, jiddevertu u ma jagħtux kas tal-problemi ta’ l-oħrajn.

 

Kliem iebes dan tal-Profeta Għamos, imma li jwissina kontra periklu li lkoll għandna quddiemna.  X’qed jikkundanna dan il-messaġġier ta’ Alla?  X’qiegħed ipoġġi quddiem għajnejn in-nies ta’ żmienu u anki quddiem għajnejna l-lum?  Ir-riskju li nitgħażżnu, li noqogħdu komdi aħna, li fil-ħajja u fil-qalb tagħna nfittxu l-ħwejjeġ tad-dinja, li nżommu fiċ-ċentru l-istess ġid tagħna.  Hi l-istess esperjenza ta’ l-għani tal-Vanġelu, li kien jilbes ħwejjeġ mill-ifjen u kuljum kien jagħti ikliet abbundanti; dan kien l-importanti għalih.  U l-fqir fuq l-għatba ta’ biebu li bilkemm kellu biex jiekol?  Ma kinitx affari tiegħu, m’hix problema tiegħu.  Jekk l-oġġetti, il-flus, il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja jsiru ċ-ċentru tal-ħajja, jispiċċaw jaħtfuna, jipposseduna u aħna nitilfu l-istess identità tagħna ta’ bnedmin: araw sew kif l-għani tal-Vanġelu m’għandux isem, hu sempliċement “għani”.  L-oġġetti, dak li jippossedi, dawn huma l-wiċċ tiegħu, m’għandux aktar minn hekk.

 

Imma nippruvaw nistaqsu: Kif ġara dan?  Kif qatt il-bnedmin, forsi anki aħna, nistgħu naqgħu fil-periklu li ningħalqu, li npoġġu t-tama tagħna fl-oġġetti, li fl-aħħar mill-aħħar jisirqulna wiċċna, il-wiċċ uman tagħna?  Dan jiġri meta nitilfu l-memorja ta’ Alla.  “Ħażin għalihom dawk li fSijon għandhom moħħhom mistrieħ”, qal il-Profeta.  Jekk nitilfu l-memorja ta’ Alla, nibdew nidraw kollox, kollox jibda jdur mal-jien, ma’ kemm qiegħed sew jien.  Il-ħajja, id-dinja, l-oħrajn, jitilfu l-importanza tagħhom, ma jibqgħu jgħoddu xejn, kollox jirriduċi ruħu għal dimensjoni waħda: kemm għandi.  Jekk nitilfu l-memorja ta’ Alla, anki aħna nitilfu l-konsistenza tagħna, anki aħna niżvojtaw minn ġewwa, nitilfu l-wiċċ tagħna bħalma ġralu l-għani tal-Vanġelu!  Min jiġri wara x-xejn isir hu nnifsu xejn – hekk jgħid profeta ieħor kbir, Ġeremija (ara Ġer 2:5).  Aħna ġejna maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla, mhux fuq ix-xbieha ta’ l-oġġetti, ta’ l-idoli!

 

2. Allura, meta narakom hawn, nistaqsi: Min hu l-katekista?  Hu dak li jħares u jkabbar il-memorja ta’ Alla; iħarisha fih innifsu u jaf kif iqanqalha fl-oħrajn.  Kemm hu sabiħ dan: noħolqu l-memorja ta’ Alla, bħall-Verġni Marija li, quddiem l-għemil ta’ l-għaġeb ta’ Alla fil-ħajja tagħha, ma taħsibx fil-ġieħ, fil-prestiġju, fl-għana, ma tingħalqax fiha nfisha.  Għall-kuntrarju, wara li laqgħet it-tħabbira ta’ l-Anġlu u nisslet fiha l-Iben ta’ Alla, x’tagħmel?  Titlaq, tmur għand il-qariba xwejħa tagħha Eliżabetta, li kienet tqila wkoll, biex tgħinha; u fil-laqgħa tagħha magħha l-ewwel att tagħha hu li tfakkar [tagħmel memorja ta’] dak li għamel Alla, il-fedeltà ta’ Alla f’ħajjitha, fl-istorja tal-poplu tiegħu, fl-istorja tagħna: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej… għax ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu… il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien” (Lq 1:46,48,50).  Marija tħares fiha din il-memorja ta’ Alla.

 

F’dan il-kantiku ta’ Marija hemm anki l-memorja ta’ l-istorja personali tagħha, l-istorja ta’ Alla magħha, l-istess esperjenza tagħha tal-fidi.  U dan hu l-istess għal kull wieħed u waħda minna, għal kull Nisrani: il-fidi tiġbor fiha sewwa sew il-memorja ta’ l-istorja ta’ Alla magħna, il-memorja tal-laqgħa tagħna ma’ Alla li jkun hu li jmidd l-ewwel pass, li joħloq u jsalva, li jibdilna; il-fidi hi memorja tal-Kelma tiegħu li tħeġġeġ il-qalb, ta’ l-għemejjel tiegħu ta’ salvazzjoni li bihom jagħtina l-ħajja, isaffina, jikkurana, jitmagħna.  Il-katekista hu sewwa sew dak in-Nisrani li jqiegħed din il-memorja għas-servizz tat-tħabbira; mhux biex jidher hu, mhux biex jitkellem fuqu nnifsu, imma biex jitkellem dwar Alla, dwar imħabbtu, dwar il-fedeltà tiegħu.  Jitkellem u jittrasmetti dak kollu li Alla rrivela, jiġifieri d-duttrina kollha kemm hi, mingħajr ma jnaqqas jew iżid.

 

San Pawl lid-dixxiplu u kollaboratur tiegħu Timotju jirrikkmandalu fuq kollox ħaġa waħda: Ftakar, ftakar f’Ġesù Kristu, li qam mill-mewt, li lilu jien inħabbar u li għalih qed inbati (ara 2 Tim 2:8-9).  Imma l-Appostlu dan jista’ jgħidu għax hu stess kien l-ewwel wieħed li ftakar fi Kristu, li sejjaħlu meta kien persekutur ta’ l-Insara, messlu qalbu u bidlu bil-Grazzja tiegħu.

 

Allura l-katekista hu Nisrani li jġorr fih il-memorja ta’ Alla, iħalli din il-memorja ta’ Alla tmexxih tul ħajtu kollha, u jaf kif iqanqalha fil-qlub ta’ l-oħrajn.  Dan jitlob impenn!  Jimpenjana għal ħajjitna kollha!  X’inhu l-istess Katekiżmu jekk mhux memorja ta’ Alla, memorja ta’ l-azzjoni tiegħu fl-istorja, tal-fatt li hu ġie qrib tagħna fi Kristu, preżenti fil-Kelma tiegħu, fis-Sagramenti, fil-Knisja tiegħu, fi mħabbtu?  Għeżież katekisti, nistaqsikom: Aħna qed inkunu memorja ta’ Alla?  Qed inkunu tassew bħal dawk l-għassiesa li jfittxu li jżommu ħajja fl-oħrajn din il-memorja ta’ Alla, li tqanqal il-qalb?

 

3. “Ħażin għalihom dawk li fSijon għandhom moħħhom mistrieħ”, jgħid il-Profeta.  Liema triq għandna naqbdu biex ma nkunux persuni “moħħhom mistrieħ”, li jqiegħdu t-tama tagħhom fihom infushom u fil-ħwejjeġ tad-dinja, imma rġiel u nisa tal-memorja ta’ Alla?  Fit-Tieni Qari San Pawl, hu u jikteb lil Timotju, jagħti xi indikazzjonijiet li jistgħu jimmarkaw ukoll il-mixja tal-katekista, il-mixja tagħna: infittxu li jkollna l-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa (ara 1 Tim 6:11).

 

Il-katekista jista’ jkun bniedem tal-memorja ta’ Alla jekk jibni relazzjoni ħajja, kostanti miegħU u mal-proxxmu; jekk ikun bniedem ta’ fidi, li jafda tassew f’Alla u jqiegħed fiH it-tama tiegħu; jekk ikun bniedem ta’ karità, ta’ mħabba, li jara f’kulħadd ħuh u oħtu; jekk hu bniedem ta’ “hypomoné”, ta’ paċenzja, ta’ perseveranza, li jaf jaffronta d-diffikultajiet, il-provi, il-fallimenti, b’serenità u tama fil-Mulej; jekk hu bniedem twajjeb, kapaċi jagħder u jħenn.

 

Nitolbu lill-Mulej biex ilkoll kemm aħna nkunu rġiel u nisa li jħarsu u jkabbru l-memorja ta’ Alla fil-ħajja tagħhom u jkunu kapaċi jqanqluha fil-qlub ta’ l-oħrajn.  Amen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard