ĊERIMONJA TAL-KANONIZZAZZJONI TAL-BEATI

GIOVANNI ANTONIO FARINA

KURIAKOSE ELIAS CHAVARA TAL-FAMILJA MQADDSA

LUDOVICO MINN CASORIA

NICOLA MINN LONGOBARDI

EUFRASIA ELUVATHINGAL TAL-QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ

AMATO RONCONI

 

 OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan ta’ l-Univers

 Pjazza San Pietru - Il-Ħadd 23 ta’ Novembru 2014

 

Il-liturġija tal-lum tistedinna nwaqqfu ħarsitna fuq Ġesù bħala Sultan ta’ l-Univers.  It-talba sabiħa tal-Prefazju tfakkarna li s-saltna tiegħu hi “saltna ta’ verità u ta’ ħajja, saltna ta’ qdusija u ta’ grazzja, saltna ta’ ġustizzja, ta’ mħabba u ta’ paċi”.  Il-Qari li smajna jurina kif Ġesù wettaq din is-saltna tiegħu; kif qed iwettaqha matul l-istorja; u x’qed jitlob minna.

 

Qabel xejn, kif Ġesù wettaq is-saltna: dan għamlu billi kien qrib tagħna u wera ħlewwa magħna.  Hu r-Ragħaj, li dwaru kellimna l-Profeta Eżekjel fl-Ewwel Qari (ara 34:11-12,15-17).  Din is-silta kollha hi minsuġa minn verbi li juru l-għożża u l-imħabba tar-Ragħaj lejn in-nagħaġ tal-merħla tiegħu: ifittixhom, jgħaddi jgħoddhom, jiġborhom mit-telfien, jeħodhom fil-mergħat, jagħtihom il-mistrieħ, ifittex in-nagħġa l-mitlufa, ireġġa’ lura l-maħruba, jinfaxxa l-miġruħa, idewwi l-marida, jieħu ħsiebhom, jiragħhom.  Dawn l-atteġġjamenti kollha saru realtà f’Ġesù Kristu: Hu tabilħaqq ir-“Ragħaj il-kbir tan-nagħaġ u ħarries ta’ ruħna” (ara Lhud 13:20; 1 Piet 2:25).

 

U aħna li fil-Knisja aħna msejħa nkunu rgħajja, ma nistgħux naħarbu minn dan il-mudell, jekk ma rridux nispiċċaw merċenarji.  F’dan ir-rigward, il-poplu ta’ Alla kapaċi jxomm bla ma jiżbalja meta jiġi biex jagħraf ir-rgħajja tajbin mix-xriek.

 

Wara r-rebħa tiegħu, jiġifieri wara l-Qawmien tiegħu, Ġesù kif qiegħed imexxi s-saltna tiegħu?  L-Appostlu Pawlu, fl-Ewwel Ittra lill-Korintin, jgħidilna: “Jeħtieġ li hu jsaltan sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh” (15:25).  Hu l-Missier li ftit ftit iqiegħed kollox f’riġlejn l-Iben, u fl-istess ħin l-Iben iqiegħed kollox f’riġlejn il-Missier.  Ġesù m’hux sultan kif tridu din id-dinja: issaltan, għaliH, ma jfissirx tikkmanda, imma tobdi lill-Missier, tingħata f’idejH, biex jitwettaq il-pjan tiegħu ta’ mħabba u ta’ fidwa.  B’dan il-mod hemm reċiproċità bejn il-Missier u l-Iben.  Għalhekk żmien is-saltna ta’ Kristu hu ż-żmien twil li fih kollox jitqiegħed f’riġlejn l-Iben u li fih l-Iben jagħti kollox f’idejn il-Missier.  “L-aħħar għadu li jinqered tkun il-mewt” (1 Kor 15:26).  U fl-aħħar, meta kollox ikun tqiegħed taħt ir-regalità ta’ Ġesù, u kollox, anki Ġesù nnifsu, ikun tqiegħed f’riġlejn il-Missier, Alla jkun kollox f’kulħadd (ara 1 Kor 15:28).

 

Il-Vanġelu jurina x’titlob minna s-saltna ta’ Ġesù: tfakkarna illi li nkunu qrib ta’ l-oħrajn u nimxu bi ħlewwa magħhom huma r-regola tal-ħajja għalina wkoll, u fuq dan għad niġu ġġudikati.  Hi l-parabbola kbira tal-Ġudizzju Finali ta’ Mattew 25.  Is-Sultan jgħid: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinjaGħax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (25:34-36).  Il-ġusti jistaqsuh: Meta għamilna dan kollu?  U hu jweġibhom: “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

 

Is-salvazzjoni ma tibdiex mill-istqarrija tar-regalità ta’ Kristu, imma mill-imitazzjoni ta’ l-opri ta’ ħniena li permezz tagħhom Hu wettaq is-Saltna.  Min iwettaq dawn juri li laqa’ r-regalità ta’ Ġesù, għax għamel wisa’ għall-imħabba ta’ Alla f’qalbu.  Ma’ l-għabex tal-ħajja għad inkunu ġġudikati fuq l-imħabba, fuq kemm konna qrib ta’ ħutna u mxejna bi ħlewwa magħhom.  Minn dan jiddipendi nidħlux jew le fis-Saltna ta’ Alla, jekk inkunux fuq naħa jew fuq l-oħra.  Ġesù, bir-rebħa tiegħu, fetħilna s-saltna tiegħu, imma minna jiddependi nidħlux jew le, ibda minn din il-ħajja, billi b’mod konkret inkunu qrib ta’ ħuna li qed jitlobna l-ħobż, il-ħwejjeġ, li nilqgħuh u nuru solidarjetà miegħu.  U jekk inħobbu tassew lil dak ħuna jew dik oħtna, inħossuna fid-dmir li naqsmu miegħu jew magħha dak li għandna l-aktar prezzjuż, jiġifieri Ġesù nnifsu u l-Vanġelu tiegħu!

 

Il-lum il-Knisja qed tqegħdilna quddiemna bħala mudelli lil dawn il-qaddisin ġodda li, propju permezz ta’ l-opri ta’ għotja ġeneruża lil Alla u lil ħuthom, kienu qaddejja, kull wieħed u waħda fl-ambjent tiegħu, tas-Saltna ta’ Alla u saru werrieta tagħha.  Kull wieħed u waħda minnhom wieġeb bi kreattività straordinarja għall-kmandament ta’ l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu.  Iddedikaw ruħhom, bla ma żammew xejn għalihom, għall-qadi ta’ dawk ta’ l-aħħar, u kienu ta’ għajnuna għall-foqra, il-morda, l-anzjani, il-pellegrini.  L-għożża tagħhom għaċ-ċkejknin u l-foqra kienet il-mera u l-kejl ta’ l-imħabba inkundizzjonata lejn Alla.  Fil-fatt, huma fittxew u skoprew il-karità fir-relazzjoni qawwija u personali ma’ Alla, li minnha toħroġ l-imħabba vera lejn il-proxxmu.  Għalhekk, fis-siegħa tal-Ġudizzju, semgħu din l-istedina ħelwa: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-saltna mħejjija għalikom sa mill-bidu tad-dinja” (Mt 25:34).

 

Bir-rit tal-kanonizzazzjoni, għal darb’oħra stqarrejna l-misteru tas-saltna ta’ Alla u weġġaħna lil Kristu Sultan, Ragħaj mimli mħabba għall-merħla tiegħu.  Jalla l-qaddisin ġodda, bl-eżempju u l-interċessjoni tagħhom, ikabbru fina l-ferħ li nimxu fit-triq tal-Vanġelu, id-deċiżjoni li nagħmlu minnu l-boxxla ta’ ħajjitna.  Ejjew nimxu fuq il-passi tagħhom, nixbhuhom fil-fidi tagħhom u l-imħabba li wrew fil-karità, biex anki t-tama tagħna titlibbes bl-immortalità.  Ma nħallux jifxluna l-interessi l-oħra ta’ din l-art li jtiru mar-ruħ.  U ħa tmexxina lejn is-Saltna tas-Smewwiet l-Omm tagħna, Marija, Sultana tal-Qaddisin kollha.  Amen.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard